Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R2153

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2153 tas-14 ta’ Ottubru 2020 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 fir-rigward tal-kategoriji ta’ data personali operazzjonali u l-kategoriji ta’ suġġetti tad-data li d-data personali operazzjonali tagħhom tista’ tiġi pproċessata fl-indiċi tal-fajls tal-każijiet mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

C/2020/6797

ĠU L 431, 21.12.2020, pp. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 21/12/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/2153/oj

21.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 431/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2153

tas-7 ta’ Ottubru 2020

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 fir-rigward tal-kategoriji ta’ data personali operazzjonali u l-kategoriji ta’ suġġetti tad-data li d-data personali operazzjonali tagħhom tista’ tiġi pproċessata fl-indiċi tal-fajls tal-każijiet mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 49(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) ġie stabbilit biex jinvestiga, jagħmel prosekuzzjoni u jressaq quddiem il-ġustizzja l-awturi u l-kompliċi ta’ reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(2)

Is-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet tinkludi indiċi tal-fajls tal-każijiet kollha. Id-data personali operazzjonali fl-indiċi hija limitata għad-data meħtieġa biex jiġu identifikati każijiet jew biex jiġu stabbiliti rabtiet bejn il-fajls tal-każijiet differenti.

(3)

Jenħtieġ li jiġu identifikati l-kategoriji ta’ data personali operazzjonali u l-kategoriji ta’ suġġetti tad-data li d-data personali operazzjonali tagħhom tista’ tiġi pproċessata fl-indiċi.

(4)

Jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2017/1939 jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-grupp ta’ esperti msemmi fl-Artikolu 20(4) tar-Regolament (UE) 2017/1939 ġie kkonsultat fit-8 ta’ Mejju 2020.

(6)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta l-opinjoni tiegħu fil-31 ta’ Lulju 2020,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fir-Regolament (UE) 2017/1939, it-test stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament jiżdied bħala Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1.


ANNESS

“ANNESS

Kategoriji ta’ suġġetti tad-data u kategoriji ta’ data personali operazzjonali msemmija fl-Artikolu 49(3)

A.   Kategoriji ta’ suġġetti tad-data li d-data personali operazzjonali tagħhom tista’ tiġi pproċessata fl-indiċi:

(a)

persuni suspettati jew akkużati fil-proċedimenti kriminali tal-UPPE;

(b)

persuni kkundannati wara l-proċedimenti kriminali tal-UPPE;

(c)

persuni fiżiċi li rrappurtaw jew li huma vittmi ta’ reati li jaqgħu fil-kompetenza tal-UPPE;

(d)

kuntatti jew assoċjati ta’ waħda mill-persuni msemmija fil-punti (a) jew (b).

B.   Kategoriji ta’ data personali operazzjonali tal-kategoriji ta’ suġġetti tad-data msemmija fil-punti (a) u (b) tat-taqsima A li tista’ tiġi pproċessata fl-indiċi:

(a)

il-kunjom, il-kunjom ta’ xebba, l-ismijiet mogħtija u kwalunkwe psewdonimu jew isem assunt;

(b)

id-data u l-post tat-twelid;

(c)

in-nazzjonalità;

(d)

is-sess;

(e)

il-post ta’ residenza, il-professjoni u l-post fejn tinsab il-persuna konċernata;

(f)

in-numri tas-sigurtà soċjali, il-kodiċijiet tal-ID, il-liċenzji tas-sewqan, id-dokumenti ta’ identifikazzjoni, id-data tal-passaport, in-numru tad-dwana u ta’ identifikazzjoni tat-taxxa;

(g)

id-deskrizzjoni u n-natura tar-reati allegati, id-data meta twettqu u l-kategorija kriminali tar-reati;

(h)

informazzjoni dwar persuni ġuridiċi relatati ma’ individwi identifikati jew identifikabbli li huma suġġetti għal investigazzjoni mwettqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew;

(i)

is-sħubija suspettata f’organizzazzjoni kriminali;

(j)

id-dettalji ta’ kontijiet miżmuma ma’ banek u ma’ istituzzjonijiet finanzjarji oħra;

(k)

in-numri tat-telefon, in-numri tas-SIM card, l-indirizzi tal-email, l-indirizzi tal-IP u l-kont u l-ismijiet tal-utenti użati fuq pjattaformi online;

(l)

id-data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi;

(m)

l-assi identifikabbli li huma proprjetà tal-persuna jew li huma użati mill-persuna, bħall-kriptoassi u l-proprjetà immobbli.

C.   Kategoriji ta’ data personali operazzjonali tal-kategoriji ta’ suġġetti tad-data msemmija fil-punt (c) tat-taqsima A li tista’ tiġi pproċessata fl-indiċi, limitata għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat sabiex l-UPPE jwettaq il-kompiti tiegħu ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni:

(a)

il-kunjom, il-kunjom ta’ xebba, l-ismijiet mogħtija u kwalunkwe psewdonimu jew isem assunt;

(b)

id-data u l-post tat-twelid;

(c)

in-nazzjonalità;

(d)

is-sess;

(e)

il-post ta’ residenza, il-professjoni u l-post fejn tinsab il-persuna konċernata;

(f)

il-kodiċijiet tal-ID, id-dokumenti ta’ identifikazzjoni u d-data tal-passaport;

(g)

id-deskrizzjoni u n-natura tar-reati li jinvolvu lill-persuna kkonċernata jew li ġew irrappurtati minnha, id-data meta twettqu u l-kategorija kriminali tar-reati.

D.   Kategoriji ta’ data personali operazzjonali tal-kategoriji ta’ suġġetti tad-data msemmija fil-punt (d) tat-taqsima A li tista’ tiġi pproċessata fl-indiċi, limitata għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat sabiex l-UPPE jwettaq il-kompiti tiegħu ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni:

(a)

il-kunjom, il-kunjom ta’ xebba, l-ismijiet mogħtija u kwalunkwe psewdonimu jew isem assunt;

(b)

id-data u l-post tat-twelid;

(c)

in-nazzjonalità;

(d)

is-sess;

(e)

il-post ta’ residenza, il-professjoni u l-post fejn tinsab il-persuna konċernata;

(f)

il-kodiċijiet tal-ID, id-dokumenti ta’ identifikazzjoni u d-data tal-passaport.”


Top