This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017R0577
Commission Delegated Regulation (EU) 2017/577 of 13 June 2016 supplementing Regulation (EU) No 600/2014 of the European Parliament and of the Council on markets in financial instruments with regard to regulatory technical standards on the volume cap mechanism and the provision of information for the purposes of transparency and other calculations (Text with EEA relevance. )
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/577 tat-13 ta' Ġunju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar il-mekkaniżmu tal-limitazzjoni tal-volum u l-provvediment ta' informazzjoni għall-finijiet ta' trasparenza u ta' kalkoli oħra (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/577 tat-13 ta' Ġunju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar il-mekkaniżmu tal-limitazzjoni tal-volum u l-provvediment ta' informazzjoni għall-finijiet ta' trasparenza u ta' kalkoli oħra (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
C/2016/2711
ĠU L 87, 31.3.2017, pp. 174–182
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/577/oj
31.3.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 87/174 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/577
tat-13 ta' Ġunju 2016
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar il-mekkaniżmu tal-limitazzjoni tal-volum u l-provvediment ta' informazzjoni għall-finijiet ta' trasparenza u ta' kalkoli oħra
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(9) u l-Artikolu 22(4) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 jitlob lill-awtoritajiet kompetenti u lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) iwettqu għadd sinifikanti ta' kalkoli sabiex jikkalibraw l-applikabilità tar-reġim ta' trasparenza ta' qabel u ta' wara n-negozju u l-obbligu ta' negozjar għad-derivattivi kif ukoll biex jiddeterimaw jekk negozju ta' investiment huwiex internalizzatur sistematiku. |
(2) |
Sabiex iwettqu l-kalkoli meħtieġa, jeħtieġ li kemm l-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll l-ESMA jkunu jistgħu jakkwistaw dejta robusta u ta' kwalità għolja għal kull klassi ta' assi li għaliha japplika r-Regolament (UE) Nru 600/2014. Huwa għalhekk meħtieġ li tittejjeb kemm l-aċċessibbiltà u l-kwalità ta' dejta disponibbli lill-awtoritajiet kompetenti u lill-ESMA skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u r-Regolament (UE) Nru 600/2014 sabiex il-klassifikazzjoni tal-istrumenti finanzjarji, inkluż il-limiti għall-finijiet tat-trasparenza ta' qabel u ta' wara n-negozju, u, fejn ikun meħtieġ, il-kalibrar mill-ġdid ta' dawn il-limiti, ikun jista' jiġi kkalkolat fuq bażi aktar informata wara li jkun ġie applikat ir-reġim għal ċertu perjodu ta' żmien. |
(3) |
Id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti filwaqt li jispeċifikaw, f'termini ġenerali, l-elementi komuni fir-rigward tal-kontenut u tal-format ta' dejta li għandha titressaq miċ-ċentri tan-negozjar, tal-arranġamenti ta' pubblikazzjoni approvati (APA) u tal-fornituri ta' tejp ikkonsolidat (CTPs) għall-finijiet ta' trasparenza u ta' kalkoli oħra. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jinqraw b'rabta mar-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2017/587 (3), (UE) 2017/583 (4), (UE) 2017/567 (5), (UE) 2017/565 (6) u (UE) 2016/2020 (7) li jiddeskrivu l-metodoloġija u d-dejta meħtieġa biex jitwettqu l-kalkoli rilevanti u jiġu speċifikati l-kontenut u l-iskop tad-dejta meħtieġa biex jitwettqu l-kalkoli ta' trasparenza. Għalhekk, il-kontenut, il-format u l-kwalità tad-dejta ppreżentata fir-rigward taċ-ċentri tan-negozjar, tal-APAs u tas-CTPs għandhom ikunu konsistenti mal-metodoloġija preskritta fl-atti ta' implimentazzjoni rilevanti tad-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 600/2014 meta jitwettqu tali kalkoli. |
(4) |
Bl-eċċezzjoni ta' talbiet potenzjali ta' dejta ad hoc u ta' kalkoli li għandhom jitwettqu għall-finijiet tal-mekkaniżmu tal-limitazzjoni tal-volum, iċ-ċentri tan-negozjar, l-APAs u s-CTPs għandhom jippreżentaw rapporti fuq bażi ta' kuljum. Meta jiġi kkunsidrat l-ambitu wiesa' tal-istrumenti finanzjarji koperti u l-ammont kbir ta' dejta li għandha tiġi pproċessata, din il-preżentazzjoni fuq bażi ta' kuljum tiffaċilita lill-awtoritajiet kompetenti jipproċessaw b'mod aktar preċiż fajls ta' daqsijiet maniġġabbli u tiżgura ġestjoni effiċjenti u fil-ħin tal-preżentazzjoni tad-dejta, tal-verifika tal-kwalità tad-dejta u tal-ipproċessar tad-dejta. Il-ġbir ta' dejta fuq bażi ta' kuljum jissemplifika wkoll l-obbligu ta' provvediment ta' dejta fiċ-ċentri tan-negozjar, l-APAs u s-CTPs billi jħaffilhom il-piż tal-kalkolu tan-numru ta' jiem ta' negozjar fil-każijiet fejn il-kriterju ta' likwidità kwantitattiv ikun applikabbli, u li jaggregaw id-dejta għall-istess strument finanzarju fi bramel ta' maturità ta' żmien differenti fil-każijiet fejn għandu jiġi kkunsidrat iż-żmien tal-maturità. Iċ-ċentralizzar tal-kalkolu jiżgura wkoll użu konsistenti tal-kriterji fl-istrumenti finanzjarji u fiċ-ċentri tan-negozjar kollha. |
(5) |
Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jaħżnu dejta li tkun komprensiva u tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti u lill-ESMA jwettqu kalkoli preċiżi. Filwaqt li l-informazzjoni mitluba tkun ipprovduta normalment fir-rapporti ta' wara n-negozjar, f'xi każijiet, l-informazzzjoni meħtieġa għall-kalkoli tmur lil hinn mill-informazzjoni disponibbli f'dawk ir-rapporti. Dan jinkludi, pereżempju, informazzjoni dwar tranżazzjonijiet eżegwiti abbażi ta' ordnijiet li bbenefikaw minn eżenzjoni fuq skala kbira. Din l-informazzjoni ma għandhiex tkun inkluża f'rapporti ta' negozjar peress li tista' tesponi tali tranżazzjonijiet għal impatt negattiv fuq is-suq. Madankollu, peress li l-informazzjoni tista' tkun meħtieġa għall-awtoritajiet kompetenti biex jitwettqu l-kalkoli meħtieġa, hija għandha tinħażen b'mod adegwat miċ-ċentri tan-negozjar, mill-APAs u mis-CTPs u għandha tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti u lill-ESMA fejn ikun meħtieġ. Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jiżguraw li huma jxerrdu b'mod adegwat l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti u lill-ESMA. It-tranżazzjonijiet eżegwiti abbażi ta' ordnijiet fuq skala kbira għandhom ikunu identifikati b'mod adegwat fir-rapport tagħhom lis-CTPs. |
(6) |
Id-dejta għandha tinġabar minn varjetà ta' sorsi peress li jista' jkun li sors wieħed mhux dejjem ikollu sett ta' dejta komplut għal klassi ta' assi jew saħansitra għal strument partikolari. Għalhekk, biex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti u lill-ESMA jiksbu u jikkonsolidaw dejta ta' kwalità għolja minn diversi sorsi, iċ-ċentri ta' negozjar, l-APAs u s-CTPs għandhom jużaw, meta jkunu disponibbli, speċifikazzjonijiet stabbiliti minn qabel f'termini ta' kontenut u ta' format sabiex il-ġbir ta' dejta jsir aktar faċli u aktar kosteffiċjenti. |
(7) |
Meta wieħed jikkunsidra s-sensittività tal-kalkoli meħtieġa u l-konsegwenzi kummerċjali potenzjali għaċ-ċentri tan-negozjar, l-emittenti u l-parteċipanti l-oħra tas-suq tal-pubblikazzjoni ta' informazzjoni inkorretta li tista' twassal, fil-każ tal-mekkaniżmu tal-limitazzjoni tal-volum, għas-sospensjoni tal-użu ta' eżenzjonijiet għal ċentru partikolari wieħed jew fl-Unjoni kollha għal strument finanzjarju partikolari, huwa kruċjali li jiġi kkjarifikat il-format tad-dejta li għandha tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet kompetenti u lill-ESMA sabiex jiġu stabbiliti mezzi ta' komunikazzjoni effiċjenti maċ-ċentri tan-negozjar u s-CTPs u tiġi żgurata pubblikazzjoni fil-ħin u korretta tad-dejta rikjesta. |
(8) |
Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 jirrikjedi lill-ESMA tippubblika, għal strumenti finanzjarji li għalihom japplika l-mekkaniżmu tal-limitazzjoni tal-volum, kejl tal-volum totali ta' negozjar fit-12-il xahar preċedenti u tal-persentaġġi ta' negozjar skont l-eżenzjonijiet tat-tranżazzjonijiet negozjati, kif ukoll tal-prezz referenzjarju fit-12-il xahar preċedenti. Fil-każ ta' strumenti finanzjarji nnegozjati f'aktar minn munita waħda, jeħtieġ li l-volumi eżegwiti f'muniti differenti jiġu kkonvertiti f'munita komuni waħda sabiex tkun permessal-komputazzjoni ta' dawk il-volumi u jsiru l-kalkoli meħtieġa. Għalhekk, il-metodoloġija u r-rati tal-kambju li għandhom jintużaw biex jikkonvertu, fejn ikun meħtieġ, il-volumi ta' kummerċ għandhom jiġu previsti. |
(9) |
Għall-finijiet tal-mekkaniżmu tal-limitazzjoni tal-volum, iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jintalbu jirrapportaw il-volumi ta' negozjar eżegwiti skont l-eżenzjoni tal-prezz referenzjarju u, għal strumenti likwidi, l-eżenzjoni tat-tranżazzjonijiet negozjati. Peress li l-eżenzjonijiet japplikaw għal ordnijiet u mhux għal tranżazzjonijiet, huwa importanti li jiġi ċċarat li l-volumi li għandhom jiġu rrapportati għandhom jinkludu t-tranżazzjonijiet kollha mmarkati b'“RFPT” jew “NLIQ” għall-fini tal-pubblikazzjoni ta' wara n-negozju tat-tranżazzjonijiet u kif speċifikat fir-Regolament Delegat (UE) 2017/587. Meta tranżazzjoni tkun ġiet eżegwita fuq il-bażi ta' żewġ ordnijiet li jibbenefikaw mill-eżenzjoni fuq skala kbira, din it-tranżazzjoni ma għandhiex tgħodd għall-volumi kkalkulati skont l-eżenzjoni tal-prezz referenzjarju u l-eżenzjoni tat-tranżazzjonijiet negozjati. |
(10) |
Għall-fini tal-mekkaniżmu tal-limitazzjoni tal-volum, il-ċentri tan-negozjar s-u CTPs għandhom jiżguraw li ċ-ċentru tan-negozjar li fuqu ġiet eżegwita t-tranżazzjoni jkun identifikat bi granularità suffiċjenti sabiex jippermetti lill-ESMA twettaq il-kalkoli kollha msemmija fir-Regolament (UE) Nru 600/2014. B'mod partikolari, l-identifikatur taċ-ċentru tan-negozjar li jintuża għandu jkun uniku għal dak iċ-ċentru ta' negozjar u mhux maqsum ma' xi ċentru tan-negozjar ieħor operat mill-istess operatur tas-suq. L-identifikaturi taċ-ċentru tan-negozjar għandhom jippermettu lill-ESMA tiddistingwi b'mod mhux ekwivoku ċ-ċentri kollha ta' negozjar li għalihom l-operatur tas-suq irċieva awtorizzazzjoni speċifika skont id-Direttiva 2014/65/UE. |
(11) |
Għall-fini tal-mekkaniżmu tal-limitazzjoni tal-volum, jeħtieġ li ċ-ċentri ta' negozjar jiġu rikjesti jippreżentaw l-ewwel rapport fil-jum tad-dħul fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65/UE u tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 mal-volumi ta' kummerċ skont l-eżenzjoni tal-prezz referenzjarju u, għal strumenti finanzjarji likwidi, l-eżenzjoni tat-tranżazzjonijiet negozjati għas-sena kalendarja preċedenti. Biex tiġi żgurata applikazzjoni proporzjonali ta' dan ir-rekwiżit, iċ-ċentri tan-negozjar għandhom, għal dak il-għan, jibbażaw ir-rapport tagħhom dwar il-volumi aġġustati ta' negozjar eżegwiti skont l-eżenzjonijiet ekwivalenti li jeżistu skont id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1287/2006 (9). |
(12) |
Sabiex jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti u lill-ESMA bid-dejta preċiża, iċ-ċentri tan-negozjar, l-APAs u s-CTPs għandhom jiżguraw li r-rapporti tagħhom jinkludu biss tranżazzjonijiet “single-counted”. |
(13) |
Id-dispożizzjonijiet f'dan ir-Regolament huma marbuta mill-qrib, peress li huma jindirizzaw l-ispeċifikazzjoni tal-kontentut, il-frekwenza, il-format ta' talbiet ta' dejta, il-metodu li għandu jintuża biex jipproċessa din id-dejta u speċifikazzjonijiet oħra relatati mal-pubblikazzjoni ta' informazzjoni għall-finijiet tat-trasparenza kif iddefinita skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014. Sabiex tiġi żgurata koerenza bejn dawn id-dispożizzjonijiet, li se jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin, u biex tiġi permessa opinjoni komprensiva għall-partijiet kkonċernati, u b'mod partikolari dawk soġġetti għall-obbligi, huwa mixtieq li dawn jiġu inklużi fir-Regolament uniku. |
(14) |
Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 600/2014 japplikaw mill-istess data. |
(15) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati mill-ESMA lill-Kummissjoni. |
(16) |
L-ESMA għamlet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi d-dettalji tat-talbiet tad-dejta li għandhom jintbagħtu mill-awtoritajiet kompetenti u d-dettalji tat-tweġiba għal dawk it-talbiet li għandhom jintbagħtu minn ċentri tan-negozjar, arranġamenti ta' pubblikazzjoni approvati (APAs) u fornituri ta' tejp ikkonsolidat (CTPs), għall-finijiet tal-kalkolu u tal-aġġustament tat-trasparenza ta' qabel u ta' wara n-negozju u tar-reġimi ta' obbligazzjoni tan-negozjar, u b'mod partikolari għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-fatturi li ġejjin:
(a) |
jekk strumenti finanzjarji ta' ekwità, li jixbhu lill-ekwitajiet u mhux ta' ekwità għandhomx suq likwidu; |
(b) |
il-livelli limitu għal eżenzjonijiet ta' trasparenza ta' qabel in-negozju għal strumenti finanzjarji ta' ekwità, li jixbhu lill-ekwitajiet u mhux ta' ekwità; |
(c) |
il-livelli limitu għal diferimenti tat-trasparenza ta' wara n-negozju għal strumenti finanzjarji ta' ekwità, li jixbhu lill-ekwitajiet u mhux ta' ekwità; |
(d) |
meta l-likwidità ta' klassi ta' strumenti finanzjarji tonqos aktar minn livell limitu speċifikat; |
(e) |
meta ditta tal-investiment tkun internalizzatur sistematiku; |
(f) |
id-daqs tas-suq standard applikabbli għall-internalizzaturi sistematiċi li jindirizzaw strument ta' ekwità u strumenti li jixbhu lill-ekwitajiet, u d-daqs speċifiku għall-istrument applikabbli għal internalizzaturi sistematiċi li jindirizzaw strumenti mhux ta' ekwità; |
(g) |
għal strumenti ta' ekwità u li jixbhu lill-ekwitajiet, il-volum totali tan-negozjar għat-12-il xahar preċedenti u tal-persentaġġi tan-negozjar imwettqa kemm taħt l-eżenzjonijiet tat-tranżazzjonijiet negozjati u tal-prezz referenzjarju fl-Unjoni kollha u f'kull ċentru tan-negozjar fit-12-il xahar preċedenti; |
(h) |
jekk id-derivattivi humiex likwidi biżżejjed għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta' negozjar għad-derivattivi. |
Artikolu 2
Kontenut tat-talbiet tad-dejta u tal-informazzjoni li għandha tiġi rapportata
1. Għall-fini tat-twettiq tal-kalkoli li jokkorru f'dati prestabbiliti jew fi frekwenzi predefiniti, iċ-ċentri tan-negozjar, l-APAs u s-CTPs għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom bid-dejta kollha rikjesta biex iwettqu l-kalkoli stabbiliti fir-Regolamenti li ġejjin:
(a) |
Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/587; |
(b) |
Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/583; |
(c) |
Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/567; |
(d) |
Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/565. |
2. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu, fejn ikun meħtieġ, informazzjoni addizzjonali għall-fini tal-monitoraġġ u tal-aġġustament tal-livelli limitu u l-parametri msemmija fil-punti (a) sa (f) u (h) tal-Artikolu 1 minn ċentri tan-negozjar, APAs u CTPs.
3. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu d-dejta kollha rikjesta mill-ESMA biex tieħu inkunsiderazzjoni skont ir-Regolament Delegat (UE) 2016/2020 għal strumenti finanzjarji mhux ta' ekwità, inkluża dejta dwar dan li ġej:
(a) |
il-frekwenza medja tan-negozjar; |
(b) |
id-daqs medju u d-distribuzzjoni tan-negozjar; |
(c) |
l-għadd u t-tip tal-parteċipanti tas-suq; |
(d) |
id-daqs medju tal-marġnijiet. |
Artikolu 3
Frekwenza tat-talbiet tad-dejta u ħinijiet ta' reazzjoni għal ċentri tan-negozjar, APAs u CTPs
1. Iċ-ċentri tan-negozjar, l-APAs u s-CTPs għandhom jippreżentaw id-dejta msemmija fl-Artikolu 2(1) kuljum.
2. Iċ-ċentri tan-negozjar, l-APAs u s-CTPs għandhom jippreżentaw id-dejta bi tweġiba għal talba ad hoc kif imsemmi fl-Artikolu 2(2) fi żmien erba' ġimgħat minn meta tkun irċevuta t-talba sakemm ċirkostanzi eċċezzjonali ma jirrikjedux tweġiba fi żmien perjodu ta' żmien aktar qasir kif speċifikat fit-talba.
3. Permezz ta' deroga mill-paragrafi 1 u 2, iċ-ċentri tan-negozjar u s-CTPs għandhom jippreżentaw id-dejta li għandha tintuża għall-fini tal-mekkaniżmu tal-limitazzjoni tal-volumi kif stabbilit fil-paragrafi 6 sa 9 tal-Artikolu 6.
Artikolu 4
Format tat-talbiet tad-dejta
Iċ-ċentri tan-negozjar, l-APAs u s-CTPs għandhom jippreżentaw id-dejta msemmija fl-Artikolu 2 f'format XML komuni u, meta jkun disponibbli, konformi ma' kwalunkwe speċifikazzjoni oħra f'termini ta' kontenut u ta' format ddefiniti biex jiffaċilitaw proċess effiċjenti u awtomatiku ta' provvista ta' dejta kif ukoll il-konsolidazzjoni tagħha ma' dejta simili minn sorsi oħrajn.
Artikolu 5
Tip ta' dejta li għandha tinħażen u l-perjodu minimu ta' żmien li ċentri tan-negozjar, APAs u CTPs għandhom jaħżnu d-dejta
1. Iċ-ċentri tan-negozjar, l-APAs u s-CTPs għandhom jaħżnu d-dejta kollha rikjesta biex jikkalkolaw, jagħmlu monitoraġġ jew jaġġustaw il-livelli limitu u l-parametri stabbiliti fl-Artikolu 2, indipendentement minn jekk din l-informazzjoni tqegħditx għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jew le.
2. Iċ-ċentri tan-negozjar, l-APAs u s-CTPs għandhom jaħżnu d-dejta msemmija fil-paragrafu 1 għal mill-inqas tliet snin.
Artikolu 6
Rekwiżiti tar-rapportar għal ċentri tan-negozjar u CTPs għall-fini tal-mekkaniżmu tal-limitazzjoni tal-volum
1. Għal kull strument finanzjarju li hu soġġett għar-rekwiżiti ta' trasparenza fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jippreżentaw id-dejta li ġejja lill-awtorità kompetenti:
(a) |
il-volum totali tan-negozju fl-istrument finanzjarju eżegwit f'dak iċ-ċentru tan-negozjar; |
(b) |
il-volumi totali tan-negozju fl-istrument finanzjarju eżegwiti f'dak iċ-ċentru tan-negozjar li jaqgħu taħt l-eżenzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(a) jew l-Artikolu 4(1)(b)(i) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, rispettivament, bil-volumi totali rapportati separatament għal kull eżenzjoni. |
2. Għal kull strument finanzjarju soġġett għar-rekwiżiti ta' trasparenza fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u fejn jintalab mill-awtorità kompetenti, is-CTPs għandhom jippreżentaw id-dejta li ġejja lill-awtorità kompetenti:
(a) |
il-volumi totali tan-negozju fl-istrument finanzjarju eżegwiti fiċ-ċentri tan-negozjar kollha fl-Unjoni bil-volumi totali rapportati separatament għal kull ċentru tan-negozjar; |
(b) |
il-volumi totali tan-negozju eżegwiti fiċ-ċentri tan-negozjar kollha fl-Unjoni li jaqgħu taħt l-eżenzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(a) jew l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, rispettivament, bil-volumi totali rapportati separatament għal kull eżenzjoni u għal kull ċentru tan-negozjar. |
3. Iċ-ċentri tan-negozjar u s-CTPs għandhom jirrapportaw dejta stabbilita fil-paragrafi 1 u 2 lill-awtorità kompetenti bl-użu tal-formati pprovduti fl-Anness. Huma għandhom, b'mod partikolari, jiżguraw li l-identifikaturi taċ-ċentri tan-negozjar pprovduti minnhom ikunu granulari biżżejjed biex jiffaċilitaw lill-awtorità kompetenti u lill-ESMA jidentifikaw il-volumi ta' kummerċ eżegwiti skont l-eżenjoni tal-prezz referenzjarju u, għal strumenti finanzjarji likwidi, skont l-eżenjoni tat-tranżazzjonijiet negozjati ta' kull ċentru tan-negozjar u li jippermettu l-kalkolu tal-proporzjon stabbilit skont l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.
4. Għall-finijiet tal-kalkolu tal-volumi msemmija fil-paragrafi 1 u 2:
(a) |
il-volum ta' tranżazzjoni individwali għandu jkun iddeterminat billi l-prezz tal-istrument finanzjarju jiġi mmultiplikat bin-numru ta' unitajiet innegozjati; |
(b) |
il-volum totali tan-negozju f'kull strument finanzjarju stabbilit fil-paragrafu 1(a) u l-paragrafu 2(a) għandu jiġi ddeterminat permezz tal-aggregazzjoni tal-volum tat-tranżazzjonijiet individwali u “single-counted” kollha għal dak l-istrument finanzjarju. |
(c) |
il-volumi ta' kummerċ stabbiliti fil-paragrafu 1(b) u l-paragrafu 2(b) għandhom jiġu ddeterminati permezz tal-aggregazzjoni tal-volumi ta' tranżazzjonijiet individwali u “single-counted” għal dak l-istrument finanzjarju rrapportat skont il-marki “prezz referenzjarju” u “tranżazzjonijiet innegozjati fi strumenti finanzjarji likwidi” skont it-Tabella 4 tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2017/587. |
5. Iċ-ċentri tan-negozjar u s-CTPs għandhom jaggregaw biss tranżazzjonijiet eżegwiti bl-istess munita u għandhom jirrapportaw separatament kull volum aggregat bil-munita użata għat-tranżazzjonijiet.
6. Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jippreżentaw id-dejta msemmija fil-paragrafi 1 sa 5 lill-awtorità kompetenti fl-ewwel jum u s-sittax-il jum ta' kull xahar kalendarju sas-13:00 ĦEĊ. Meta l-ewwel u s-sittax-il jum tax-xahar kalendarju jkunu jum bla xogħol għaċ-ċentru tan-negozjar, iċ-ċentru tan-negozjar għandu jirrapporta d-dejta lill-awtorità kompetenti sas-13:00 ĦEĊ fil-jum tax-xogħol ta' wara.
7. Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jippreżentaw lill-awtorità kompetenti l-volumi totali tan-negozju ddeterminati skont il-paragrafi 1 sa 5 fir-rigward tal-perjodi ta' żmien li ġejjin:
(a) |
biex ir-rapporti jiġu ppreżentati fis-sittax-il jum ta' kull xahar kalendarju, il-perjodu ta' eżekuzzjoni huwa mill-ewwel jum sal-ħmistax-il jum tal-istess xahar kalendarju; |
(b) |
biex ir-rapporti jiġu ppreżentati fl-ewwel jum ta' kull xahar kalendarju, il-perjodu ta' eżekuzzjoni huwa mis-sittax-il jum sal-aħħar jum tax-xahar kalendarju preċedenti. |
8. Permezz ta' deroga mill-paragrafi 6 u 7, iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jippreżentaw l-ewwel rapport għal kull strument finanzjarju fil-jum tad-dħul fis-seħħ tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65/UE u tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 sas-13:00 ĦEĊ u għandu jinkludi l-volumi ta' kummerċ imsemmija fil-paragrafu 1 għas-sena kalendarja preċedenti. Għal dan il-għan, iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jirrapportaw b'mod separat, għal kull xahar kalendarju, dan li ġej:
(a) |
il-volumi ta' kummerċ waqt il-perjodu mill-ewwel jum sal-ħmistax-il jum ta' kull xahar kalendarju; |
(b) |
il-volumi ta' kummerċ waqt il-perjodu mis-sittax-il jum sal-aħħar jum ta' kull xahar kalendarju. |
9. Iċ-ċentri ta' negozjar u s-CTPs għandhom iwieġbu għal kull talba ad hoc mill-awtoritajiet kompetenti dwar il-volum ta' kummerċ fir-rigward tal-kalkolu li għandu jitwettaq għall-monitoraġġ tal-użu tal-eżenzjonijiet tal-prezz referenzjarju jew tat-tranżazzjonijiet negozjati fil-jum tax-xogħol wara li ssir it-talba qabel il-ħin tal-għeluq l-uffiċċji.
Artikolu 7
Rekwiżiti ta' rapportar għal awtoritajiet kompetenti tal-ESMA għall-finijiet tal-mekkaniżmu u l-obbligu ta' negozjar għad-derivattivi
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lill-ESMA bid-dejta rċevuta minn ċentru tan-negozjar jew CTP skont l-Artikolu 6 sas-13:00 ĦEĊ fil-jum tax-xogħol ta' wara li tkun irċevuta.
2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lill-ESMA bid-dejta rċevuta minn ċentru tan-negozjar, APA jew CTP bil-għan li jiddeterminaw jekk id-derivattivi humiex likwidi biżzejjed, kif imsemmi fl-Artikolu 1(h) mingħajr dewmien bla bżonn u mhux aktar tard minn tlitt ijiem ta' xogħol wara li ġiet irċevuta d-dejta rilevanti.
Artikolu 8
Rekwiżiti ta' rapportar għall-ESMA għall-fini tal-mekkaniżmu tal-limitazzjoni tal-volum
1. L-ESMA għandha tippubblika l-miżuri tal-volum totali ta' kummerċ għal kull strument finanzjarju fit-12-il xahar preċedenti u tal-perċentwali tan-negozjar skont l-eżenzjonijiet kemm tat-tranżazzjonijiet negozjati u tal-prezz ta' referenza fl-Unjoni kollha u f'kull ċentru tan-negozjar fit-12-il xahar preċedenti, skont il-paragrafi 4, 5 u 6 tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, mhux aktar tard mill-22.00 ĦEĊ fil-ħames jum tax-xogħol wara t-tmiem tal-perjodi ta' rapportar stabbiliti fl-Artikolu 6(6) ta' dan ir-Regolament.
2. Il-pubblikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun mingħajr ħlas u f'format li jinqara mill-magni u mill-bniedem kif definit fl-Artikolu 14 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/571 (11) u fil-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 13 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/567.
3. Meta strument finanzjarju jiġi nnegozjat f'aktar minn munita waħda fl-Unjoni kollha, l-ESMA għandha tikkonverti l-volumi kollha f'euro bl-użu tar-rati tal-kambju medji kkalkulati abbażi tar-rati referenzjarji tal-kambju barrani tal-euro ppubblikati mill-Bank Ċentrali Ewropew fuq il-websajt tiegħu fit-12-il xahar preċedenti. Dawk il-volumi kkonvertiti għandhom jintużaw għall-kalkolu u għall-pubblikazzjoni tal-volum totali ta' kummerċ u tal-perċentwali tal-kummerċ kemm skont l-eżenzjonijiet tat-tranżazzjonijiet negozjati u dawk tal-prezz ta' referenza fl-Unjoni kollha u fuq kull ċentru tan-negozjar kif imsemmi fil-paragrafu 1.
Artikolu 9
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mit-3 ta' Jannar 2018.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Ġunju 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84.
(2) Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/587 tal-14 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti ta' trasparenza għal ċentri tan-negozjar u ditti ta' investiment fir-rigward ta' ishma, irċevuti depożitorji, fondi nnegozjati fil-boroż, ċertifikati u strumenti finanzarji simili oħrajn u dwar obbligi ta' eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni fir-rigward ta' ċertu ishma f'ċentru tan-negozjar jew minn internalizzaturi sistematiċi (ara paġna 387 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(4) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/583 tal-14 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarju fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti ta' trasparenza għal ċentri tan-negozjar u ditti ta' investiment fir-rigward tal-bonds, il-prodotti finanzjarji strutturati, il-kwoti ta' emissjonijiet u d-derivattivi (ara paġna 229 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(5) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/567 tat-18 ta' Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward definizzjonijiet, trasparenza, derivattivi, espressjoni tal-portafoll u miżuri superviżorji fuq l-intervent u l-pożizzjonijiet tal-prodott (ara paġna 90 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(6) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565 tal-25 ta' April 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward rekwiżiti organizzazzjonali u kundizzjonijiet għall-operat għal ditti tal-investiment u termini definiti għall-finijiet ta' dik id-Direttiva (ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(7) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2020 tas-26 ta' Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarju fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar il-kriterji biex ikun iddeterminat jekk id-derivattivi soġġetti għall-obbligu ta' kklerjar għandhomx ikunu soġġetti għall-obbligu ta' negozjar (ĠU L 313, 19.11.2016, p. 2).
(8) Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li texmenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).
(9) Ir-Regolament (KE) Nru 1287/2006 tal-Kummissjoni tal-10 ta' Awwissu 2006 li jimplimenta d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-obbligi tad-ditti ta' investiment li jżommu r-reġistri, ir-rapportaġġ tat-tranżazzjonijiet, it-trasparenza tas-suq, l-ammissjoni tal-istrumenti finanzjarji għan-negozjar, u t-termini ddefiniti għall-finijiet ta' dik id-Direttiva (ĠU L 241, 2.9.2006, p. 1)
(10) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
(11) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/571 tat-2 ta' Ġunju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar l-awtorizzazzjoni, ir-rekwiżiti organizzazzjonali u l-pubblikazzjoni ta' tranżazzjonijiet għal fornituri tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta (ara paġna 126 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
ANNESS
Tabella 1
Tabella tas-simboli għat-Tabella 2
SIMBOLU |
TIP TA' DEJTA |
DEFINIZZJONI |
||||
{ALPHANUM-n} |
Sa n karattri alfanumeriċi |
Kaxxa għal test liberu |
||||
{DECIMAL-n/m} |
Numru deċimali sa n ċifra b'kollox li minnhom sa m ċifra jistgħu jkunu ċifri ta' frazzjonijiet |
Kaxxa numerika kemm għal valuri pożittivi kif ukoll għal dawk negattivi.
Fejn japplika, il-valuri għandhom jiġu irrawndjati u mhux imqassra. |
||||
{CURRENCYCODE_3} |
3 karattri alfanumeriċi |
Kodiċi tal-pajjiż bi 3 ittri, kif definit mill-kodiċijiet tal-pajjiż ISO 4217. |
||||
{DATEFORMAT} |
Il-format tad-data skont l-ISO 8601 |
Id-dati għandu jkollhom dan il-format: SSSS-XX-JJ. |
||||
{ISIN} |
12-il karattru alfanumeriku |
Kodiċi ISIN, kif definit f'ISO 6166. |
||||
{MIC} |
4 karattri alfanumeriċi |
Identifikatur tas-suq kif definit f'ISO 10383. |
Tabella 2
Formati tar-rapport għall-fini tal-mekkaniżmu għal-limitazzjoni tal-volum
Isem il-qasam tad-dejta |
Format |
Perjodu ta' rapportar |
{DATEFORMAT}/{DATEFORMAT} fejn l-ewwel data hija l-bidu tal-perjodu ta' rapportar u t-tieni data hija t-tmiem tal-perjodu tar-rapportar |
Identifikazzjoni tal-entità li qed tirrapporta |
Fejn l-entità relatriċi hija ċentru tan-negozjar: {MIC} (is-segment tal-MIC jew, fejn ikun xieraq, l-MIC operattiv) jew {ALPHANUM-50} jekk l-entità relatriċi tkun CTP. |
Identifikatur taċ-ċentru tan-negozjar |
{MIC} (is-segment tal-MIC, fejn disponibbli, inkella l-MIC operattiv). |
Identifikatur tal-istrument |
{ISIN} |
Munita tat-tranżazzjonijiet |
{CURRENCYCODE_3} |
Volum totali ta' negozjar (skont il-munita) |
{DECIMAL-18/5} |
Volum totali ta' negozjar skont l-eżenjoni tal-Prezz ta' Referenza kif definit skont l-Artikolu 4(1)(a) tal-MiFIR (skont il-munita) |
{DECIMAL-18/5} |
Volum totali ta' negozjar skont l-eżenjoni tat-Tranżazzjonijiet Negozjati kif definit skont l-Artikolu 4(1)(b)(i) tal-MiFIR (skont il-munita) |
{DECIMAL-18/5} |