This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 12016M/PRO/28
Consolidated version of the Treaty on European Union#PROTOCOL (No 28) ON ECONOMIC, SOCIAL AND TERRITORIAL COHESION
Verzjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea
PROTOKOLL (Nru 28) DWAR IL- KOEŻJONI EKONOMIKA, SOĊJALI U TERRITORJALI
Verzjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea
PROTOKOLL (Nru 28) DWAR IL- KOEŻJONI EKONOMIKA, SOĊJALI U TERRITORJALI
ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 309–310
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/teu_2016/pro_28/oj
|
|
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea |
C 202/309 |
PROTOKOLL (Nru 28)
DWAR IL- KOEŻJONI EKONOMIKA, SOĊJALI U TERRITORJALI
IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,
FILWAQT LI JFAKKRU li l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jsemmi, fost objettivi oħra, il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri, u li din il-koeżjoni tidher fost l-oqsma ta' kompetenza kondiviża ta' l-Unjoni elenkati fl-Artikolu 4(2)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea,
FILWAQT LI JFAKKRU li d-dispożizzjonijiet tat-Tielet Parti, Titolu XVIII fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali meħuda flimkien jipprovdu l-bażi ġuridika għall-konsolidizzazjoni u l-iżvilupp ulterjuri ta' l-azzjoni ta' l-Unjoni fil-qasam tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, inkluż il-ħolqien ta’ fond ġdid,
FILWAQT LI JFAKKRU li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 177 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jipprovdu għall-ħolqien ta' Fond ta' Koeżjoni,
FILWAQT LI JINNOTAW li l-Bank ta' l-Investiment Ewropew qiegħed jislef ammonti kbar u li dejjem qed jiżdiedu, għall-ġid ta' l-ifqar reġjuni,
FILWAQT LI JINNOTAW ix-xewqa għal aktar flessibbiltà fl-arranġamenti għall-allokazjonijiet mill-Fondi Strutturali,
FILWAQT LI JINNOTAW ix-xewqa għall-modulazzjoni tal-livelli ta’ parteċipazzjoni ta' l-Unjoni fi programmi u proġetti f’ċerti pajjiżi,
FILWAQT LI JINNOTAW il-proposta li tingħata aktar konsiderazzjoni lill-prosperità relattiva ta' l-Istati Membri fis-sistema tar-riżorsi proprji,
JIRRIJAFFERMAW li l-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali hija vitali għall-iżvilupp komplet u s-suċċess li jibqa' fit-tul ta' l-Unjoni,
JIRRIJAFFERMAW l-konvinzjoni tagħhom li l-Fondi Strutturali għandhom ikomplu jkollhom parti konsiderevoli sabiex jinkisbu l-għanijiet ta' l-Unjoni fil-qasam tal-koeżjoni,
JIRRIJAFFERMAW il-konvinzjoni tagħhom li il-Bank ta' l-Investiment Ewropew jrid ikompli jiddedika l-maġġoranza tar-riżorsi tiegħu għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u jiddikjaraw ruħhom disposti li jirrivedu il-bżonnijiet kapitali tal-Bank ta' l-Investiment Ewropew malli dan ikun neċessarju għal dak l-għan,
JAQBLU li l-Fond ta’ Koeżjoni għandu jipprovdi kontribuzzjonijiet finanzjarji ta' l-Unjoni għal proġetti fil-qasam tal-ambjent u n-networks transewropej fl-Istati Membri b’PGN per capita ta’ anqas minn 90 % tal-medja ta' l-Unjoni u li għandhom programm li jwassal għat-twettiq tal-kondizzjonijiet ta’ konverġenza ekonomika skond l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Europea,
JIDDIKJARAW l-intenzjoni tagħhom li jħallu marġni ta’ flessibbiltà akbar fl-allokazjoni ta’ fondi mill-Fondi Strutturali sabiex jiġu applikati għall-bżonnijiet speċifici mhux kontemplati taħt ir-regolomenti tal-Fondi Strutturali viġenti,
JIDDIKJARAW li huma disposti li jimmodulaw il-livelli ta’ parteċipazzjoni ta' l-Unjoni fil-kuntest ta’ programmi u proġetti tal-Fondi Strutturali, bil-ħsieb li jevitaw żidiet eċċessivi fin-nefqa ta' l-estimi fl-Istati Membri l-anqas sinjuri,
JIRRIKONOXXU l-bżonn li jiġi segwit regolarment il-progress fit-twettiq tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u jiddikjaraw id-disponibbiltà tagħhom li jeżaminaw il-miżuri kollha neċessarji f’dan ir-rigward,
JIDDIKJARAW l-intenzjoni tagħhom li jagħtu aktar każ tal-kapaċità kontributtiva ta' l-Istati Membri individwali fis-sistema tar-riżorsi proprji u li jeżaminaw mezzi sabiex jikkoreġu, għall-Istati Membri l-inqas sinjuri, l-elementi regressivi li jeżistu fis-sistema preżenti tar-riżorsi proprji,
JAQBLU li jannettu dan il Protokoll mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.