This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016R0911
Commission Implementing Regulation (EU) 2016/911 of 9 June 2016 laying down implementing technical standards with regard to the form and the content of the description of group financial support agreements in accordance with Directive 2014/59/EU of the European Parliament and of the Council establishing a framework for the recovery and resolution of credit institutions and investment firms (Text with EEA relevance)
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/911 tad-9 ta' Ġunju 2016 li jistipula standards tekniċi ta' implimentazzjoni rigward il-forma u l-kontenut tad-deskrizzjoni ta' ftehimiet ta' appoġġ finanzjarju tal-grupp skont id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/911 tad-9 ta' Ġunju 2016 li jistipula standards tekniċi ta' implimentazzjoni rigward il-forma u l-kontenut tad-deskrizzjoni ta' ftehimiet ta' appoġġ finanzjarju tal-grupp skont id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
C/2016/3440
ĠU L 153, 10.6.2016, pp. 25–27
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/911/oj
10.6.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 153/25 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/911
tad-9 ta' Ġunju 2016
li jistipula standards tekniċi ta' implimentazzjoni rigward il-forma u l-kontenut tad-deskrizzjoni ta' ftehimiet ta' appoġġ finanzjarju tal-grupp skont id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investimenti u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE u 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 26(2) tagħhom,
Billi:
(1) |
It-Titolu II tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2014/59/UE jistabbilixxi regoli għal ftehimiet ta' appoġġ finanzjarju tal-grupp biex jipprovdu appoġġ finanzjarju bejn istituzzjoni prinċipali tal-Unjoni, jew entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE u l-kumpaniji sussidjarji tagħha fi Stati Membri jew pajjiżi terzi oħrajn li huma istituzzjonijiet jew istituzzjonijiet finanzjarji koperti mis-superviżjoni konsolidata tal-impriża prinċipali, dment li l-entità li tirċievi l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet għal intervent bikri. Dan jippermetti trasferimenti ta' finanzjament f'sitwazzjoni fejn entità ta' grupp tkun f'diffikultà kbira. Sabiex jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar l-investiment, il-kredituri u l-investituri jeħtieġu trasparenza dwar ir-riskji u l-obbligi potenzjali li jirriżultaw minn dawn il-ftehimiet u ċ-ċansijiet ta' rkupru tal-grupp li jirriżultaw mill-appoġġ tal-ftehim. Għalhekk, il-ftehim għandu jkun f'forma faċilment aċċessibbli għall-pubbliku, komparabbli ma' dikjarazzjonijiet finanzjarji. |
(2) |
It-termini ġenerali tal-ftehim tal-appoġġ finanzjarju tal-grupp li għandhom jiġu divulgati għandhom jinkludu informazzjoni rilevanti, bħalma huma l-ammont massimu tal-appoġġ, il-prinċipji għall-kalkolu tal-korrispettiv għall-provvediment tal-appoġġ, deskrizzjoni ġenerali tal-profil tal-maturità u t-terminu massimu ta' self mogħti bħala appoġġ. Madankollu, d-divulgazzjoni għandha tirrispetta l-ħtieġa ta' kunfidenzjalità ta' informazzjoni aktar speċifika. |
(3) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni ppreżentat mill-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni. |
(4) |
L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Konċernati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Forma ta' divulgazzjoni
Kull istituzzjoni li tkun parti fi ftehim ta' appoġġ finanzjarju tal-grupp li tkun daħlet fih skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2014/59/UE għandha tiddivulga informazzjoni skont l-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament fuq is-sit web tagħha f'forma li tiżgura l-aċċessibbiltà lill-pubbliku.
Sa fejn l-istituzzjoni tiddivulga dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-grupp, id-divulgazzjoni għandha ssir fl-istess forma kif stabbilit għall-informazzjoni mhux kwantitattiva inkluża fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji.
Artikolu 2
It-termini li għandhom jiġu divulgati
1. L-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:
(a) |
L-ismijiet tal-entitajiet fi grupp li jkunu parti fi ftehim ta' appoġġ finanzjarju tal-grupp; |
(b) |
il-forma li l-appoġġ jista' jieħu; |
(c) |
fil-każ ta' self, l-iskopijiet li għalihom il-kapital avvanzat abbażi tas-self jista' jkun użat; |
(d) |
fil-każ ta' garanzija, liema tranżazzjonijiet u liema partijiet terzi huma potenzjalment koperti; |
(e) |
sa liema punt l-obbligi li jingħata appoġġ finanzjarju tal-grupp u intitolament għall-appoġġ finanzjarju tal-grupp lil kull waħda mill-partijiet fil-ftehim ta' appoġġ finanzjarju tal-grupp huma reċiproċi; jekk il-ftehim mhuwiex reċiproku għalkollox, l-informazzjoni għandha tiddistingwi bejn id-diversi partijiet abbażi tat-termini differenti ta' ftehim; |
(f) |
il-limitazzjonijiet tal-appoġġ finanzjarju tal-grupp għal kull forma ta' għajnuna koperta mill-ftehim ta' appoġġ finanzjarju; |
(g) |
il-prinċipji għall-kalkolu tal-korrispettiv għall-provvediment ta' appoġġ finanzjarju tal-grupp u kif dawn jirrelataw mal-kundizzjonijiet tas-suq fiż-żmien tal-appoġġ; |
(h) |
deskrizzjoni ġenerali tal-anzjanità, il-profil tal-maturità u t-terminu massimu ta' kwalunkwe self mogħti bħala appoġġ; |
(i) |
deskrizzjoni ġenerali ta' kull obbligu ta' ħlas lura; |
(j) |
deskrizzjoni ġenerali taċ-ċirkustanzi jew indikaturi dwar l-entità riċeventi u l-entità provveditriċi li jiskattaw il-provvediment tal-appoġġ; |
(k) |
deskrizzjoni ġenerali tar-rekwiżiti tal-kollateral u tal-marġni. |
Id-divulgazzjoni għandha tkopri l-informazzjoni li tkun applikabbli għall-entità tal-grupp ikkonċernata, inkluża l-informazzjoni dwar it-termini tal-ftehim li għandhom x'jaqsmu ma' entitajiet oħra tal-grupp fejn din id-divulgazzjoni tista' taffettwa l-entità tal-grupp ikkonċernata.
L-informazzjoni li mhix applikabbli għandha tiġi indikata bħala “mhux applikabbli”.
2. Id-divulgazzjoni għandha tkun akkumpanjata b'dikjarazzjoni li l-provvediment tal-appoġġ finanzjarju huwa suġġett għall-kundizzjonijiet skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2014/59/UE u għad-dritt tal-awtorità kompetenti li tipprojbixxi jew tirrestrinġi l-provvediment skont l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/59/UE.
Artikolu 3
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Ġunju 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).