This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017R0574
Commission Delegated Regulation (EU) 2017/574 of 7 June 2016 supplementing Directive 2014/65/EU of the European Parliament and of the Council with regard to regulatory technical standards for the level of accuracy of business clocks (Text with EEA relevance. )
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/574 tas-7 ta' Ġunju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għal-livell ta' preċiżjoni tal-arloġġi tan-negozju (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/574 tas-7 ta' Ġunju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għal-livell ta' preċiżjoni tal-arloġġi tan-negozju (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
C/2016/3316
ĠU L 87, 31.3.2017, pp. 148–151
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/574/oj
31.3.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 87/148 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/574
tas-7 ta' Ġunju 2016
li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għal-livell ta' preċiżjoni tal-arloġġi tan-negozju
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u d-Direttiva emendatorja 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1) b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 50(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Is-sinkronizzazzjoni tal-arloġġi għandha impatt dirett f'bosta oqsma. B'mod partikolari, tikkontribwixxi biex jiġi żgurat li d-dejta ta' trasparenza ta' wara n-negozjar tista' faċilment tkun parti affidabbli mit-tejp konsolidat. Hija essenzjali wkoll biex jiwettaq monitoraġġ bejn iċ-ċentri tal-ordnijiet u jiġu individwati każijiet ta' abbuż tas-suq u jsir aktar faċli li jkun hemm tqabbil aħjar bejn it-tranżazzjoni u l-kundizzjonijiet tas-suq prevalenti fil-mument tal-eżekuzzjoni tagħhom. |
(2) |
L-għadd ta' ordnijiet li jaslu kull sekonda minn ċentru tan-negozjar jista' jkun għoli ħafna, ferm ogħla minn dak ta' tranżazzjonijiet eżegwiti. Dan jista' jiġi estiż għal diversi eluf ta' ordnijiet kull sekonda skont iċ-ċentru tan-negozjar, it-tip ta' membri jew parteċipanti jew klijenti ta' ċentru tan-negozjar partikolari, u l-volatilità u l-likwidità tal-istrumenti finanzjarji. B'riżultat ta' dan, il-granularità tal-ħin ta' sekonda waħda ma tkunx biżżejjed għall-iskopijiet ta' sorveljanza effettiva tal-manipulazzjoni tas-suq ta' ċerti tipi ta' attivitajiet ta' negozjar. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi ta' granularità għar-reġistrazzjoni tad-data u l-ħin ta' avvenimenti li jistgħu jiġu rrapportati minn operaturi ta' ċentri tan-negozjar u l-membri jew il-parteċipanti tagħhom. |
(3) |
L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu joħolqu mill-ġdid l-avvenimenti kollha relatati ma' ordni matul il-ħajja ta' kull ordni, b'sekwenza ta' ħin preċiż. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu joħolqu mill-ġdid dawn l-avvenimenti fuq diversi ċentri ta' negozjar fuq livell konsolidat biex iku jistgħu jwettqu monitoraġġ effettiv madwar iċ-ċentri dwar l-abbuż tas-suq. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi stabbilit żmien ta' referenza komuni u regoli dwar diverġenza massima miż-żmien ta' referenza komuni biex jiġi żgurat li l-operaturi kollha taċ-ċentri ta' negozju u l-membri u l-parteċipanti tagħhom ikunu qed jirreġistraw id-data u l-ħin fuq il-bażi tal-istess sors ta' ħin u skont standards konsistenti. Jeħtieġ ukoll li jsir provvediment għall-ikkronogrammar preċiż li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jiddistingwi bejn diversi avvenimenti rapportabbli li altrimenti jistgħu jkunu jidhru li seħħew fl-istess żmien. |
(4) |
Madankollu, hemm mudelli kummerċjali li għalihom żieda fil-preċiżjoni tista' ma tkunx relevanti jew fattibbli. Sistemi ta' negozjar bil-vuċi jew s-sistemi tat-talba għal kwotazzjonijiet meta t-tweġiba tirrikjedi intervent uman jew ma tippermettix negozjar algoritmiku, jew sistemi li jintużaw biex jikkonkludu tranżazzjonijiet innegozjati għandhom ikunu suġġetti għal standards differenti ta' preċiżjoni. Iċ-ċentri tan-negozjar li joperaw b'dawk is-sistemi tan-negozjar tipikament ma jkunux suxxettibbli għall-volum kbir ta' avvenimenti li jistgħu jseħħu fl-istes sekonda, li jfisser li mhuwiex neċessarju li tiġi imposta granularità ifjen għall-ikkronogrammar ta' dawn l-avvenimenti peress li huwa inqas probabbli li jkun hemm diversi avvenimenti li jseħħu fl-istess ħin. Barra minn hekk, in-negozjar ta' dawk il-postijiet tan-negozjar jista' jiġi miftiehem bl-użu ta' metodi manwali li jistgħu jieħdu ż-żmien biex jiġu miftiehma. F'dawk iċ-ċentri tan-negozjar hemm ukoll dewmien inerenti bejn il-mument meta jitwettaq in-negozju u l-mument meta l-kummerċ ikun irreġistrat fis-sistema kummerċjali, li jfisser li l-applikazzjoni tar-rekwiżiti aktar stretti ta' preċiżjoni mhux bilfors iwasslu għal żamma ta' rekords aktar sinifikanti u eżatti mill-operatur taċ-ċentru tan-negozjar, il-membri jew il-parteċipanti tiegħu. |
(5) |
L-awtoritajiet kompetenti jeħtiġilhom jifhmu kif iċ-ċentri tan-negozjar u l-membri jew il-parteċipanti tagħhom qed jiżguraw it-traċċabbiltà tagħhom mal-Ħin Universali Kkoordinat (UTC). Dan huwa minħabba l-kumplessità tas-sistemi differenti u l-għadd ta' metodi alternattivi li jistgħu jintużaw biex wieħed jissinkronizza mal-UTC. Minħabba l-fatt li d-drift tal-arloġġ jista' jsirpermezz ta' ħafna elementi differenti, huwa wkoll xieraq li jiġi stabbilit livell ta' aċċettazzjoni ta' diverġenza massima mill-UTC. |
(6) |
Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, huwa neċessarju li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament kif ukoll id-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati li jittrasponu d-Direttiva 2014/65/UE japplikaw mill-istess data. |
(7) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) lill-Kummissjoni. |
(8) |
L-ESMA għamlet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Żmien ta' referenza
L-operaturi ta' ċentri ta' negozjar u l-membri u l-parteċipanti tagħhom għandhom jissinkronizzaw l-arloġġi tan-negozju li jużaw biex jirreġistraw id-data u l-ħin ta' kull avveniment li għandu jiġi rapportat mal-Ħin Universali Kkoordinat (UTC) maħruġ u miżmum fiċ-ċentri tal-ħin elenkati fl-aħħar edizzjoni tar-Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet tal-Ħin tal-Bureau international des poids et mesures. L-operaturi taċ-ċentri tan-negozjar u l-membri jew il-parteċipanti tagħhom jistgħu wkoll jissinkronizzaw l-arloġġi tan-negozju li jużaw biex jirreġistraw id-data u l-ħin ta' kull avveniment li għandu jiġi rapportat mal-UTC mxerrda permezz ta' sistema bis-satellita, sakemm kwalunkwe kumpens mill-UTC jigħata kont tiegħu u jitneħħa mill-ikkronogrammar.
Artikolu 2
Livell ta' preċiżjoni għal operaturi ta' ċentri tan-negozjar
1. L-operaturi tal-postijiet tan-negozjar għandhom jiżguraw li l-arloġġi tan-negozju tagħhom jirrispettaw il-livelli ta' preċiżjoni speċifikati fit-Tabella 1 tal-Anness skont il-latenza minn portal għall-ieħor ta' kull sistema tan-negozjar tagħhom.
Il-latenza minn portal għall-ieħor għandha tkun il-ħin imkejjel minn meta jasal il-messaġġ minn portal barrani ta' tas-sistema taċ-ċentru tan-negozjar, mibgħut permezz tal-protokoll tal-preżentazzjoni tal-ordni, ipproċessat minn magna ta' korrispondenza, u mbagħad mibgħut sakemm il-portal jibgħat lura rikonoxximent.
2. B'deroga mill-paragrafu 1, l-operaturi taċ-ċentri tan-negozjar li joperaw sistema ta' negozjar bil-vuċi, talba għal sistema ta' kwotazzjoni fejn ir-risposta tirrikjedi intervent uman jew ma tippermettix negozjar algoritmiku, jew sistema li tifformalizza tranżazzjonijiet innegozjati skont l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għandhom jiżguraw li l-arloġġi tan-negozju tagħhom ma jiddevjawx b'iżjed minn sekonda mill-UTC msemmi fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament. L-operatur ta' ċentru tan-negozjar għandu jiżgura li l-ħinijiet ikunu rreġistrati sa mill-inqas għal granularità ta' sekonda waħda.
3. L-operaturi ta' ċentri tan-negozjar li joperaw tipi differenti ta' sistemi tan-negozjar għandhom jiżguraw li kull sistema ssegwi l-livell ta' preċiżjoni applikabbli għal dik is-sistema skont il-paragrafi 1 u 2.
Artikolu 3
Livell ta' preċiżjoni għal membru jew parteċipant ta' ċentru tan-negozjar
1. Il-membri jew il-parteċipanti taċ-ċentri tan-negozjar għandhom jiżguraw li l-arloġġi tan-negozju tagħhom jintużaw biex jirreġistraw il-ħin ta' avvenimenti li jistgħu jiġu rrapportati jirrispettaw il-livell ta' preċiżjoni speċifikat fit-Tabella 2 tal-Anness.
2. Il-membri jew il-parteċipanti taċ-ċentri tan-negozjar li jieħdu sehem f'diversi tipi ta' attivitajiet ta' negozjar għandhom jiżguraw li s-sistemi li huma jużaw biex jirreġistraw avvenimenti li jistgħu jiġu rrapportati jirrispettaw il-livell ta' preċiżjoni applikabbli għal kull waħda minn dawn l-attivitajiet ta' negozjar f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fit-Tabella 2 tal-Anness.
Artikolu 4
Konformità mar-rekwiżiti ta' diverġenza massimia
L-operaturi taċ-ċentri tan-negozjar u l-membri jew il-parteċipanti tagħhom għandhom jistabbilixxu sistema ta' traċċabilità mal-UTC. Huma għandhom ikunu f'pożizzjoni li juru t-traċċabilità mal-UTC billi jiddokumentaw it-tfassil, il-funzjonament u l-ispeċifikazzjonijiet tas-sistema. Huma għandhom ikunu kapaċi jidentifikaw il-punt eżatt li fih tkun giet applikata l-kronogramma u juru li jibqa' konsistenti l-punt fi ħdan is-sistema fejn il-kronogramma hija applikata. Huma għandhom iwettqu rieżami tal-konformità tas-sistema ta' traċċabilità ma' dan ir-Regolament tal-inqas darba fis-sena.
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan għandu japplika mit-3 ta' Jannar 2018.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Ġunju 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).
ANNESS
Tabella 1
Livell ta' preċiżjoni għal operaturi ta' ċentri tan-negozjar
Żmien ta' latenza gateway-to-gateway tas-sistema tan-negozjar |
Varjazzjoni massima mill-UTC |
Granularità tal-kronogramma |
> millisekonda |
millisekonda |
millisekonda jew aktar |
≤ millisekonda |
100 mikrosekonda |
mikrosekonda jew aħjar |
Tabella 2
Livell ta' preċiżjoni għal membri jew parteċipanti ta' ċentru tan-negozjar
It-tip ta' attività ta' negozjar |
Deskrizzjoni |
Varjazzjoni massima mill-UTC |
Granularità tal-kronogramma |
Attività bl-użu ta' teknika ta' negozjar algoritmiku ta' frekwenza għolja |
Teknika ta' negozjar algoritmiku ta' frekwenza għolja. |
100 mikrosekonda |
mikrosekonda jew aħjar |
Attività fuq sistemi ta' negozjar bil-vuċi |
Sistemi ta' negozjar bil-vuċi kif definiti fl-Artikolu 5(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/583 (1) |
sekonda |
sekonda jew aħjar |
Attività fuq talba għal sistemi ta' kwotazzjonijiet meta t-tweġiba titlob intervent uman jew meta s-sistema ma tippermettix negozjar algoritmiku |
Talba għal kwotazzjonijiet ta' sistemi kif definita fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/583 |
sekonda |
sekonda jew aħjar |
Attività li tikkonkludi tranżazzjonijiet negozjati |
Tranżazzjoni nnegozjata kif stipulata fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014. |
sekonda |
sekonda jew aħjar |
Kwalunkwe attività kummerċjali oħra |
Kull attività kummerċjali oħra li mhix koperta minn din it-tabella. |
millisekonda |
millisekonda jew aktar |
(1) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/583 tal-14 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti ta' trasparenza għal ċentri tan-negozjar u ditti ta' investiment fir-rigward tal-bonds, il-prodotti finanzjarji strutturati, il-kwoti ta' emissjonijiet u d-derivattivi (ara l-paġna 229 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).