This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32012D0325
Council Decision 2012/325/CFSP of 25 June 2012 extending the mandate of the European Union Special Representative for Sudan and South Sudan
Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/325/PESK tal- 25 ta’ Ġunju 2012 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Sudan u s-Sudan t’Isfel
Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/325/PESK tal- 25 ta’ Ġunju 2012 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Sudan u s-Sudan t’Isfel
ĠU L 165, 26.6.2012, pp. 49–52
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2013: This act has been changed. Current consolidated version:
01/07/2013
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/325/oj
26.6.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 165/49 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/325/PESK
tal-25 ta’ Ġunju 2012
li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Sudan u s-Sudan t’Isfel
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 31(2) u l-Artikolu 33 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fil-11 ta’ Awwissu 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/450/PESK (1) li taħtar lis-Sinjura Rosalind MARSDEN bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Sudan. |
(2) |
Fl-1 ta’ Awwissu 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/499/PESK (2) li emendat il-mandat u t-titlu tar-RSUE fid-dawl tad-dikjarazzjoni tal-indipendenza mis-Sudan t’Isfel. Il-mandat tar-RSUE ser jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2012. |
(3) |
Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż għal perijodu ieħor ta’ 12-il xahar. |
(4) |
Ir-RSUE ser timplimenta l-mandat fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif hemm imniżżel fl-Artikolu 21 tat-Trattat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea
Il-mandat tas-Sinjura Rosalind MARSDEN bħala r-RSUE għas-Sudan u s-Sudan t’Isfel huwa b’dan estiż sat-30 ta’ Ġunju 2013. Il-mandat tar-RSUE jista’ jintemm qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-RGħ).
Artikolu 2
Objettivi ta’ politika
Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni fir-rigward tas-Sudan u s-Sudan t’Isfel, b’ħidma mal-Gvernijiet tagħhom, l-Unjoni Afrikana (UA) u n-Nazzjonijiet Uniti (NU) u partijiet interessati nazzjonali, reġjonali u internazzjonali oħra, biex tinkiseb koeżistenza paċifika bejn is-Sudan u s-Sudan t’Isfel abbażi tal-prinċipju ta’ żewġ stati vijabbli, paċifiċi u prosperi. L-objettivi ta’ politika tal-Unjoni jinkludu kontribut attiv għas-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet tal-Ftehim ta’ Paċi Komprensiv (CPA) u ta’ wara s-CPA u għajnuna għall-partiti biex jimplimentaw dak li ntlaħaq qbil dwaru; appoġġ għall-isforzi biex tiġi stabbilizzata ż-żona tal-fruntiera volatili tramuntana-nofsinhar; promozzjoni tal-bini ta’ istituzzjonijiet u trawwim ta’ stabbiltà, sigurtà u żvilupp fis-Sudan t’Isfel; tiġi ffaċilitata soluzzjoni politika għall-kunflitt f’Darfur; promozzjoni tal-isforzi biex jissolva l-kunflitt fil-Kordofan tan-Nofsinhar u fl-Istati tal-Blue Nile; promozzjoni tal-governanza demokratika, ir-responsabbiltà u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluża kooperazzjoni sħiħa mal-Qorti Kriminali Internazzjonali; titjib tal-impenn fis-Sudan tal-Lvant; u titjib tal-aċċess umanitarju fis-Sudan u s-Sudan t’Isfel kollu.
Barra minn hekk, il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettiv ta’ politika tal-Unjoni li jikkontribwixxi għall-mitigazzjoni u l-eliminazzjoni ta’ theddid għall-istabbiltà tas-Sudan t’Isfel u r-reġjun usa’ ppreżentat mil-Lord’s Resistance Army (LRA).
Artikolu 3
Mandat
Sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:
(a) |
issir ħidma mal-Gvern tas-Sudan, il-Gvern tas-Sudan t’Isfel, il-partiti politiċi Sudaniżi u tas-Sudan t’Isfel, il-movimenti armati u ribelli fis-Sudan u s-Sudan t’Isfel, kif ukoll is-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet mhux governattivi, bil-għan li jitwettqu l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni; |
(b) |
tinżamm kooperazzjoni mill-qrib man-NU, inkluż il-Missjoni tan-NU fis-Sudan t’Isfel (UNMISS), il-Forza tas-Sigurtà Interim tan-NU għal Abyei (UNISFA) u l-Mibgħut Speċjali tan-NU, l-UA u b’mod partikolari l-Grupp ta’ Implimentazzjoni ta’ Livell Għoli tal-UA għas-Sudan (AUHIP), l-operazzjoni ibrida tal-UA/NU (UNAMID), il-Lega tal-Istati Għarab (LAS), l-Aġenzija Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD), u partijiet interessati oħra reġjonali u internazzjonali ewlenin; |
(c) |
tiġi rrappreżentata l-Unjoni u jiġu promossi l-objettivi ta’ politika u l-pożizzjonijiet tagħha fil-fora internazzjonali u pubbliċi, kif adatt; |
(d) |
isir kontribut għal aktar koerenza u effettività tal-politika tal-Unjoni lejn is-Sudan u s-Sudan t’Isfel, filwaqt li jiġi promoss approċċ internazzjonali konsistenti lejn iż-żewġ pajjiżi; |
(e) |
jingħata kontribut fl-isforzi ta’ medjazzjoni internazzjonali mmexxija mill-AUHIP biex jiġi ffaċilitat qbil bejn is-Sudan u s-Sudan t’Isfel dwar kwistjonijiet pendenti ta’ wara s-CPA u biex tinstab soluzzjoni politika inklussiva għall-kunflitt kontinwu fil-Kordofan tan-Nofsinhar u l-Istati tal-Blue Nile; |
(f) |
tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-kwistjonijiet maqbulin skont is-CPA u l-implimentazzjoni eventwali tal-ftehimiet dwar kwistjonijiet ta’ wara s-CPA; |
(g) |
jiġi promoss il-bini tal-istituzzjonijiet fis-Sudan t’Isfel; |
(h) |
jingħata kontribut għal sforzi internazzjonali biex jiġi ffaċilitat ftehim ta’ paċi komprensiv, inklużiv u dejjiemi għal Darfur u tiġi promossal-implimentazzjoni tad-Dokument ta’ Doha, b’ħidma mill-qrib man-NU, l-UA, il-Gvern tal-Qatar u partijiet interessati internazzjonali oħra, kif meħtieġ; |
(i) |
jiġi promoss ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem billi jinżammu kuntatti regolari mal-awtoritajiet rilevanti fis-Sudan u s-Sudan t’Isfel, l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem attivi fir-reġjun; |
(j) |
jingħata kontribut għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Linji Gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari l-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tfal u l-Kunflitt Armat, kif ukoll dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni kontrihom u l-politika tal-Unjoni dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1325 (2000) dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, inkluż permezz tal-monitoraġġ u r-rappurtar dwar l-iżviluppi kif ukoll l-ifformular ta’ rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rigward; |
(k) |
jingħata kontribut għall-implimentazzjoni ta’ approċċ komprensiv tal-Unjoni għas-Sudan u s-Sudan t’Isfel kif maqbul mill-Kunsill Affarijiet Barranin fl-20 ta’ Ġunju 2011; |
(l) |
jingħata kontribut, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), lill-impenn tal-UE mal-partijiet interessati rilevanti kollha biex jingħata appoġġ lill-isforzi għall-mitigazzjoni u l-eliminazzjoni t-theddida għaċ-ċittadini u l-istabbiltà fis-Sudan t’Isfel u r-reġjun usa’ ppreżentat mil-LRA; |
(m) |
ikun hemm segwitu u tirrapporta dwar il-konformità tal-partiti Sudaniżi u tas-Sudan t’Isfel mar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tal-Sigurtà tan-Nazzjonijet Uniti rilevanti, partikolarment 1556 (2004), 1564 (2004), 1590 (2005), 1591 (2005), 1593 (2005), 1612 (2005), 1663 (2006), 1672 (2006), 1679 (2006), 1769 (2007), 1778 (2007), 1881 (2009), 1882 (2009), 1891 (2009), 1919 (2010), 1990 (2011), 1996 (2011), 2024 (2011), 2046 (2012). |
Artikolu 4
Implimentazzjoni tal-mandat
1. Ir-RSUE għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li taġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.
2. Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta’ kuntatt primarju tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.
3. Ir-RSUE għandha taħdem f’koordinazzjoni mill-qrib mas-SEAE u d-dipartimenti relevanti tiegħu.
Artikolu 5
Finanzjament
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2012 sat-30 ta’ Ġunju 2013 għandu jkun ta’ EUR 1 900 000.
2. In-nefqa għandha tiġi amministrata konformement mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3. L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandha tkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull nefqa.
Artikolu 6
Struttura u kompożizzjoni tal-grupp
1. Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u tal-mezzi finanzjarji korrispondenti li jsiru disponibbli, ir-RSUE għandha tkun responsabbli għat-twaqqif ta’ grupp. Il-grupp għandu jinkludi konsulenza esperta dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika u ta’ sigurtà kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandha żżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tal-grupp.
2. L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta’ tali persunal issekondat għandu jiġi kopert mill-Istat Membru, l-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew is-SEAE, rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mas-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati lir-RSUE. Il-persunal internazzjonali b’kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.
3. Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru mandanti, l-istituzzjoni tal-Unjoni li tibgħat jew is-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.
Artikolu 7
Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u tal-persunal tar-RSUE
Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-persunal tagħha għandhom jiġu miftehmin mal-pajjiż/pajjiżi ospitanti, kif adatt. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ meħtieġ kollu għal dan il-għan.
Artikolu 8
Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE
Ir-RSUE u l-membri tal-grupp tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE tal-31 ta’ Marzu 2011 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (3).
Artikolu 9
Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku
1. L-Istati Membri, il-Kummissjoni, is-SEAE u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li jingħata aċċess lir-RSUE għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.
2. Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, kif meħtieġ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.
Artikolu 10
Sigurtà
Konformement mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta’ persunal immobilizzat barra l-Unjoni f’kapaċità operazzjonali taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandha tieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, konformement mal-mandat tar-RSUE u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tagħha, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità tar-RSUE, b’mod partikolari billi:
(a) |
tistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregolaw l-immaniġġar tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni, kif ukoll l-immaniġġar ta’ inċidenti ta’ sigurtà u pjan ta’ kontinġenza u evakwazzjoni tal-missjoni; |
(b) |
tiżgura li l-persunal kollu mmobbilizzat barra mill-Unjoni jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni; |
(c) |
tiżgura li l-membri kollha tal-grupp tar-RSUE li jkunu ser jiġu skjerati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel ma jaslu fiż-żona tal-missjoni jew kif jaslu, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati liż-żona tal-missjoni mis-SEAE; |
(d) |
tiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha miftehmin, magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta’ sigurtà, u jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapport ta’ progress u r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat. |
Artikolu 11
Rappurtaġġ
1. Ir-RSUE għandha tipprovdi regolarment lir-RGħ u lill-KPS rapporti bil-fomm u bil-miktub. Ir-RSUE għandha tirrapporta wkoll lill-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill kif ikun meħtieġ. Għandhom jiġu ċċirkolati rapporti regolari bil-miktub permezz tan-netwerk COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tar-RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE tista’ tipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin.
2. Ir-RSUE għandha tirrapporta regolarment lill-KPS dwar is-sitwazzjoni f’Darfur u dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan u s-Sudan t’Isfel.
Artikolu 12
Koordinazzjoni
1. Ir-RSUE għandha tikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effettività tal-azzjoni tal-Unjoni u għandha tgħin sabiex tassigura li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet tal-Istati Membri jiġu użati konsistentement, sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma’ dawk tal-Kummissjoni, kif ukoll dawk ta’ RSUE oħrajn attivi fir-reġjun. Ir-RSUE għandha tipprovdi lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun aġġornamenti regolari ta’ informazzjoni.
2. Fil-post, għandu jinżamm kuntatt mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni, inkluż f’Khartoum, f’Juba, f’Addis Ababa u New York u mal-Kapijiet ta’ Missjoni tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu kull sforz biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat tagħha. Ir-RSUE għandha wkoll iżżomm kollegament ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħrajn fuq il-post.
3. Ir-RSUE, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kap tad-delegazzjoni tal-Unjoni f’Juba, għandha tipprovdi gwida politika lokali lill-Kap tal-Missjoni ta’ EUAVSEC-Sudan t’Isfel. Ir-RSUE u l-Kmandat tal-Operazzjoni Ċivili għandhom jikkonsultaw ma’ xulxin kif meħtieġ.
Artikolu 13
Analiżi
L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħrajn mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jiġu analizzati regolarment. Ir-RSUE għandha tippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapport ta’ progress sal-aħħar ta’ Diċembru 2012 u rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat fi tmiem il-mandat.
Artikolu 14
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta’ Ġunju 2012.
Għall-Kunsill
Il-President
C. ASHTON
(1) ĠU L 211, 12.8.2010, p. 42.