This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016D0915
Council Decision (EU) 2016/915 of 30 May 2016 on the position to be taken on behalf of the European Union with regard to the international instrument to be drawn up within the ICAO bodies and intended to lead to the implementation from 2020 of a single global market-based measure for international aviation emissions
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 tat-30 ta' Mejju 2016 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-istrument internazzjonali li għandu jitfassal fi ħdan il-korpi tal-ICAO u maħsub biex iwassal għall-implimentazzjoni mill-2020 ta' miżura globali unika bbażata fuq is-suq għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 tat-30 ta' Mejju 2016 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-istrument internazzjonali li għandu jitfassal fi ħdan il-korpi tal-ICAO u maħsub biex iwassal għall-implimentazzjoni mill-2020 ta' miżura globali unika bbażata fuq is-suq għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali
ĠU L 153, 10.6.2016, pp. 32–34
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/915/oj
10.6.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 153/32 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/915
tat-30 ta' Mejju 2016
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-istrument internazzjonali li għandu jitfassal fi ħdan il-korpi tal-ICAO u maħsub biex iwassal għall-implimentazzjoni mill-2020 ta' miżura globali unika bbażata fuq is-suq għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Mill-avjazzjoni internazzjonali, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jirrappreżentaw aktar minn 2 % tal-emissjonijiet globali u qed jikbru b'mod esponenzjali, bi previżjonijiet għall-2050 li jekk kollox jibqa' kif inhu, dawn l-emissjonijiet mill-attivitajiet tal-avjazzjoni internazzjonali jaf jiżdiedu aktar minn 200 % meta mqabbla mal-livelli fi żmienna. Sal-2050, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra għandhom jonqsu sa għallinqas 50 % inqas mil-livelli tagħhom fl-1990. Sabiex jinkiseb dak it-tnaqqis fl-emissjonijiet, kull settur tal-ekonomija għandu jagħti sehmu, inkluż dak tal-avjazzjoni internazzjonali. |
(2) |
F'Diċembru tal-2015, il-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima ġiet konkluża b'suċċess bl-adozzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi, li għandu l-għan li jillimita ż-żieda fit-temperatura globali b'ferm inqas minn 2 °C meta mqabbla mal-livelli preindustrijali, u jkompli l-isforzi biex jillimita ż-żieda fit-temperatura għal 1,5 °C. |
(3) |
L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (l-ICAO) ġiet stabbilita bil-Konvenzjoni ta' Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali tal-1944. L-Istati Membri tal-Unjoni huma Partijiet Kontraenti għal dik il-Konvenzjoni u membri fl-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta' osservatur f'ċertu laqgħat tal-ICAO, inkluża l-Assemblea triennali tal-ICAO. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto tal-1997, li jobbligahom isegwu l-limitazzjoni tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni internazzjonali permezz tal-ICAO. Id-Deċiżjoni 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) sejħet lill-Unjoni biex tidentifika u tieħu azzjonijiet speċifiċi biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni internazzjonali jekk sal-2002 fl-ICAO ma tiġi miftiehma l-ebda azzjoni. |
(4) |
It-33 Sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO (fl-2001) approvat l-iżvilupp ta' sistema ta' skambju miftuħ ta' kwoti tal-emissjonijiet għall-avjazzjoni internazzjonali (2). Fl-2004, il-Kumitat tal-ICAO dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent mill-Avjazzjoni rrakkomanda li ma għandhiex tibqa' tiġi żviluppata sistema ta' skambju tal-kwoti tal-emissjonijiet speċifika għall-avjazzjoni u bbażata fuq strument legali ġdid fl-awspiċi tal-ICAO. Il-35 Sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO (fl-2004) approvat l-iżvilupp ulterjuri ta' sistema ta' skambju miftuħ ta' kwoti tal-emissjonijiet u l-possibilità li l-Istati Kontraenti tal-ICAO jinkorporaw l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali fl-iskemi tagħhom tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet (3), iżda s-36 Sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO (fl-2007) sejħet biex l-operaturi tal-inġenji tal-ajru bbażati fi Stati Kontraenti oħrajn tal-ICAO jkunu eżentati sakemm ma jiġix miftiehem fuq bażi reċiproka bejn dawk l-Istati biex jimplimentaw sistema ta' skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet fuq operaturi tal-inġenji tal-ajru ta' Stati Kontraenti oħrajn tal-ICAO (4). L-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u Stati Ewropej oħra żammew id-dritt b'mod konsistenti li japplikaw miżuri bbażati fuq is-suq (MBMs), b'mod mhux diskriminatorju, għal kull operatur tal-inġenji tal-ajru li jipprovdi servizzi minn, lejn jew fit-territorju tagħhom, filwaqt li fakkru li l-Konvenzjoni ta' Chicago tirrikonoxxi d-drittijiet tal-Partijiet tagħha li japplikaw, b'mod mhux diskriminatorju, il-liġijiet u r-regolamenti tal-avjazzjoni tagħhom stess għall-inġenji tal-ajru tal-Istati kollha (5) li jipprovdu servizzi lejn, minn jew fit-territorju tagħhom. |
(5) |
Filwaqt li jqisu li l-limitazzjoni fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni internazzjonali hija kontribut essenzjali f'konformità mal-impenji ta' tnaqqis fl-emissjonijiet globali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva 2008/101/KE (6) li temenda d-Direttiva 2003/87/KE (7). Il-ħames premessa tad-Direttiva 2008/101/KE ssemmi li l-Unjoni se taħdem biex tiżgura li tali ftehim globali li jkollu l-ħsieb irażżan iż-żieda fit-temperatura globali jinkludi miżuri biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni u, jekk dan ikun il-każ, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra liema emendi huma meħtieġa fid-Direttiva 2003/87/KE, fejn din tapplika għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru. |
(6) |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar “Il-Protokoll ta' Pariġi — Pjan ta' Azzjoni għal ġlieda kontra t-tibdil fil-klima globali wara l-2020” tenfasizza li qabel tintemm l-2016, l-ICAO għandha tirregola b'mod effettiv l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali. Il-laqgħa li jmiss tal-Assemblea tal-ICAO se ssir fl-2016, u għandha tilħaq ftehim fuq strument internazzjonali maħsub li jwassal għall-implimentazzjoni mill-2020 ta' MBM globali unika għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali |
(7) |
It-38 Sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO (fl-2013) iddeċidiet li l-ICAO u l-Istati Kontraenti tagħha, flimkien ma' organizzazzjonijiet rilevanti tal-ambjent u tal-avjazzjoni f'kull Stat Kontraenti tal-ICAO, jaħdmu id f'id u jagħmlu l-almu tagħhom biex jintlaħaq għan indikattiv kollettiv u globali għat-terminu medju li mill-2020 l-emissjonijiet netti u globali tal-karbonju mill-avjazzjoni internazzjonali jinżammu fl-istess livell u ddeċidiet li tiżviluppa MBM globali għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjoni u li tirrapporta r-riżultati ta' ħidmitha biex tittieħed deċiżjoni waqt id-39 Sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO (fl-2016). Fl-2020 hu mistenni li l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali jkunu madwar 70 % ogħla mill-2005 (8) u b'mod konsistenti l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha argumentaw li l-mira ta' tnaqqis globali fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni internazzjonali għandha tkun tnaqqis ta' 10 % sal-2020 meta mqabbla mal-livelli fl-2005. Iżda jidher li hu l-waqt opportun għall-Unjoni biex tippromwovi li fi żmien pjuttost qasir tiġi żviluppata MBM globali biex l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni internazzjonali jiġu limitati sa livelli mhux ogħla mil-livelli tagħhom fl-2020, b'kunsiderazzjoni ta' reviżjoni tal-objettiv matul iż-żmien, kif ikun meħtieġ. |
(8) |
Biex fl-Assemblea tal-ICAO tal-2016 jitħaffef il-progress lejn strument internazzjonali adatt, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew, permezz tar-Regolament (UE) Nru 421/2014 (9), li jqisu fuq bażi temporanja li r-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/87/KE huma sodisfatti fir-rigward ta' titjiriet minn u lejn l-ajrudromi li jinsabu f'pajjiżi barra miż-Żona Ekonomika Ewropea (iż-ŻEE). B'dan, l-Unjoni enfasizzat li r-rekwiżiti legali jistgħu jiġu applikati fir-rigward ta' titjiriet minn u lejn l-ajrudromi li jinsabu fi Stati taż-ŻEE, bl-istess mod kif jistgħu jiġu applikati r-rekwiżiti legali fir-rigward ta' titjiriet bejn tali ajrudromi. |
(9) |
Id-Direttiva 2003/87/KE, kif emendata mir-Regolament (UE) Nru 421/2014, tistabbilixxi ċerti obbligi għall-Kummissjoni wara d-39 Sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO (fl-2016). Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-azzjonijiet li jimplimentaw ftehim internazzjonali dwar MBM globali mill-2020 li jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni internazzjonali b'mod mhux diskriminatorju. Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra dawk l-iżviluppi fil-kamp ta' applikazzjoni adattat għall-kopertura tal-emissjonijiet tal-attività minn jew lejn l-ajrudromi li jinsabu f'pajjiżi li mhumiex fiż-ŻEE mill-1 ta' Jannar 2017 'il quddiem, u fejn xieraq għandha tinkludi proposti b'reazzjoni għalihom. |
(10) |
Jinħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed, f'isem l-Unjoni, fir-rigward tal-istrument internazzjonali li għandu jitfassal fi ħdan il-korpi tal-ICAO u maħsub biex iwassal għall-implimentazzjoni mill-2020 ta' MBM globali unika għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali. |
(11) |
Minkejja li mhijiex membru tal-ICAO, l-Unjoni għandha status ta' osservatur, li jista' jippermetti lill-Kummissjoni biex tieħu parti f'ċerti diskussjonijiet fil-korpi rilevanti tal-ICAO, inkluża l-Assemblea, biex tappoġġa l-pożizzjoni tal-Unjoni. |
(12) |
Jinħtieġ li tiġi adottata pożizzjoni tal-Unjoni ferm qabel l-Assemblea tal-ICAO li jmiss, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f'isem l-Unjoni, fir-rigward tal-istrument internazzjonali li għandu jitfassal fi ħdan il-korpi tal-ICAO u maħsub biex iwassal għall-implimentazzjoni mill-2020 ta' miżura globali unika bbażata fuq is-suq għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali, għandha tkun skont l-Anness.
Hija għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li jaġixxu b'mod konġunt, fl-interess tal-Unjoni, fi ħdan il-korpi tal-ICAO, u assistiti mill-Kummissjoni, f'konformità mal-istatus ta' osservatur tal-Unjoni, f'diskussjonijiet dwar l-MBM globali unika.
Artikolu 2
Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-korpi rilevanti tal-Kunsill infurmati bis-sħiħ dwar id-diskussjonijiet li jkunu għaddejjin dwar l-MBM globali unika. Sabiex jinżammu kemm il-konsistenza tal-pożizzjoni tal-Unjoni kif ukoll l-applikazzjoni korretta tat-termini tal-Anness, il-Kummissjoni għandha, matul il-proċess kollu, tittrasmetti lill-korpi rilevanti tal-Kunsill dokumenti preparattivi li jiddeskrivu l-pożizzjoni dettaljata, kull meta dan ikun meħtieġ, fid-dawl tal-iżviluppi fil-korpi tal-ICAO, għall-kunsiderazzjoni u approvazzjoni, partikolarment matul u wara l-208 Kunsill tal-ICAO.
B'kont meħud tal-progress fl-ICAO, il-korpi rilevanti tal-Kunsill għandhom jelaboraw aktar il-pożizzjoni tagħhom, partikolarment fir-rigward tal-futur tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni fi ħdan dak il-qafas tal-ICAO.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Mejju 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
M.J. VAN RIJN
(1) Id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2002 li tniżżel is-Sitt Programm ta' Azzjoni tal-Komunità Ambjentali (ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1).
(2) Ir-Riżoluzzjoni tal-ICAO A33-7.
(3) Ir-Riżoluzzjoni tal-ICAO A35-5.
(4) L-Appendiċi L tar-Riżoluzzjoni A36-22.
(5) Riżervi dwar ir-Riżoluzzjoni tal-ICAO tal-2007, ir-Riżoluzzjoni tal-ICAO, tal-2010, id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-ICAO fl-2012 li tapprova d-Dikjarazzjoni ta' Delhi, u ir-Riżoluzzjoni tal-ICAO tal-2013, ara http://ec.europa.eu/clima/policies/transport/aviation/documentation_en.htm
(6) Id-Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità (ĠU L 8, 13.1.2009, p. 3).
(7) Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).
(8) Ara r-riżervi tar-Riżoluzzjoni tal-ICAO tal-2013, taħt in-nota 1 ta' qiegħ il-paġna.
(9) Ir-Regolament (UE) Nru 421/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità, fid-dawl tal-implimentazzjoni sal-2020 ta' ftehim internazzjonali li japplika miżura globali unika bbażata fuq is-suq għal emissjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali (ĠU L 129, 30.4.2014, p. 1).