This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32013R0564
Commission Implementing Regulation (EU) No 564/2013 of 18 June 2013 on the fees and charges payable to the European Chemicals Agency pursuant to Regulation (EU) No 528/2012 of the European Parliament and of the Council concerning the making available on the market and use of biocidal products Text with EEA relevance
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 564/2013 tat- 18 ta’ Ġunju 2013 dwar it-tariffi u l-imposti dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali Test b’relevanza għaż-ŻEE
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 564/2013 tat- 18 ta’ Ġunju 2013 dwar it-tariffi u l-imposti dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 167, 19.6.2013, pp. 17–25
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force: This act has been changed. Current consolidated version:
14/08/2025
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/564/oj
19.6.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 167/17 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 564/2013
tat-18 ta’ Ġunju 2013
dwar it-tariffi u l-imposti dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 80(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-istruttura u l-ammont tat-tariffi pagabbli lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, (minn issa’l quddiem ‘l-Aġenzija’), kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-pagament għandhom jiġu stabbiliti. |
(2) |
L-istruttura u l-ammont tat-tariffi għandhom iqisu x-xogħol meħtieġ mir-Regolament (UE) Nru 528/2012 li għandu jsir mill-Aġenzija. It-tariffi għandhom ikunu ffissati f’livell li jiżgura li d-dħul derivat minnhom, meta magħqud ma’ sorsi oħra ta’ dħul għall-Aġenzija, jkun biżżejjed biex ikopri l-ispiża tas-servizzi mogħtija. |
(3) |
Mill-Artikolu 80(3)(d) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 isegwi li l-istruttura u l-ammont tat-tariffi għandhom iqisu jekk l-informazzjoni ġietx ippreżentata b’mod konġunt jew b’mod separat. Sabiex jiġi rifless l-ammont ta’ xogħol attwali tal-Aġenzija u tiġi promossal-preżentazzjoni konġunta tal-informazzjoni, huwa xieraq li tiġi imposta tariffa waħda biss għal kull applikazzjoni, f’każ li diversi persuni japplikaw flimkien għall-approvazzjoni ta’ sustanza attiva jew għat-tiġdid ta’ approvazzjoni ta’ sustanza attiva. |
(4) |
Biex jitqiesu l-bżonnijiet speċifiċi tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fi ħdan it-tifsira tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (2) [Traduzzjoni mhux uffiċjali] (minn issa ‘l quddiem ‘SMEs’) stabbiliti fl-Unjoni, għandhom japplikaw tariffi mnaqqsa għall-approvazzjoni, it-tiġdid tal-approvazzjoni jew l-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 u għall-awtorizzazzjoni jew it-tiġdid ta’ prodott bijoċidali għal dawn il-kumpaniji. Il-livelli tat-tnaqqis għandhom iqisu l-proporzjon sinifikanti ta’ SMEs fis-settur tal-bijoċidi flimkien mal-interess li jkunu evitati tariffi eċċessivi għal intrapriżi oħra filwaqt li jiġi żgurat li x-xogħol tal-Aġenzija huwa ffinanzjat b’mod sħiħ. Għall-fini tal-iskoraġġiment ta’ applikazzjonijiet għal prodotti li fihom sustanzi attivi li jissodisfaw wieħed mill-kriterji ta’ sostituzzjoni elenkati fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, kif ukoll ta’ sustanzi attivi bħal dawn, it-tnaqqis ma għandux japplika għall-applikazzjonijiet għal tali prodotti bijoċidali jew sustanzi attivi. |
(5) |
B’kunsiderazzjoni tax-xogħol tal-Aġenzija meħtieġ biex tittratta appell magħmul skont l-Artikolu 77 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, huwa xieraq li tiġi imposta tariffa għal appelli bħal dawn skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 77(1) ta’ dak ir-Regolament. Madankollu, biex jiġi evitat li jkunu penalizzati persuni li jressqu appelli ġustifikati, huwa xieraq li dawn it-tariffi jingħataw lura meta l-appell ikollu bażi soda. |
(6) |
B’kunsiderazzjoni tax-xogħol imnaqqas meħtieġ mill-Aġenzija f’każijiet fejn l-applikazzjonijiet jiġu miċħuda qabel jew waqt il-validazzjoni, jew jiġu rtirati waqt il-valutazzjoni tagħhom, huwa xieraq li wieħed jipprovdi għal rifużjoni parzjali tal-ħlasijiet f’każijiet bħal dawn. |
(7) |
Għall-fini tal-iskoraġġiment ta’ applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ sustanzi attivi li huma alternattivi xierqa għal sustanzi attivi approvati li jissodisfaw wieħed mill-kriterji ta’ esklużjoni elenkati fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, huwa xieraq li wieħed jipprovdi għal rimborż tat-tariffa għal applikazzjonijiet bħal dawn. |
(8) |
It-tariffa għall-applikazzjonijiet għall-inklużjoni fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 ta’ sustanzi attivi li ma jagħtux lok għal tħassib għandha tqis l-istima tax-xogħol meħtieġ mill-Aġenzija biex tittratta applikazzjonijiet bħal dawn, kif ukoll l-interess pubbliku fl-għoti tal-permess sabiex jiġu awtorizzati prodotti li fihom sustanzi bħal dawn. |
(9) |
Għall-fini tal-iskoraġġiment ta’ applikazzjonijiet għall-approvazzjoni jew it-tiġdid ta’ approvazzjoni ta’ sustanzi attivi li jissodisfaw wieħed mill-kriterji ta’ sostituzzjoni elenkati fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 kif ukoll applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni jew it-tiġdid ta’ prodotti li jeħtieġu valutazzjoni komparattiva skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, u għall-fini tal-kontribut għall-finanzjament tar-rinunzji u t-tnaqqis previsti minn dan ir-Regolament, huwa xieraq li wieħed jipprovdi għal żieda fit-tariffi għal applikazzjonijiet bħal dawn. |
(10) |
Fid-dawl tax-xogħol tal-Aġenzija meħtieġ biex tittratta talba għal opinjoni dwar il-klassifikazzjoni ta’ bidla skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 354/2013 tat-18 ta’ April 2013 dwar bidliet tal-prodotti bijoċidali awtorizzati skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), huwa xieraq li tiġi imposta tariffa għal talbiet bħal dawn. Madankollu, sabiex ikun evitat, kemm jista’ jkun, li jiġu ppenalizzati applikanti li t-talbiet tagħhom sabiex bidla tiġi kklassifikata bħala minuri jew amministrattiva jkunu ġġustifikati, huwa xieraq li jingħata tnaqqis fit-tariffa għall-applikazzjoni sussegwenti għal bidla, meta t-talba twassal għal rakkomandazzjoni biex il-bidla tiġi kklassifikata bħala bidla amministrattiva jew minuri. |
(11) |
Minħabba li x-xogħol tal-Aġenzija meħtieġ biex tittratta l-preżentazzjonijiet għall-inklużjoni fil-lista ta’ persuni rilevanti msemmija fl-Artikolu 95 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, huwa xieraq li tiġi imposta tariffa għal preżentazzjonijiet bħal dawn. L-ammont ta’ xogħol meħtieġ għal preżentazzjoni bħal din se jvarja b’mod sinifikanti skont jekk il-persuna rilevanti tressaqx ittra ta’ aċċess jew dossier ġdid, minħabba li, fil-każ tal-aħħar, l-Aġenzija jkollha tivverifika li d-dossier huwa konformi mal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 jew, fejn xieraq, l-Anness IIA tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (4). Huwa xieraq li t-tariffa tiġi ddifferenzjata skont dan. |
(12) |
Minħabba x-xogħol tal-Aġenzija meħtieġ biex tittratta talba għall-kunfidenzjalità skont l-Artikolu 66(4) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, huwa xieraq li tiġi imposta tariffa għal talbiet bħal dawn. |
(13) |
Peress li l-baġit tal-Aġenzija huwa mfassal u implimentat f’euro u l-kontijiet tagħha huma ppreżentati wkoll f’euro skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (5), skont l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6) u skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi tal-24 ta’ Settembru 2008 (7), huwa xieraq li t-tariffi jiġu imposti f’euro biss. |
(14) |
Mill-Artikolu 80(3)(f) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 isegwi li l-iskadenzi għall-ħlas tat-tariffi għandhom jiġu ffissati filwaqt li jitqiesu d-dati ta’ skadenza tal-proċeduri msemmija f’dak ir-Regolament. |
(15) |
It-tariffi stipulati f’dan ir-Regolament għandhom jiġu riveduti f’intervalli xierqa, bl-għan li t-tariffi jkunu allinjati mar-rata tal-inflazzjoni u mal-ispejjeż attwali li l-Aġenzija tagħmel biex tipprovdi s-servizz. Dawn ir-reviżjonijiet għandhom iqisu l-esperjenza akbar tal-Aġenzija fit-trattament tal-applikazzjonijiet skont ir-Regolament u l-effiċjenzi miksuba permezz ta’ din l-esperjenza. |
(16) |
Il- Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali msemmija fl-Artikolu 82(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, ma tax opinjoni dwar il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament. Peress li att ta’ implimentazzjoni kien meqjus li hu meħtieġ, il-president issottometta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni lill-kumitat ta’ appell għal aktar deliberazzjoni. Il-kumitat ta’ appell ma tax opinjoni. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
TARIFFI
Artikolu 1
Tariffi għal xogħol fir-rigward ta’ sustanzi attivi
L-Aġenzija għandha timponi t-tariffi previsti fit-Tabella 1 tal-Anness I għal xogħol meħtieġ skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 li għandu jitwettaq fir-rigward tal-approvazzjoni u t-tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanzi attivi, kif ukoll l-inklużjoni fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 2
Tariffi għal xogħol fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tal-Unjoni tal-prodotti bijoċidali
L-Aġenzija għandha timponi t-tariffi previsti fit-Tabella 1 tal-Anness II għal xogħol meħtieġ skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 li għandu jitwettaq fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tal-Unjoni ta’ prodotti bijoċidali.
Artikolu 3
Tariffi oħra
1. L-Aġenzija għandha timponi t-tariffi previsti fl-Anness III għal xogħol meħtieġ skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 li għandu jitwettaq fir-rigward tal-istabbiliment tal-ekwivalenza teknika, l-applikazzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku, it-talbiet għall-inklużjoni fil-lista ta’ persuni rilevanti, u t-talbiet għal trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni sottomessa lill-Aġenzija.
2. L-Aġenzija għandha timponi t-tariffi annwali previsti fl-Anness III għal kull prodott bijoċidali jew familja ta’ prodotti bijoċidali awtorizzat(a) mill-Unjoni. It-tariffa annwali għandha tingħata fl-ewwel anniversarju u f’kull anniversarju sussegwenti tad-dħul fis-seħħ tal-awtorizzazzjoni. Għandha tirrelata mas-sena preċedenti.
Artikolu 4
Tariffi għall-appelli kontra deċiżjoni tal-Aġenzija skont l-Artikolu 77 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012
1. Għal kwalunkwe appell kontra deċiżjoni tal-Aġenzija skont l-Artikolu 77 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, l-Aġenzija għandha timponi tariffa kif stabbilit fl-Anness III.
2. Appell jitqies li wasal għand il-Bord tal-Appell meta l-Aġenzija tkun irċeviet it-tariffa rilevanti.
3. Jekk l-appell jitqies bħala mhux ammissibbli mill-Bord tal-Appell, it-tariffa ma titraddx lura.
4. L-Aġenzija għandha tħallas lura t-tariffa imposta skont il-paragrafu 1 jekk id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija jirrettifika deċiżjoni skont l-Artikolu 93(1) tar-Regolament (UE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), jew jekk l-appell jiġi deċiż favur l-appellant.
Artikolu 5
Il-possibbiltà ta’ rimborż għall-alternattivi għal sustanzi attivi approvati li jissodisfaw wieħed mill-kriterji ta’ esklużjoni
1. Malli applikant jippreżenta applikazzjoni lill-Aġenzija għall-approvazzjoni ta’ sustanza attiva, li tista’ tkun alternattiva xierqa, fi ħdan it-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, għal sustanza attiva approvata li tissodisfa wieħed mill-kriterji ta’ esklużjoni skont l-Artikolu 5(1) ta’ dak ir-Regolament, huwa jista’ jitlob rimborż tat-tariffa li għandha titħallas lill-Aġenzija.
2. Meta tiġi riċevuta l-opinjoni mill-Aġenzija skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li għandha tinkludi wkoll rakkomandazzjoni dwar jekk is-sustanza attiva hijiex alternattiva xierqa fi ħdan it-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar it-talba.
3. Fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li s-sustanza attiva hija alternattiva xierqa, l-Aġenzija għandha tgħarraf lill-applikant dwar dan u tagħti r-rimborż sħiħ tat-tariffa msemmija fil-paragrafu 1.
KAPITOLU II
APPOĠĠ GĦALL-SMEs
Artikolu 6
Rikonoxximent tal-istatus ta’ SME
1. Qabel ma tiġi ppreżentata applikazzjoni lill-Aġenzija għall-approvazzjoni, it-tiġdid jew l-inklużjoni fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 ta’ sustanza attiva jew għall-awtorizzazzjoni tal-Unjoni ta’ prodott bijoċidali jew familja ta’ prodotti bijoċidali, ippreżentata skont l-Artikoli 7(1), 13(1), 28(4), 43(1) jew 45(1) ta’ dak ir-Regolament rispettivament, li fiha talba għal tnaqqis għall-SME, l-applikant prospettiv għandu jippreżenta lill-Aġenzija l-elementi rilevanti li jippruvaw l-intitolament għal dan it-tnaqqis bis-saħħa tal-istatus ta’ SME fi ħdan it-tifsira tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE.
2. Fil-każ ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni, it-tiġdid jew l-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-kwistjoni għandha tiġi ddeterminata b’referenza għall-manifattur tas-sustanza attiva li hija rappreżentata mill-applikant prospettiv. F’każ ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ prodott jew it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ prodott, il-kwistjoni għandha tiġi determinata b’referenza għad-detentur prospettiv tal-awtorizzazzjoni.
3. L-Aġenzija għandha tippubblika lista tal-elementi rilevanti li tkun tressqet skont il-paragrafu 1.
4. Fi żmien 45 jum mill-wasla tal-elementi kollha rilevanti msemmija fil-paragrafu 1, l-Aġenzija għandha tiddeċiedi liema status ta’ SME, jekk ikun hemm, jista’ jiġi rikonoxxut.
5. Rikonoxximent ta’ intrapriża bħala SME għandu jkun validu għall-applikazzjonijiet ippreżentati skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 għal sentejn.
6. Jista’ jitressaq appell, skont l-Artikolu 77 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, kontra deċiżjoni tal-Aġenzija skont il-paragrafu 4.
Artikolu 7
Tnaqqis fit-tariffa
1. Għandu jingħata tnaqqis fit-tariffi pagabbli lill-Aġenzija kif stipulat fit-Tabella 2 tal-Anness I u fit-Tabella 2 tal-Anness II lill-SMEs stabbiliti fl-Unjoni.
2. It-tnaqqis għall-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni, it-tiġdid tal-approvazzjoni jew l-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għandu jingħata biss meta s-sustanza attiva mhijiex kandidata għas-sostituzzjoni.
3. It-tnaqqis għall-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni jew it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-prodotti bijoċidali għandu jingħata biss meta l-prodott ma jkunx fih sustanza attiva li tkun kandidata għas-sostituzzjoni.
KAPITOLU III
PAGAMENTI
Artikolu 8
Mod ta’ pagament
1. It-tariffi previsti minn dan ir-Regolament għandhom jitħallsu f’euro.
2. Il-pagamenti għandhom ikunu effettwati biss wara li l-Aġenzija tkun ħarġet fattura.
3. B’deroga mill-paragrafu 2, il-pagamenti dovuti skont l-Artikolu 4 għandhom isiru fiż-żmien tal-preżentazzjoni tal-appell.
4. Il-pagamenti għandhom isiru permezz ta’ trasferiment fil-kont bankarju tal-Aġenzija.
Artikolu 9
Identifikazzjoni tal-pagament
1. Kull pagament, bl-eċċezzjoni ta’ pagamenti msemmija fl-Artikolu 8(3), għandu jindika n-numru tal-fattura fil-qasam ta’ referenza.
2. Il-pagamenti msemmija fl-Artikolu 8(3) għandhom jindikaw, fil-qasam ta’ referenza, l-identità tal-appellant(i) u, jekk disponibbli, in-numru tad-deċiżjoni li qed tiġi appellata.
3. Jekk l-għan tal-pagament ma jistax jiġi stabbilit, l-Aġenzija għandha tiffissa data ta’ skadenza li għandha tiġi rispettata minn min qed iħallas sabiex tinnotifika bil-miktub dwar l-għan tal-pagament. Jekk l-Aġenzija ma tirċevix notifika dwar l-għan tal-pagament qabel id-data ta’ skadenza stipulata, il-pagament għandu jitqies bħala li ma jgħoddx u l-ammont ikkonċernat għandu jitħallas lura lil min ikun ħallas.
Artikolu 10
Data tal-pagament:
1. Sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor, it-tariffi għandhom jitħallsu fi żmien 30 jum mid-data li fiha tiġi nnotifikata l-fattura mill-Aġenzija.
2. Id-data li fiha jiġi ddepożitat l-ammont kollu tal-pagament f’kont bankarju miżmum mill-Aġenzija għandha titqies bħala d-data li fiha sar il-pagament.
3. Il-pagament għandu jitqies li sar fil-ħin meta ġiet prodotta biżżejjed evidenza dokumentarja li turi li min qed iħallas ordna t-trasferiment fil-kont bankarju indikat fuq il-fattura qabel ma skadiet id-data ta’ skadenza rilevanti. Konferma tal-ordni tat-trasferiment maħruġa minn istituzzjoni finanzjarja għandha titqies bħala evidenza suffiċjenti.
Artikolu 11
Pagament insuffiċjenti
1. Jitqies li data ta’ skadenza ġiet osservata biss jekk jitħallas l-ammont sħiħ tat-tariffa fiż-żmien dovut.
2. Meta fattura jkollha x’taqsam ma’ grupp ta’ tranżazzjonijiet, l-Aġenzija tista’ tattribwixxi kwalunkwe pagament inqas minn dak sħiħ lil kwalunkwe waħda mit-tranżazzjonijiet rilevanti. Il-kriterji għall-attribuzzjoni tal-pagamenti għandhom jiġu stipulati mill-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija.
Artikolu 12
Rifużjoni tal-ammonti li tħallsu żejda
1. L-arranġamenti għar-rifużjoni lil min qed iħallas ta’ ammonti mħallsa żejda ta’ tariffa għandhom jiġu stipulati mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija u ppubblikati fuq il-websajt tal-Aġenzija.
Madankollu, fejn ammont imħallas żejjed ma jaqbiżx il-EUR 200 u l-parti kkonċernata ma talbitx espressament għal rifużjoni, l-ammont imħallas żejjed ma għandux jingħata lura.
2. Ma għandux ikun possibbli li ammont imħallas żejjed u li ma jingħatax lura jingħadd bħala kontribuzzjoni lejn pagamenti futuri lill-Aġenzija.
Artikolu 13
Rifużjonijiet ta’ ammonti fil-każ tal-applikazzjonijiet miċħuda qabel jew waqt il-validazzjoni jew l-irtirar matul il-valutazzjoni
1. L-Aġenzija għandha tħallas lura 90 % mit-tariffa miġbura meta applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ sustanza attiva jew għall-awtorizzazzjoni ta’ prodott bijoċidali, ippreżentata skont l-Artikolu 7(1) jew 43(1) rispettivament tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, jew applikazzjoni għal bidla minuri jew maġġuri ta’ prodott, tiġi miċħuda qabel jew matul il-fażi ta’ validazzjoni.
2. L-Aġenzija għandha tħallas lura 75 % mit-tariffa miġbura meta applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ sustanza attiva jew għall-awtorizzazzjoni ta’ prodott bijoċidali, ippreżentata skont l-Artikolu 7(1) jew 43(1) rispettivament tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, jew applikazzjoni għal bidla minuri jew maġġuri ta’ prodott, tiġi rtirata qabel l-Awtorità Kompetenti ta’ evalwazzjoni ma tkun bagħtet ir-rapport ta’ valutazzjoni tagħha lill-Aġenzija.
It-tariffa miġbura mhux se tiġi rimborżata fejn applikazzjoni tiġi rtirata wara li l-Awtorità Kompetenti tal-evalwazzjoni tkun bagħtet ir-rapport ta’ valutazzjoni tagħha lill-Aġenzija.
3. L-arranġamenti għar-rifużjoni tal-ammont li jifdal lil min ikun qed iħallas għandhom jiġu stipulati mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija u ppubblikati fuq il-websajt tal-Aġenzija.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 14
Rimborż tar-rapporteurs
Il-membri tal-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali li jaġixxu bħala rapporteurs għandhom jiġu rimborżati permezz tat-tariffi mħallsa skont l-Artikolu 80(2) lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jaġixxu bħala l-awtorità kompetenti ta’ evalwazzjoni.
Artikolu 15
Imposti
1. Suġġett għal opinjoni favorevoli mill-Kummissjoni, l-Aġenzija tista’ bid-deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija tagħha tistabbilixxi imposti għal servizzi amministrattivi jew tekniċi li tipprovdi skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 fuq it-talba ta’ Parti sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni tagħha. Id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija jista’ jiddeċiedi li ma jimponix imposta fuq organizzazzjonijiet internazzjonali jew fuq pajjiżi li jitolbu l-għajnuna mill-Aġenzija.
2. L-imposti għandhom jiġu stabbiliti f’tali livell li jkopru l-ispejjeż tas-servizzi mogħtija mill-Aġenzija u m’għandhomx jaqbżu dak li huwa meħtieġ biex ikopru dawk l-ispejjeż.
3. L-imposta għandha titħallas fi żmien 30 jum kalendarju mid-data li fiha l-fattura tiġi nnotifikata mill-Aġenzija.
Artikolu 16
Stima provviżorja
Il-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija (9) għandu, meta jkun qed jipproduċi stima tan-nefqa u tad-dħul ġenerali għas-sena finanzjarja ta’ wara skont l-Artikolu 96(5) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jinkludi stima provviżorja speċifika tad-dħul minn tariffi u imposti minn attivitajiet fdati lill-Aġenzija skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 li tkun separata mid-dħul minn kwalunkwe sussidju mill-Unjoni.
Artikolu 17
Reviżjoni
Il-Kummissjoni għandha tirrevedi t-tariffi u l-imposti msemmija f’dan ir-Regolament kull sena b’referenza għar-rata tal-inflazzjoni kif stabbilita skont l-Indiċi Ewropew tal-Prezzijiet għall-Konsumatur kif ippubblikat mill-Eurostat. L-ewwel reviżjoni għandha titwettaq mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2015.
Il-Kummissjoni għandha wkoll iżżomm dan ir-Regolament taħt reviżjoni kontinwa fid-dawl ta’ informazzjoni sinifikanti li ssir disponibbli f’dak li għandu x’jaqsam mas-suppożizzjonijiet bażiċi għad-dħul u l-infiq antiċipati tal-Aġenzija. Mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-Regolament bil-ħsieb li temendah, jekk xieraq, waqt li tqis b’mod partikolari r-riżorsi meħtieġa mill-Aġenzija u dawk meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għal servizzi ta’ natura simili. Ir-reviżjoni għandha tqis l-impatti fuq l-SMEs, u tirrevedi r-rati ta’ tnaqqis permessibbli tat-tariffa għall-SMEs, fejn xieraq.
Artikolu 18
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Ġunju 2013.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.
(2) ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.
(3) ĠU L 109, 19.4.2013, p. 4.
(4) ĠU L 123, 24.2.1998, p. 1.
(5) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(6) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(7) MB/53/2008 finali.
ANNESS I
Tariffi li jirrelataw ma’ sustanzi attivi
Tabella 1
Tariffi standard
Deskrizzjoni ġenerali tal-kompitu; id-dispożizzjoni rilevanti fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 |
Kundizzjoni speċifika jew deskrizzjoni tal-kompitu |
Tariffa (EUR) |
Approvazzjoni ta’ sustanza attiva; l-Artikolu 7(2) |
Tariffa għall-ewwel tip ta’ prodott li għalih hija approvata dik is-sustanza attiva |
120 000 |
Tariffa addizzjonali għal kull tip ta’ prodott addizzjonali |
40 000 |
|
Tariffa addizzjonali għal kull tip ta’ prodott (kemm fuq l-ewwel tip ta’ prodott kif ukoll kwalunkwe tip ta’ prodott addizzjonali) jekk is-sustanza attiva tkun kandidata għas-sostituzzjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 |
20 000 |
|
Tariffa għall-emenda ta’ approvazzjoni, minbarra ż-żieda ta’ tip ta’ prodott. |
20 000 |
|
Tiġdid ta’ approvazzjoni; l-Artikolu 13(3) |
Tariffa għall-ewwel tip ta’ prodott li għalih qed jintalab it-tiġdid ta’ dik is-sustanza attiva |
15 000 |
Tariffa addizzjonali għal kull tip ta’ prodott addizzjonali |
1 500 |
|
Tariffa addizzjonali għall-ewwel tip ta’ prodott li għalih jintalab it-tiġdid ta’ dik is-sustanza attiva fil-każ li jinstab li hija meħtieġa evalwazzjoni sħiħa skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 |
25 000 |
|
Tariffa addizzjonali għal kull tip ta’ prodott addizzjonali fil-każ li jinstab li hija meħtieġa evalwazzjoni sħiħa skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 |
2 500 |
|
Tariffa addizzjonali għal kull tip ta’prodott (kemm fuq l-ewwel tip ta’ prodott kif ukoll kwalunkwe tip ta’ prodott addizzjonali) jekk is-sustanza attiva tkun kandidata għas-sostituzzjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 |
20 000 |
|
Inklużjoni fl-Anness I ta’ sustanza attiva; l-Artikolu 28 |
Tariffa għall-ewwel inklużjoni fl-Anness I ta’ sustanza attiva |
10 000 |
Tariffa għall-emenda ta’ inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I |
2 000 |
|
Notifika skont l-Artikolu 3a tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007. |
Tariffa għal kull kombinazzjoni ta’ sustanza/tip ta’ prodott. It-tariffa għan-notifika għandha titnaqqas mill-applikazzjoni sussegwenti skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. |
10 000 |
Tabella 2
Tnaqqis fit-tariffa għal applikazzjonijiet għall-approvazzjoni, it-tiġdid ta’ approvazzjoni, l-inklużjoni fl-Anness I ta’ sustanzi attivi jekk il-manifattur tas-sustanza attiva jkun SME stabbilita fl-Unjoni, ħlief meta s-sustanza attiva hija kandidata għas-sostituzzjoni
Tip ta’ intrapriża |
Tnaqqis (% tat-tariffa standard) |
Intrapriża mikro |
60 |
Intrapriża żgħira |
40 |
Intrapriża ta’ daqs medju |
20 |
ANNESS II
Tariffi għal awtorizzazzjoni tal-Unjoni ta’ prodotti bijoċidali
Tabella 1
Tariffi standard
Deskrizzjoni ġenerali tal-kompitu; id-dispożizzjoni rilevanti fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 |
Kundizzjoni speċifika jew deskrizzjoni tal-kompitu |
Tariffa (EUR) |
Għoti ta’ awtorizzazzjoni tal-Unjoni, prodott wieħed; l-Artikolu 43(2) |
Tariffa għal kull prodott mhux identiku għall-prodott(i) rappreżentattiv(i) ivvalutat(i) għall-fini tal-approvazzjoni tas-sustanza (jew mhux identiku għal wieħed minn dawn il-prodotti) |
80 000 |
|
Tariffa għal kull prodott identiku għall-prodott(i) rappreżentattiv(i) ivvalutat(i) għall-fini tal-approvazzjoni tas-sustanza (jew identiku għal wieħed minn dawn il-prodotti) |
40 000 |
|
Tariffa addizzjonali għal kull prodott meta tkun meħtieġa valutazzjoni komparattiva skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 |
40 000 |
|
Tariffa addizzjonali għal kull prodott meta l-awtorizzazzjoni mitluba hija provviżorja skont l-Artikolu 55(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 |
10 000 |
Għoti ta’ awtorizzazzjoni tal-Unjoni, familja ta’ prodotti bijoċidali; l-Artikolu 43(2) |
Tariffa għal kull familja |
150 000 |
|
Tariffa addizzjonali għal kull familja meta tkun meħtieġa valutazzjoni komparattiva skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 |
60 000 |
|
Tariffa addizzjonali għal kull familja meta l-awtorizzazzjoni mitluba hija provviżorja skont l-Artikolu 55(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 |
15 000 |
Notifika lill-Aġenzija ta’ prodott addizzjonali fi ħdan familja ta’ prodotti bijoċidali; l-Artikolu 17(6) |
Tariffa għal kull prodott addizzjonali |
2 000 |
Awtorizzazzjoni tal-Unjoni ta prodott bijoċidali li jkun l-istess; l-Artikolu 17(7) |
Tariffa għal kull prodott li jikkostitwixxi “prodott l-istess” fi ħdan it-tifsira tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 414/2013 tas-6 ta’ Mejju 2013 li jispeċifika proċedura għall-awtorizzazzjoni ta’ prodotti bijoċidali li huma l-istess skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) |
2 000 |
Bidla maġġuri ta’ prodott awtorizzat jew ta’ familja ta’ prodotti; l-Artikolu 50(2) |
Tariffa għal kull applikazzjoni |
40 000 |
Bidla minuri ta’ prodott awtorizzat jew ta’ familja ta’ prodotti; l-Artikolu 50(2) |
Tariffa għal kull applikazzjoni |
15 000 |
Bidla amministrattiva ta’ prodott awtorizzat jew ta’ familja ta’ prodotti; l-Artikolu 50(2) |
Tariffa għal kull notifika |
2 000 |
Rakkomandazzjoni dwar il-klassifikazzjoni ta’ bidla ta’ prodott awtorizzat jew ta’ familja ta’ prodotti; l-Artikolu 50(2) |
Tariffa għal kull talba skont ir-Regolament (UE) Nru 354/2013. Jekk ir-rakkomandazzjoni hija li l-bidla tiġi kklassifikata bħala bidla amministrattiva jew minuri, it-tariffa għat-talba għandha titnaqqas mill-applikazzjoni jew in-notifika sussegwenti skont ir-Regolament (UE) Nru 354/2013. |
2 000 |
It-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni tal-Unjoni, prodott wieħed; l-Artikolu 45(3) |
Tariffa għal kull prodott |
5 000 |
|
Tariffa addizzjonali għal kull prodott fil-każ li jinstab li hija meħtieġa evalwazzjoni sħiħa skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 |
15 000 |
|
Tariffa addizzjonali għal kull prodott meta tkun meħtieġa valutazzjoni komparattiva skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 |
40 000 |
It-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni tal-Unjoni, il-familja ta’ prodotti bijoċidali; l-Artikolu 45(3) |
Tariffa għal kull familja ta’ prodotti |
7 500 |
|
Tariffa addizzjonali għal kull familja ta’ prodotti fil-każ li jinstab li hija meħtieġa evalwazzjoni sħiħa skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 |
22 500 |
|
Tariffa addizzjonali għal kull familja ta’ prodotti meta tkun meħtieġa valutazzjoni komparattiva skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 |
60 000 |
Tabella 2
Tnaqqis fit-tariffa għall-applikazzjonijiet għall-għoti u t-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni tal-Unjoni ta’ prodotti bijoċidali jew ta’ familji ta’ prodotti bijoċidali, jekk id-detentur prospettiv tal-awtorizzazzjoni huwa SME stabbilita fl-Unjoni, ħlief meta l-prodott ikun fih sustanza attiva li tkun kandidata għas-sostituzzjoni
Tip ta’ intrapriża |
Tnaqqis (% tat-tariffa standard) |
Intrapriża mikro |
30 |
Intrapriża żgħira |
20 |
Intrapriża ta’ daqs medju |
10 |
ANNESS III
Tariffi oħra
Deskrizzjoni ġenerali tal-kompitu; id-dispożizzjoni rilevanti fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 |
Kundizzjoni speċifika jew deskrizzjoni tal-kompitu |
Tariffa (EUR) |
Ekwivalenza teknika; l-Artikolu 54(3) |
Tariffa, meta d-differenza bejn is-sorsi tas-sustanza attiva hija limitata għal bidla tal-post tal-manifattura, u l-applikazzjoni hija bbażata biss fuq dejta analitika |
5 000 |
Tariffa, meta d-differenza bejn is-sorsi tas-sustanza attiva tmur lil hinn minn bidla tal-post tal-manifattura, u l-applikazzjoni hija bbażata biss fuq dejta analitika |
20 000 |
|
Tariffa meta ma jkunux ġew issodisfati kundizzjonijiet preċedenti. |
40 000 |
|
Tariffa annwali għal prodotti bijoċidali awtorizzati mill-Unjoni; l-Artikolu 80(1)(a) |
Tariffa għal kull awtorizzazzjoni tal-Unjoni ta’ prodott bijoċidali |
10 000 |
Tariffa għal kull awtorizzazzjoni tal-Unjoni ta’ familja ta’ prodotti bijoċidali |
20 000 |
|
Tariffa għall-Preżentazzjoni ta’ Rikonoxximent Reċiproku; l-Artikolu 80(1)(a) |
Tariffa għal kull prodott jew familja ta’ prodotti ikkonċernat(a) minn applikazzjoni għal rikonoxximent reċiproku għal kull Stat Membru fejn huwa mitlub ir-rikonoxximenti reċiproku |
700 |
Appell; l-Artikolu 77(1) |
Tariffa għal kull appell |
2 500 |
Sottomissjoni għall-inklużjoni fil-lista ta’ persuni rilevanti; l-Artikolu 95 |
Tariffa għal kull preżentazzjoni ta’ ittra ta’ aċċess għal dossier li jinstab diġà komplet mill-Aġenzija jew minn Awtorità Kompetenti ta’ evalwazzjoni |
2 000 |
Tariffa għal kull preżentazzjoni ta’ ittra ta’ aċċess għal parti ta’ dossier li jinstab diġà komplet mill-Aġenzija jew minn Awtorità Kompetenti ta’ evalwazzjoni, flimkien ma’ dejta komplimentari |
20 000 |
|
Tariffa għal kull preżentazzjoni ta’ dossier ġdid |
40 000 |
|
Talbiet skont l-Artikolu 66(4) sottomessi lill-Aġenzija |
Tariffa għal kull oġġett li għalih tintalab il-kunfidenzjalità |
1 000 |