This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52022AE2933
Opinion of the European Economic and Social Committee on the Proposal for a Directive of the European Parliament and of the Council amending Directive 2011/83/EU concerning financial services contracts concluded at a distance and repealing Directive 2002/65/EC [COM(2022) 204 final — 2022/0147 (COD)]
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/83/UE fejn jidħlu l-kuntratti ta’ servizzi finanzjarji konklużi mill-bogħod u li tħassar id-Direttiva 2002/65/KE” (COM(2022) 204 final — 2022/0147 (COD))
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/83/UE fejn jidħlu l-kuntratti ta’ servizzi finanzjarji konklużi mill-bogħod u li tħassar id-Direttiva 2002/65/KE” (COM(2022) 204 final — 2022/0147 (COD))
EESC 2022/02933
ĠU C 486, 21.12.2022, pp. 139–143
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
21.12.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 486/139 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/83/UE fejn jidħlu l-kuntratti ta’ servizzi finanzjarji konklużi mill-bogħod u li tħassar id-Direttiva 2002/65/KE”
(COM(2022) 204 final — 2022/0147 (COD))
(2022/C 486/19)
|
Relatur: |
Gonçalo LOBO XAVIER |
|
Konsultazzjoni |
Parlament Ewropew, 18.5.2022 Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 23.5.2022 |
|
Bażi legali |
Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
8.9.2022 |
|
Adozzjoni fil-plenarja |
21.9.2022 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
572 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
229/0/3 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li temenda d-Direttiva 2011/83/UE dwar kuntratti ta’ servizzi finanzjarji konklużi mill-bogħod u li tħassar id-Direttiva 2001/65/KE. L-evoluzzjoni tas-soċjetà u l-imġiba tagħha, is-soluzzjonijiet tekniċi ġodda li qed jitfaċċaw, u t-tisħiħ tas-suq uniku bħala mezz biex jiġi żgurat il-moviment liberu tas-servizzi finanzjarji u r-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur jeħtieġu dan. Il-kriżi tal-COVID-19 kienet test inkredibbli tar-reżiljenza tal-UE u imponiet xejriet u ideat ġodda li jridu jiġu indirizzati. Il-KESE jappoġġja wkoll din il-proposta minn din il-perspettiva. |
|
1.2 |
Minkejja li huwa favur il-proposta, il-KESE jinsisti fuq il-ħtieġa li jsir investiment fil-litteriżmu diġitali u finanzjarju tan-nies sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jifhmu b’mod korrett id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom relatati mal-kuntratti finanzjarji konklużi mill-bogħod, b’mod partikolari d-dritt ta’ rtirar minn kuntratt u d-dritt li tinkiseb aktar informazzjoni f’fażi prekuntrattwali. Jeħtieġ li l-Istati Membri jinvestu fi programm ta’ komunikazzjoni strateġika sabiex jagħtu spinta lill-potenzjal tas-suq uniku, f’konformità mad-drittijiet fundamentali tal-konsumatur. |
|
1.3 |
Il-KESE jiddikjara li huwa kruċjali li jkun hemm approċċ ibbilanċjat bejn l-esperjenza diġitali u dik tradizzjonali. Il-KESE jappoġġja l-avvanzi li ġabet magħha l-innovazzjoni teknoloġika, iżda jenfasizza wkoll li l-kuntatt uman għadu essenzjali fir-rigward tal-għoti ta’ kjarifika u tal-protezzjoni tad-data. Għalkemm għandu jitqies li d-diġitalizzazzjoni u l-modernizzazzjoni huma importanti ħafna f’dak li għandu x’jaqsam mat-titjib tal-benesseri taċ-ċittadini, il-KESE jiddikjara wkoll li għad hemm ħafna differenzi bejn l-Istati Membri u anke bejn ir-reġjuni, b’xi wħud jitolbu li jinżammu diversi biċċiet ta’ infrastruttura “fiżika” sabiex tiġi appoġġjata l-komunità lokali. Il-KESE jemmen li l-involviment tal-awtoritajiet lokali fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-kumpaniji finanzjarji, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżistenza ta’ infrastruttura fiżika fiż-żoni rurali, jista’ jgħin biex jiġu appoġġjati l-komunitajiet lokali. Il-KESE jitlob li jiġi ggarantit id-dritt li jintalab “intervent uman” fis-servizzi finanzjarji mill-bogħod. |
|
1.4 |
Il-KESE, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma rappreżentati fih, jemmnu fil-potenzjal tas-suq uniku bħala għodda biex jissaħħaħ il-proġett Ewropew. Iż-żieda fil-fiduċja fis-sistemi finanzjarji tagħna hija prinċipju fundamentali li jappoġġja s-soċjetà fil-qasam tas-servizzi finanzjarji tal-konsumatur. F’dan ir-rigward, il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-ħtieġa li jsir investiment fiċ-ċibersigurtà b’mod konsistenti. Iċ-ċittadini għandhom ikunu konxji tar-riskji assoċjati mal-konklużjoni ta’ kuntratti mill-bogħod. Barra minn hekk, jeħtieġ li ċ-ċittadini jkollhom fiduċja fis-sistema jekk irridu nagħtu spinta lis-suq uniku u l-moviment liberu tas-servizzi finanzjarji, li qed isiru dejjem aktar rilevanti, speċjalment wara s-sitwazzjoni tal-COVID-19, u b’mod partikolari bl-iżvilupp ta’ attivitajiet ta’ kummerċ elettroniku u servizzi diġitali. |
|
1.5 |
Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li din il-proposta tiġi armonizzata mad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur. Wara tant kisbiet marbuta mad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur, u b’kont meħud tat-tnedija tal-Aġenda tal-Konsumatur Ġdida (1), dan id-dossier partikolari dwar is-servizzi finanzjarji mill-bogħod huwa l-mument perfett biex jissaħħaħ ir-rispett għad-drittijiet tal-konsumatur u tingħata spinta lill-investimenti tal-kumpaniji f’dan il-qasam. Il-KESE jitlob li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu involuti sabiex iħejju u jimmonitorjaw aħjar l-implimentazzjoni futura tad-Direttiva. Dan huwa eżempju tajjeb ta’ qasam fejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jappoġġjaw u jikkontribwixxu għal ambjent aħjar u jgħinu biex jiġi żgurat approċċ pożittiv. |
|
1.6 |
Il-mekkaniżmi tal-intelliġenza artifiċjali jistgħu jipprovdu ambjent sikur u affidabbli għal din il-proposta għal Direttiva. Il-KESE jifhem l-importanza tal-innovazzjoni għas-soċjetà u jirrakkomanda l-użu tal-mezzi kollha possibbli biex tiġi pprovduta esperjenza sikura u moderna lill-konsumaturi u lill-kumpaniji f’dan il-qasam partikolari. Il-KESE ilu jaħdem f’dan il-qasam u jirrakkomanda bil-qawwa li l-intelliġenza artifiċjali tintuża biex jinbena suq uniku aħjar u aktar integrat li jappoġġja liċ-ċittadini u jiżgura operazzjonijiet sikuri fi ħdan is-sistema finanzjarja (2). |
|
1.7 |
Il-KESE jsostni li, filwaqt li jitqiesu l-objettivi u l-prinċipji tas-suq uniku, l-UE tista’ tistabbilixxi prattiki tajbin fir-rigward tar-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji mill-bogħod. Din il-proposta tindirizza miżuri rilevanti għall-kumpaniji u l-konsumaturi, iżda l-KESE jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu ċċarati l-attivitajiet tal-kumpaniji bbażati barra l-UE, li jista’ jkollhom impatt fuq iċ-ċittadini Ewropej. Għall-KESE, il-ħtieġa għal armonizzazzjoni għandha wkoll tiġi indirizzata u rispettata kif xieraq. |
|
1.8 |
Il-KESE jappella għal azzjoni fir-rigward ta’ “regoli u normi ta’ pubbliċità” marbuta mal-proċess sensittiv ta’ forniment ta’ servizzi finanzjarji mill-bogħod. Huwa importanti li jiġu armonizzati r-regoli li jirregolaw ir-reklamar ta’ dawn is-servizzi sabiex tiġi evitata kompetizzjoni inġusta u tiġi mminata s-sistema. Sakemm il-messaġġ ikun qawwi, ir-riżultati huma mistennija li jkunu ta’ benefiċċju għall-kumpaniji u ċ-ċittadini, u jkollhom impatt pożittiv fuq l-imġiba tal-konsumatur, inkluż fir-rigward tas-sostenibbiltà. Il-KESE jinsisti wkoll li l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur għandhom ikunu involuti sabiex ikun hemm djalogu aħjar bejn il-kumpaniji u ċ-ċittadini. |
|
1.9 |
Fl-aħħar nett, il-KESE jqis li, sabiex id-Direttiva tiġi implimentata aħjar u li verament jinsiltu benefiċċji mill-prinċipji tagħha, l-investiment fl-infrastruttura huwa vitali sabiex jinkisbu riżultati aħjar. Iċ-ċittadini bla dubju jistgħu jibbenefikaw minn servizzi aħjar u aktar trasparenti, iżda f’konformità ma’ dan jeħtieġ li jkun hemm aċċess għall-5G, kopertura sħiħa tan-network u faċilitajiet infrastrutturali oħra fl-oqsma kollha, u dan għadu ’l bogħod milli jkun realtà b’mod ġenerali. Il-KESE jappella għal użu aħjar u aktar effiċjenti tar-riżorsi finanzjarji taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza sabiex jiġu indirizzati dawn l-investimenti u jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. |
2. Kummenti ġenerali
|
2.1 |
Id-Direttiva 2002/65/KE li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi għandha l-għan li tiżgura l-moviment liberu tas-servizzi finanzjarji fis-suq uniku billi tarmonizza ċerti regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur f’dan il-qasam, u li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li diġà hemm għadd ta’ Direttivi u Regolamenti reċenti li jistabbilixxu standards għoljin ta’ protezzjoni tal-konsumatur, u l-mertu tal-proposta għal Direttiva ġdida huwa li tipprovdi xibka ta’ sikurezza f’każijiet fejn din il-protezzjoni hija, jew tista’ tkun, nieqsa. Fejn ma jkun hemm l-ebda leġiżlazzjoni tal-UE speċifika għall-prodott jew l-ebda regola orizzontali tal-UE li tkopri s-servizz finanzjarju għall-konsumatur, id-Direttiva għandha tapplika b’mod orizzontali għal kwalunkwe servizz preżenti jew futur ta’ natura bankarja, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni, ta’ pensjoni personali, ta’ investiment jew ta’ pagament kuntrattat permezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod (jiġifieri mingħajr il-preżenza fiżika simultanja tal-kummerċjant u tal-konsumatur). Id-Direttiva tistabbilixxi l-informazzjoni li għandha tingħata lill-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt mill-bogħod (informazzjoni prekuntrattwali), tagħti lill-konsumatur id-dritt ta’ rtirar fir-rigward ta’ ċerti servizzi finanzjarji, u tistabbilixxi regoli dwar servizzi mhux mitluba u komunikazzjoni mhux mitluba. |
|
2.2 |
Matul dawn l-aħħar 20 sena, it-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi nbidel b’mod rapidu. Il-fornituri ta’ servizzi finanzjarji u l-konsumaturi ma għadhomx jużaw il-faks, u tfaċċaw atturi ġodda bħall-kumpaniji tal-fintech, b’mudelli kummerċjali ġodda u b’kanali ta’ distribuzzjoni ġodda, eż. servizzi finanzjarji mibjugħa online. |
|
2.3 |
Il-proposta tal-Kummissjoni timmira li tissemplifika u timmodernizza l-qafas leġiżlattiv billi tħassar id-Direttiva li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi eżistenti, filwaqt li tinkludi aspetti rilevanti tad-drittijiet tal-konsumatur rigward kuntratti ta’ servizzi finanzjarji konklużi mill-bogħod fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur applikabbli b’mod orizzontali. |
|
2.4 |
L-objettiv ġenerali tal-leġiżlazzjoni jibqa’ l-istess, jiġifieri li jiġi promoss il-forniment ta’ servizzi finanzjarji fis-suq uniku filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Dan l-objettiv jinkiseb b’ħames modi distinti:
|
3. Is-servizzi finanzjarji u s-suq uniku
|
3.1 |
Il-KESE jemmen li l-UE kollha qed tiffaċċja sfidi serji wara l-kriżi tal-COVID-19, l-aggressjoni Russa fl-Ukrajna u l-kriżi finanzjarja fuq l-orizzont. Huwa fatt li l-fiduċja tal-konsumatur ġiet mheżża. Barra minn hekk, livelli għoljin ta’ dejn tal-unitajiet domestiċi huma xi ħaġa li trid tiġi indirizzata u għadha ’l bogħod milli tinstab soluzzjoni. Dan għandu jitqies fil-kuntest tal-miżuri kollha relatati mal-politiki finanzjarji. Il-konsumaturi jeħtiġilhom ikollhom fiduċja fis-sistema, u dan huwa kruċjali sabiex tinbena l-fiduċja u jiġi żgurat l-irkupru tal-ekonomiji u s-soċjetà tagħna. |
|
3.2 |
Il-KESE jaqbel dwar il-ħtieġa ta’ armonizzazzjoni. Madankollu, dan ma jistax idgħajjef jew jippreġudika liċ-ċittadini. Huwa meħtieġ li wieħed jifhem li mhux iċ-ċittadini kollha jimxu bl-istess pass fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni, u dan il-proċess m’għandu jħalli lil ħadd jibqa’ lura. Il-KESE jemmen li l-investiment fil-litteriżmu finanzjarju għandu jkun prijorità li hija allinjata mill-qrib mal-proposta. |
|
3.3 |
Huwa importanti li jiġi żgurat li l-protezzjoni tad-data tkun fil-qalba ta’ dan il-proċess. Iċ-ċittadini Ewropej għandu jkollhom il-fiduċja li jikkondividu d-data għal skopijiet legali u tad-drittijiet tal-konsumatur u dan jista’ jinkiseb biss billi jkun hemm sistema b’saħħitha u affidabbli. Il-protezzjoni tad-data llum tinsab fuq quddiem nett tat-tħassib taċ-ċittadini, u ċ-ċibersigurtà hija kruċjali biex tingħata spinta lill-proċess ta’ komunikazzjoni fejn huma kkonċernati s-servizzi finanzjarji mill-bogħod. |
|
3.4 |
Huwa vitali li jiġi żgurat li din il-proposta tiġi armonizzata mad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur. Huwa kruċjali wkoll li jiġi żgurat li l-prinċipji tal-Aġenda tal-Konsumatur Ġdida (3) ikunu fil-qalba ta’ dan il-kunċett. Il-KESE jemmen li s-soċjetà ċivili organizzata u l-imsieħba soċjali jistgħu jaqdu rwol pożittiv fil-proċess, primarjament billi jgħinu liċ-ċittadini jiddefendu d-drittijiet tagħhom, iżda wkoll billi joħolqu atmosfera tajba li fiha l-kumpaniji jkunu jistgħu jikkompetu u joħolqu servizzi aħjar u aktar ċari għall-konsumaturi. |
|
3.5 |
Il-mekkaniżmi tal-intelliġenza artifiċjali huma essenzjali għal din il-proposta. Dawn jistgħu jiffaċilitaw l-operazzjonijiet tal-konsumatur billi jiffaċilitaw il-proċessi u r-rekwiżiti assoċjati, speċjalment għaċ-ċittadini li huma inqas ippreparati jew “diġitalizzati”. Il-KESE jappella għall-kjarifika dwar dawn l-għodod u l-użu tagħhom sabiex il-proċess ta’ implimentazzjoni futur ikun aktar ta’ suċċess. |
|
3.6 |
Il-KESE jirrakkomanda li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni f’dan il-qasam sabiex kull attur (kumpanija) ikun jista’ jipprovdi servizz affidabbli liċ-ċittadini. Għalhekk huwa essenzjali li jsir investiment fit-trasparenza u fl-għoti ta’ messaġġi ċari sabiex tiġi evitata kompetizzjoni inġusta minn barra l-Ewropa, li għandha r-riskju li timmina l-impatt pożittiv previst f’din il-proposta għal Direttiva. |
4. Impatt fuq il-konsumaturi u l-intrapriżi: operazzjonijiet online u offline
|
4.1 |
Id-diġitalizzazzjoni hija meħtieġa sabiex tingħata spinta lill-kompetittività u tiġi ffaċilitata l-ħajja tan-nies. Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġi żgurat li kulħadd ikollu l-kundizzjonijiet tajba li fihom jopera, bl-istess livell ta’ għarfien. Madankollu, ir-realtà hija ’l bogħod ħafna minn dan. |
|
4.2 |
Il-KESE jappella għal “diġitalizzazzjoni intelliġenti”, fejn it-teknoloġija qiegħda hemm biex taqdi liċ-ċittadini, tiffaċilita l-komunikazzjoni, u tagħti spinta lill-benesseri tan-nies. Madankollu, id-diġitalizzazzjoni fiha nnifisha mhijiex is-soluzzjoni għall-problemi kollha, u għaldaqstant trid tiġi allinjata ma’ prijoritajiet oħra. Il-livell ta’ għarfien tan-nies dwar l-użu tat-teknoloġija għadu irregolari ħafna madwar l-UE, u l-investimenti għandhom isiru b’kunsiderazzjoni ta’ dan. Fl-aħħar nett, il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni li, filwaqt li l-użu tat-teknoloġija huwa importanti, hekk ukoll huwa d-dritt għall-iskonnessjoni u dan għandu jitqies fil-proċess tat-tfassil tal-politika. |
|
4.3 |
Il-kumpaniji finanzjarji għandhom jiżguraw li l-bidliet kollha huma perċepiti sew mis-suq. Il-Komunikazzjoni hija għalhekk essenzjali sabiex jinkisbu r-riżultati u jitmexxa l-proċess ta’ trasformazzjoni. |
|
4.4 |
Il-KESE huwa bla dubju favur it-teknoloġija u l-innovazzjoni li tista’ tipprovdi esperjenza aħjar tal-konsumatur u tiffaċilita l-ħajja taċ-ċittadini. L-evoluzzjoni tal-imġiba tal-konsumatur hija opportunità għal bidla pożittiva u toffri opportunità biex tingħata spinta lill-operazzjonijiet aktar reżiljenti u sostenibbli fil-qasam tal-kuntratti finanzjarji konklużi mill-bogħod. Fil-fehma tal-KESE, ir-regoli li jirregolaw il-pubbliċità jridu jkunu ċari u armonizzati ma’ operazzjonijiet relatati oħra li jista’ jkollhom impatt fuq il-konsumaturi. Id-drittijiet u l-obbligi tal-konsumatur iridu jiġu ggarantiti. |
|
4.5 |
Il-KESE jemmen li din il-proposta hija konformi mal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali. B’hekk hija konfromi mal-prinċipju tal-proporzjonalità fir-rigward tas-sanzjonijiet imposti fuq il-kumpaniji u l-konsumaturi f’dan il-qasam. Il-KESE jqis li dan huwa punt pożittiv ħafna li għandu jiġi enfasizzat. Il-KESE jqis li huwa prinċipju fundamentali li s-severità tas-sanzjonijiet għandha tirrifletti s-severità tar-reat, f’dan il-każ il-ksur tal-protezzjoni tal-konsumatur kif definit fil-proposta għal Direttiva. |
|
4.6 |
Fil-fehma tal-KESE, hija ta’ importanza kbira l-ħtieġa li jiġi żgurat approċċ bilanċjat fir-rigward tad-dritt li jintalab appoġġ uman fir-rigward ta’ kuntratti finanzjarji konklużi mill-bogħod. Għad hemm parti kbira mill-popolazzjoni li teħtieġ dan it-tip ta’ appoġġ, u l-banek u l-istituzzjonijiet jeħtiġilhom ikunu konxji ta’ dawn il-limitazzjonijiet. Dan irid jiġi indirizzat meta l-istituzzjonijiet jieħdu deċiżjonijiet dwar l-investiment u ż-żamma ta’ ċerti servizzi “fiżiċi”. |
|
4.7 |
Il-KESE jemmen li mhux biss il-banek iżda l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha jeħtiġilhom jinvestu f’sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ sabiex jappoġġjaw lill-impjegati tagħhom fl-għoti ta’ appoġġ lill-klijenti. Is-servizzi finanzjarji mill-bogħod huma importanti ħafna, iżda wkoll ir-riżorsi umani li jipprovdu appoġġ f’dan il-qasam. L-impjegati għandu jkollhom il-ħiliet u t-taħriġ fil-livell adegwat sabiex jiggwidaw lill-klijenti. Fl-aħħar nett, anke meta l-intelliġenza artifiċjali tintuża biex tappoġġja s-servizzi, hemm bżonn ta’ “kuntatt uman” sabiex ikun hemm interazzjoni mal-klijenti b’mod aktar effettiv. |
5. Valutazzjoni tal-impatt — ir-rwol tas-soċjetà ċivili
|
5.1 |
Il-KESE għal darb’ oħra jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri dwar l-opportunità li jinvolvu lill-imsieħba soċjali u lis-soċjetà ċivili organizzata fil-proċess ta’ komunikazzjoni dwar din id-Direttiva u l-implimentazzjoni tagħha. Dan mhux biss minħabba l-għarfien tagħhom, iżda b’mod partikolari l-preżenza tagħhom “fuq il-post”, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jgħinu biex tiġi żgurata komunikazzjoni tajba, pereżempju sabiex jintlaħqu partijiet fundamentali tas-soċjetà li jgħixu f’żoni rurali jew li jkollhom diffikultà biex jaċċessaw kanali ta’ informazzjoni tal-massa. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma rappreżentati fil-KESE jistgħu jappoġġjaw l-implimentazzjoni korretta tal-proposta sabiex jinkisbu riżultati aħjar u tingħata spinta lill-involviment taċ-ċittadini fil-proċess. |
6. Is-servizzi finanzjarji u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza — it-triq ’il quddiem
|
6.1 |
Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza hija l-pilastru ewlieni tal-pjan ta’ rkupru Ewropew, in-Next Generation EU, imfassla biex tipprovdi għajnuna finanzjarja lill-Istati Membri sabiex jiġu miġġielda l-effetti ekonomiċi u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19, u l-ekonomija Ewropea ssir aktar reżistenti għal xokkijiet futuri. Il-KESE jemmen ukoll li, fir-rigward tat-titjib tas-sistema, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu xieraq minn dan il-mekkaniżmu sabiex jiffaċilitaw il-ħajja tan-nies f’dan il-qasam. |
|
6.2 |
Il-ħtieġa li jsir investiment fil-litteriżmu diġitali u finanzjarju sabiex tingħata spinta lill-edukazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur hija ta’ importanza kbira. L-iżvilupp tal-kapaċitajiet diġitali u finanzjarji tal-konsumaturi huwa essenzjali sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Aġenda Diġitali, inkluż l-iżvilupp ta’ suq bi prestazzjoni tajba u ż-żieda fil-protezzjoni tal-konsumatur. Il-KESE jifhem il-valur tal-protezzjoni tad-data u jappoġġja d-dritt tal-konsumaturi għal garanzija sħiħa ta’ din il-protezzjoni. Il-KESE huwa konvint li żvilupp ibbilanċjat tal-kummerċjalizzazzjoni mill-bogħod ta’ prodotti finanzjarji jista’ jirnexxi biss jekk l-Istati Membri jippermettu biżżejjed riżorsi biex jindirizzaw dawn l-isfidi u jippromovu l-fiduċja fil-kummerċ online fis-servizzi finanzjarji, u jekk ikejlu l-progress f’dan il-qasam u jirrapportaw lill-Kummissjoni, li se tivvaluta l-eżitu u tirrakkomanda l-aħjar prattiki. |
Brussell, il-21 ta’ Settembru 2022.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) ĠU C 286, 16.7.2021, p. 45.