Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022H0561

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/561 tas-6 ta’ April 2022 dwar il-monitoraġġ tal-preżenza tal-glikoalkalojdi fil-patata u fil-prodotti derivati mill-patata

C/2022/2080

ĠU L 108, 7.4.2022, pp. 66–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2022/561/oj

7.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 108/66


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/561

tas-6 ta’ April 2022

dwar il-monitoraġġ tal-preżenza tal-glikoalkalojdi fil-patata u fil-prodotti derivati mill-patata

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Bord tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar il-Kontaminanti fil-Katina Alimentari (CONTAM) adotta valutazzjoni tar-riskju fl-2020 dwar il-glikoalkalojdi fl-għalf u fl-ikel, b’mod partikolari fil-patata u fil-prodotti derivati mill-patata (1).

(2)

Fil-bnedmin, l-effetti tossiċi akuti tal-glikoalkalojdi tal-patata (α-solanina u α-kakonina) jinkludu sintomi gastrointestinali bħal nawżja, rimettar u dijarea. Għal dawn l-effetti, il-Bord CONTAM identifika l-inqas livell ta’ effett avvers osservat (LOAEL) ta’ 1 mg ta’ glikoalkalojdi tal-patata totali/kg ta’ piż tal-ġisem (bw) kuljum bħala punt ta’ referenza għall-karatterizzazzjoni tar-riskju wara esponiment akut. Marġni ta’ espożizzjoni (MOE) ogħla minn 10 jindika li ma hemm l-ebda tħassib għas-saħħa. Dan il-MOE ta’ 10 iqis l-estrapolazzjoni minn LOAEL għal ebda effett avvers osservat (NOAEL) (fattur ta’ 3) u l-varjabbiltà interindividwali fit-tossikodinamika (fattur ta’ 3.2). Minħabba li l-istimi tal-esponiment akut f’ċerti xenarji ta’ esponiment irriżultaw f’MOE aktar baxx minn 10, dan jindika tħassib għas-saħħa.

(3)

Il-Bord CONTAM irrakkomanda li għandha tinġabar aktar data ta’ okkorrenza dwar il-glikoalkalojdi u l-aglikoni tagħhom fil-varjetajiet tal-patata disponibbli fis-suq, f’varjetajiet ġodda ta’ patata li jirriżultaw minn esperimenti ta’ tnissil u fi prodotti pproċessati tal-patata, inkluż ikel għat-trabi.

(4)

Prattiki agrikoli tajbin, kundizzjonijiet tajba ta’ ħżin u trasport u prattiki tajba ta’ manifattura jistgħu jnaqqsu l-preżenza tal-glikoalkalojdi fil-patata u fil-prodotti tal-patata pproċessati. Madankollu, trid tinġabar aktar informazzjoni dwar il-fatturi li jwasslu għal livelli relattivament għoljin ta’ glikoalkalojdi fil-patata u fil-prodotti tal-patata pproċessati sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-miżuri li għandhom jittieħdu biex tiġi evitata jew imnaqqsa l-preżenza tal-glikoalkalojdi f’dawn l-oġġetti tal-ikel. Huwa xieraq, jekk possibbli, li jiġu analizzati b’mod partikolari fil-prodotti tal-patata pproċessati wkoll il-prodotti ta’ degradazzjoni β- u γ- solanina u kakonina u l-aglikon solanidina, minħabba li dawn il-komposti għandhom l-istess tossiċità bħal α-solanina u α-kakonina.

(5)

Ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-glikoalkalojdi jridu jkunu affidabbli u komparabbli. Huwa għalhekk xieraq li jiġu pprovduti struzzjonijiet dwar l-estrazzjoni tagħhom kif ukoll rekwiżiti għall-analiżi tagħhom. Peress li l-preżenza tal-glikoalkalojdi hija ogħla fil-patata mhux imqaxxra milli fil-patata mqaxxra, u ogħla fil-patata żgħira milli fil-patata akbar, huwa importanti li tiġi pprovduta informazzjoni dwar dawn il-fatturi meta tiġi rrappurtata d-data tal-okkorrenza.

(6)

Biex jingħata parir dwar meta jkun xieraq li jiġu identifikati l-fatturi li jwasslu għal livelli relattivament għoljin ta’ glikoalkalojdi, huwa xieraq li jiġi stabbilit valur indikattiv għall-patata. Huwa wkoll xieraq li tinkiseb aktar informazzjoni dwar l-effetti tal-ipproċessar fuq il-livell ta’ glikoalkalojdi.

(7)

Huwa għalhekk xieraq li jiġi rakkomandat il-monitoraġġ tal-glikoalkalojdi fil-prodotti tal-patata u fil-patata u l-identifikazzjoni tal-fatturi li jirriżultaw fil-livelli għoljin tagħhom, u li tinġabar aktar informazzjoni dwar l-effetti tal-ipproċessar fuq il-livell tal-glikoalkalojdi.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

(1)

L-Istati Membri bl-involviment attiv tal-operaturi tan-negozji tal-ikel għandhom jimmonitorjaw il-glikoalkalojdi α-solanina u α-kakonina fil-patata u fil-prodotti tal-patata. Jekk ikun possibbli, il-prodotti ta’ degradazzjoni β- u γ- solanina u kakonina u l-aglikon solanidina għandhom jiġu analizzati wkoll, b’mod partikolari fi prodotti tal-patata pproċessati.

(2)

Sabiex tiġi evitata d-degradazzjoni enżimatika tal-α-kakonina b’mod partikolari meta tiġi analizzata l-patata nejja (mhux imqaxxra/imqaxxra), soluzzjoni ta’ 1 % aċidu formiku fil-metanol għandha tiżdied mal-patata fi proporzjon ta’ 1:2 (volum:piż) meta jitħalltu u jiġu omoġenizzati qabel l-estrazzjoni u t-tindif. Il-metodi ta’ analiżi rakkomandati huma kromatografija likwida b’detezzjoni ta’ fotodiode-array ultravjola (LC-UV-DAD) jew spettrometrija ta’ massa ta’ kromatografija likwida (LC-MS). Metodi oħra ta’ analiżi jistgħu jiġu applikati sakemm tkun disponibbli evidenza li turi li jiġġeneraw riżultati affidabbli għall-glikoalkalojdi individwali. Il-limitu ta’ kwantifikazzjoni (LOQ) għad-determinazzjoni ta’ kull glikoalkalojd preferibbilment għandu jkun ta’ madwar 1 mg/kg u ma għandux ikun ogħla minn 5 mg/kg.

(3)

L-Istati Membri, bl-involviment attiv tal-operaturi tan-negozji tal-ikel, jenħtieġ li jwettqu investigazzjonijiet biex jidentifikaw il-fatturi li jwasslu għal livelli ogħla mil-livell indikattiv ta’ 100 mg/kg bħala s-somma ta’ α-solanina u α-kakonina fil-patata u fil-prodotti tal-patata pproċessata.

(4)

L-Istati Membri u l-operaturi tan-negozji tal-ikel għandhom jipprovdu lill-EFSA, sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, id-data għas-sena ta’ qabel għall-kompilazzjoni f’bażi tad-data waħda f’konformità mar-rekwiżiti tal-Gwida tal-EFSA dwar id-Deskrizzjoni Standard tal-Kampjuni (SSD) għall-Ikel u l-Għalf u r-rekwiżiti speċifiċi addizzjonali ta’ rappurtar tal-EFSA (2). Huwa importanti li għall-patata u l-prodotti tal-patata pproċessati jiġu rrappurtati l-varjetà u d-daqs tal-patata (il-piż medju tal-patata, b’mod partikolari għall-patata mhux imqaxxra), il-patata bikrija jew il-patata maħżuna (jiġifieri matura u/jew maħżuna fuq perjodu itwal ta’ żmien), il-post fejn ittieħdu l-kampjuni (il-produttur, il-bejgħ bl-ingrossa, il-bejgħ bl-imnut) u jekk il-patata tqaxxritx jew le (3).

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ April 2022.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Il-Bord CONTAM tal-EFSA (Il-Bord dwar il-Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel tal-EFSA), 2020. Opinjoni Xjentifika — Valutazzjoni tar-riskju tal-glikoalkalojdi fl-għalf u fl-ikel, b’mod partikolari fil-patata u fil-prodotti derivati mill-patata. EFSA Journal 2020;18(8):6222, 190 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2020.6222

(2)  https://www.efsa.europa.eu/en/call/call-continuous-collection-chemical-contaminants-occurrence-data-0

(3)  It-testijiet fuq l-effett tat-tqaxxir tal-kontenut tal-glikoalkalojdi għandhom isiru b’qaxxara (tal-patata).


Top