Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R1353

1353/2004/KE: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1353/2004 tas- 26 ta’ Lulju 2004 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 131/2004 dwar ċerti miżuri restrettivi dwar is-Sudan

ĠU L 251, 27.7.2004, pp. 1–2 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 352M, 31.12.2008, pp. 7–8 (MT)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 10/07/2014; Imħassar b' 32014R0747

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/1353/oj

31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

7


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1353/2004

tas-26 ta’ Lulju 2004

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 131/2004 dwar ċerti miżuri restrettivi dwar is-Sudan

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 60 u 301 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2004/510/PESK ta' l-10 ta' Ġunju 2004 li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2004/31/PESK dwar l-imposizzjoni ta' embargo fuq l-armi, il-munizzjoni u t-tagħmir militari fuq is-Sudan (1),

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2004/31/PESK (2) tipprovdi għal embargo fuq l-armi, il-munizzjoni u t-tagħmir militari fuq is-Sudan, inkluża projbizzjoni fuq il-fornitura ta' assistenza teknika u finanzjarja relatata ma' l-attivitajiet militari fis-Sudan. Il-projbizzjoni fuq il-fornitura ta' assistenza teknika u finanzjarja relatata ma' l-attivitajiet militari hija implimentata fuq livell Komunitarju bir-Regolament (KE) Nru 131/2004 dwar ċerti miżuri restrettivi dwar is-Sudan (3).

(2)

Fid-dawl ta' żviluppi reċenti fis-Sudan u fir-reġjun, inkluż l-iffirmar fit-8 ta' April 2004 ta' Ftehim Umanitarju ta' Waqfien mill-Ġlied għall-Kunflitt fid-Darfur, u fid-dawl ta' l-iskjerament ippjanat ta' Kummissjoni għall-Waqfien mill-Ġlied immexxija mill-Unjoni Afrikana fis-Sudan, il-Pożizzjoni Komuni 2004/31/PESK ġiet emendata bil-Pożizzjoni Komuni 2004/510/PESK fl-10 ta' Ġunju 2004 billi ġiet ipprovduta eżenzjoni addizzjonali għall-embargo għal operazzjonijiet ta' ġestjoni ta' kriżijiet ta' l-Unjoni Afrikana.

(3)

Dik l-eżenzjoni tapplika wkoll għall-embargo fuq ċerta assistenza finanzjarja u teknika. Ir-Regolament (KE) Nru 131/2004 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li l-eżenzjoni ssir effettiva malajr kemm jista' jkun, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament u japplika mid-data li fiha ġiet adottata l-Pożizzjoni Komuni 2004/510/PESK,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 131/2004 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

1.   Bħala deroga mill-Artikoli 2 u 3, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri kif imniżżel fl-Anness, jistgħu jawtorizzaw il-fornitura ta' finanzjar u assistenza finanzjarja u assistenza teknika fir-rigward ta':

(a)

tagħmir militari mhux letali maħsub biss għall-użu umanitarju jew protettiv, jew għall-programmi tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Afrikana, l-Unjoni Ewropea u l-Komunità għall-bini ta' istituzzjonijiet;

(b)

materjal maħsub għal operazzjonijiet ta' ġestjoni ta' kriżijiet ta' l-Unjoni Ewropea u n- Nazzjonijiet Uniti;

(ċ)

tagħmir għat-tneħħija tal-mini u materjal għall-użu fit-tneħħija tal-mini;

(d)

Operazzjonijiet ta' l-Unjoni Afrikana għall-ġestjoni ta' kriżijiet, inkluż materjal maħsub għal tali operazzjonijiet.

2.   L-ebda awtorizzazzjoni m'għandha tingħata għal attivitajiet li diġà seħħew.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-10 ta' Ġunju 2004.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Maghmul fi Brussell, 26 ta’ Lulju 2004.

Ghall-Kunsill

Il-President

B. BOT


(1)  ĠU L 209, 11.6.2004, p. 28.

(2)  ĠU L 6, 10.1.2004, p. 55. Pożizzjoni Komuni kif emendata l-aħħar bil-Pożizzjoni Komuni 2004/510/PESK (ĠU L 209, 11.6.2004, p. 28).

(3)  ĠU L 21, 28.1.2004, p. 1.


Top