Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22020D2249

Deċiżjoni Nru 5/2020 tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tas-17 ta’ Diċembru 2020 li tiddetermina l-livell inizjali ta’ appoġġ annwali globali massimu eżentat u l-perċentwal minimu inizjali msemmija fl-Artikolu 10(2) tal-Protokoll dwar l-Irlanda / l-Irlanda ta’ Fuq għall-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika [2020/2249]

PUB/2020/1042

ĠU L 443, 30.12.2020, p. 13–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/2249/oj

30.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 443/13


DEĊIŻJONI Nru 5/2020 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT BIL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA

tas-17 ta’ Diċembru 2020

li tiddetermina l-livell inizjali ta’ appoġġ annwali globali massimu eżentat u l-perċentwal minimu inizjali msemmija fl-Artikolu 10(2) tal-Protokoll dwar l-Irlanda / l-Irlanda ta’ Fuq għall-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika [2020/2249]

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-Irlanda / l-Irlanda ta’ Fuq anness mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 10(2) tiegħu,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Livell ta’ appoġġ annwali globali għal prodotti agrikoli minbarra prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura

1.   Il-livell inizjali ta’ appoġġ annwali globali massimu eżentat imsemmi fl-Artikolu 10(2) tal-Protokoll dwar l-Irlanda / l-Irlanda ta’ Fuq għall-prodotti agrikoli għajr il-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura għandu jkun ta’ GBP 382,2 miljun (1).

2.   Ir-Renju Unit jista’ jżid il-livell ta’ appoġġ annwali globali massimu msemmi fil-paragrafu 1, sa ammont addizzjonali ta’ GBP 25,03 miljun f’sena partikolari bil-parti tal-ammont tal-livell ta’ appoġġ annwali globali massimu eżentat li ma jkunx intefaq fis-sena kalendarja preċedenti.

3.   Il-livell ta’ appoġġ annwali globali massimu eżentat imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiżdied b’ammont ta’ GBP 6,8 miljun għal sena partikolari:

(a)

jekk matul dik is-sena l-Unjoni Ewropea tkun ħadet miżuri, li jkopru lir-Repubblika tal-Irlanda, skont il-Parti II, it-Titolu I, il-Kapitolu I jew l-Artikoli 219, 220 jew 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (2); jew

(b)

minħabba:

(i)

marda tal-annimali,

(ii)

avveniment jew ċirkostanza li jfixklu jew jheddu b’mod sinifikanti li jfixklu s-suq, fejn din is-sitwazzjoni, jew l-effetti ta’ din is-sitwazzjoni fuq is-suq, x’aktarx li tkompli jew tiddeterjora;

(iii)

sitwazzjoni ta’ tfixkil serju fis-swieq attribwit direttament għal telf ta’ fiduċja tal-konsumaturi minħabba riskji ta’ saħħa u mard għall-pubbliku, l-annimali jew il-pjanti; jew

(iv)

diżastru naturali, li jaffettwa t-territorju tal-Irlanda ta’ Fuq u li ma jaffettwax bl-istess mod il-gżira kollha tal-Irlanda.

Il-punt (b) japplika biss jekk ir-Renju Unit ikun informa lill-Unjoni Ewropea mill-inqas għaxart jum qabel ma juża ż-żieda fil-livell annwali globali ta’ appoġġ.

Artikolu 2

Livell ta’ appoġġ annwali globali għall-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura

1.   Il-livell inizjali ta’ appoġġ globali massimu eżentat imsemmi fl-Artikolu 10(2) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura għandu jkun ta’ GBP 16,93 miljun matul l-ewwel ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni kif ukoll matul kull perjodu sussegwenti ta’ ħames snin. Madankollu, il-livell ta’ appoġġ annwali globali eżentat għal dawn il-prodotti ma jridx jaqbeż l-GBP 4,01 miljun fi kwalunkwe sena partikolari.

2.   L-operazzjonijiet li ġejjin ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-finanzjament mill-ammonti msemmija fil-paragrafu 1:

(a)

operazzjonijiet li jżidu l-kapaċità tas-sajd ta’ bastiment jew tagħmir li jżid il-kapaċità tal-bastiment biex isib il-ħut;

(b)

il-kostruzzjoni ta’ bastimenti tas-sajd ġodda jew l-importazzjoni ta’ bastimenti tas-sajd;

(c)

waqfien permanenti mill-attivitajiet tas-sajd;

(d)

il-waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd, sakemm mhux relatat ma’ xi wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

miżuri ta’ emerġenza introdotti mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, jew mir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, għal perjodu massimu ta’ sitt xhur, biex tittaffa theddida serja għar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jew għall-ekosistema tal-baħar;

(ii)

in-nuqqas ta’ tiġdid ta’ ftehim internazzjonali dwar is-sajd jew protokolli tiegħu;

(iii)

pjan ta’ ġestjoni tas-sajd ippubblikat skont il-leġiżlazzjoni fir-Renju Unit, jew fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, li jistabbilixxi politiki mfassla biex jirrestawraw stokk wieħed jew aktar ta’ ħut għal livelli sostenibbli, jew biex dawn l-istokkijiet jinżammu f’livelli sostenibbli;

(iv)

miżuri ta’ emerġenza introdotti mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, jew mir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, b’reazzjoni għal saħħa pubblika jew emerġenza oħra li jkollha impatt serju fuq is-setturi tas-sajd jew tal-akkwakultura;

(e)

sajd esploratorju;

(f)

it-trasferiment tas-sjieda ta’ negozju; kif ukoll

(g)

stokkjar mill-ġdid dirett, sakemm mhux previst f’miżuri mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, jew ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, għall-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut jew l-ekosistema tal-baħar, jew fil-każ ta’ stokkjar mill-ġdid sperimentali.

L-eċċezzjonijiet previsti fil-punt (d) huma soġġetti għall-kundizzjoni li l-attivitajiet tas-sajd imwettqa mill-bastiment tas-sajd jew mis-sajjied ikkonċernat jiġu sospiżi b’mod effettiv u li l-finanzjament jingħata għal perjodu massimu ta’ sitt xhur għal kull bastiment.

Artikolu 3

Perċentwal minimu

Il-perċentwal minimu inizjali msemmi fl-Artikolu 10(2) tal-Protokoll għandu jkun ta’ 83 % u għandu japplika għall-ammonti tal-livell annwali globali ta’ appoġġ eżentat imsemmi fl-Artikolu 1.

Artikolu 4

Rieżami

Il-Kumitat Konġunt għandu jirrevedi regolarment din id-Deċiżjoni u l-implimentazzjoni tagħha.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kumitat Konġunt

Il-Kopresidenti

Maroš ŠEFČOVIČ

Michael GOVE


(1)  Għall-fini tal-kalkoli u l-ammonti kollha, stabbiliti f’GBP f’din id-Deċiżjoni, f’EUR, għandha tintuża r-rata tal-kambju tal-Pagamenti Diretti tal-2019 (EUR 1 = £0.89092).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).


Top