This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014R0453
Commission Implementing Regulation (EU) No 453/2014 of 29 April 2014 concerning the classification of certain goods in the Combined Nomenclature
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 453/2014 tad- 29 ta' April 2014 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 453/2014 tad- 29 ta' April 2014 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda
ĠU L 133, 6.5.2014, pp. 27–28
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/453/oj
|
6.5.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 133/27 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 453/2014
tad-29 ta' April 2014
dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Biex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament. |
|
(2) |
Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti. |
|
(3) |
Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu klassifikati fil-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella. |
|
(4) |
Huwa xieraq li jiġi pprovdut li informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista', għal ċertu perjodu, tibqa' tiġi invokata mid-detentur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur. |
|
(5) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness huma klassifikati fin-Nomenklatura Magħquda fil-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.
Artikolu 2
Informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta' April 2014.
Għall-Kummissjoni,
F'isem il-President,
Algirdas ŠEMETA
Membru tal-Kummissjoni
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).
ANNESS
|
Deskrizzjoni tal-prodotti |
Klassifikazzjoni (Kodiċi NM) |
Raġunijiet |
|
(1) |
(2) |
(3) |
|
Apparat (hekk imsejjaħ “simulatur tat-televiżjoni”) f'qafas tal-plastik b'għatu trasparenti fuq quddiem u b'dimensjonijiet ta' bejn wieħed u ieħor 8 × 7 × 6 cm. L-apparat huwa mgħammar b'erba' LEDs biex jiġġenera d-dawl, kristall kwarz, senser tal-għabex, arloġġ li jżomm il-ħin, skrin tal-modalità ta' funzjonament u buttuni ta' kontroll. Huwa pprovdut bi provvista tal-enerġija. L-apparat jissimula sett tat-televiżjoni mixgħul, billi jiġġenera dawl iteptep b'mod aleatorju ta' intensità u kulur varjanti waqt perjodu ta' ħin ipprogrammat minn qabel. Jagħti l-impressjoni li hemm in-nies preżenti fid-dar bl-iskop li jwaqqaf il-ħallelin. |
9405 40 39 |
Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u bil-kliem tal-kodiċi NM 9405 , 9405 40 u 9405 40 39 . Il-funzjoni tal-apparat hija li jiġġenera dawl li jteptep b'mod aleatorju bl-uniku skop li jissimula li hemm sett tat-televiżjoni mixgħul. Peress li d-dawl li jteptep b'mod aleatorju ma jservi l-ebda skop ta' senjalazzjoni, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8531 bħala apparat ta' senjalazzjoni viżwali hija eskluża (ara wkoll in-noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata għall-intestatura 8531 , l-ewwel paragrafu). Peress li l-oġġett għandu l-karatteristiċi oġġettivi kollha ta' tagħmir tad-dawl tal-intestatura 9405 , għandu jiġi klassifikat taħt il-kodiċi NM 9405 40 39 bħala lampi elettriċi oħrajn u tagħmir tad-dawl tal-plastik. |