This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009XC0331(05)
Publication of an application pursuant to Article 6(2) of Council Regulation (EC) No 510/2006 on the protection of geographical indications and designations of origin for agricultural products and foodstuffs
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u tal-ikel
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u tal-ikel
ĠU C 75, 31.3.2009, pp. 37–40
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
31.3.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 75/37 |
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u tal-ikel
(2009/C 75/14)
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjoni ta' oġġezzjoni għandha tasal għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.
DOKUMENT UNIKU
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) NRU 510/2006
“RISO DEL DELTA DEL PO”
Nru tal-KE: IT-PGI-0005-0712-15.07.2008
IĠP ( X ) DPO ( )
1. Isem
“Riso del Delta del Po”
2. L-Istat Membru jew il-pajjiż terz
L-Italja
3. Id-deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-ikel
3.1. It-tip tal-prodott [l-Anness II]
Kategorija 1.6 Frott, ħaxix u ċereali friski u pproċessati — Ross
3.2. Id-deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem ta' (1)
L-indikazzjoni “Riso del Delta del Po” tindika eskussivament il-prodotti tar-ross li jagħmlu parti mit-tip “Japonica”, li jkun ġej mill-varjetà Carnaroli, Volano, Baldo u Arborio.
Ir-Riso del Delta del Po jippreżenta rossa kbira, kristallina, kumpatta, b'kontenut għoli ta' proteini u jista' jkun abjad jew tal-qamħa sħiħa.
Il-kapaċità kbira tal-assorbiment, il-ftit li xejn telf ta' lamtu u r-reżistenza waqt it-tisjir, flimkien mal-karatteristiċi organolettiċi ta' togħma u benna partikolari, jagħmlu dan ir-ross wieħed mill-ippreferiti sabiex jagħni l-ifjen risotti.
Biex jinħarġu għall-konsum, il-varjetajiet kollha tar-“Riso del Delta del Po” għandhom ikollhom kontenut ta' proteini ogħla minn 6,60 % tass-sustanza niexfa, filwaqt li r-ross imsajjar irid ikun ta' grad ogħla f'kemm ikun iwaħħal (f'g/ċm) mill-valur li jvarja skont il-varjetatjiet diversi: Baldo > 4.5; Carnaroli > 1,5; Volano > 3,0; Arborio > 3,5.
3.3. Il-materja prima (għall-prodotti proċessati biss)
Mhux applikabbli.
3.4. L-għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)
Mhux applikabbli.
3.5. Il-fażijiet speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata
Fejn jidħlu l-kundizzjonijiet partikolari li jikkaratterizzaw il-kultivazzjoni tar-ross, il-fażi tal-produzzjoni trid isseħħ fiz-zona ġeografika indikata f'punt 4.
Il-varjetà Carnaroli, li għandha bżonn raba' prevalentament taflija, tista' tiġi kkultivata biss f'art b'pH ogħla minn 7,5.
Iż-żrigħ jista' jsir fl-ilma billi titwaqqa' ż-żerriegħa b'mod ħieles jew fin-niexef fir-raba' maħdum li però jrid imbagħad jitgħatta mill-ewwel kollu bl-ilma.
3.6. Ir-regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.
Il-proċess tat-tnixxif irid isir f'magni li jnixxfu mingħajr ma jħallu fdalijiet ta' kombustjoni jew irwejjaħ mhux normali fuq il-ħlief tal-qamħ. Jistgħu jintużaw magni li jnixxfu li jaħdmu b'nar indirett jew dirett iżda dan jista' jsir biss jekk ikunu jaħdmu bil-gass metanu jew LPG.
L-umdità tar-ross li għadu bil-ħliefa u li jkun imnixxef ma jridx ikun ogħla minn 14 %.
It-trasformazzjoni industrijali trid isseħħ fi stabbilimenti u bi proċeduri li jiggarantixxu li r-Riso del Delta del Po jżomm il-karatteristiċi kif indikati f'punt 3.2.
Ir-ross jiġi ppakkjat f'kaxex jew boroż adattati għall-użu alimentari ta' 0,5 % kg, 1 kg, 2 kg, 5 kg u jista' jkun ukoll ippakkjat fil-vakwu jew f'atmosfera kontrollata.
Il-kontenituri jridu jkunu ssiġillati b'mod li ma jħallix li l-kontenut ikun jista' jinħareġ mingħajr ma ssir ħsara viżibbli lill-ippakkjar.
3.7. Ir-regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
Huwa obbligatorju li fuq il-kontenituri jitwaħħal il-logo tad-denominazzjoni li jkollu daqs minimu ta' 40 x 30 mm u b'karattri ta' daqs adekwat (għoli minimu 5 mm) il-kliem “Riso del Delta del Po” segwit minn “Indicazione Geografica Protetta” jew jintuża l-akronimu “I.G.P”.
Fil-pakkett trid tkun indikata l-varjetà (“Arborio”, “Carnaroli”, “Volano”, “Baldo”).
Fuq l-istess pakkett irid ikun jidher ukoll l-isem jew l-isem u l-indirizz tan-negozju tal-imballatur.
Indikazzjonijiet differenti mill-kliem Riso del delta del Po — Indicazione Geografica Protetta, irid ikollhom qisien ta' mhux iktar minn terz ta' dawk li ġew użati għal “Riso del Delta del Po”.
Il-logo uffiċjali tal-prodott “Riso del Delta del Po” hu magħmul minn faxxa ellittika ta' kulur abjad, b'bordura ta' kulur aħdar. Fuq ġewwa ta' din l-istess faxxa fin-nofs tan-naħa ta' fuq hemm miktub “RISO DEL DELTA DEL PO”, u fuq in-naħa t'isfel “INDICAZIONE GEOGRAFICA PROTETTA”, it-tnejn li huma b'ittri kbar ta' kulur aħdar.
Fuq ġewwa ta' din l-istess faxxa, fuq sfond aħdar, fuq il-lemin u x-xellug insibu stampi tipiċi tad-Delta tal-Po (qasab tal-għadajjar u għasafar stilizzati) ta' kulur abjad karti u fin-nofs insibu mara stilizzata b'faxx ross ta' kulur isfar.
4. Definizzjoni Konċiża taż-żona ġeografika
Iż-żona tipika għat-tkabbir tar-“Riso del Delta del Po” testendi fil-kon orjentali estrem tal-pjanura tal-Po fit-Tramuntana bejn ir-reġjuni tal-Veneto u l-Emilia Romagna fit-territorji ffurmati mill-irdim u dak li jkaxkar miegħu il-Po. Iż-żona hija definita mill-Baħar Adrijatiku fil-Lvant, mix-xmara Adige fit-Tramuntana u mill-Kanal navigabbli Ferrara/Porto Garibaldi fin-Nofsinhar.
Ir-Riso del Delta del Po jiġi kkultivat fil-Veneto fil-provinċja ta' Rovigo, fil-muniċipalitajiet ta' Ariano fil-Polesine, f'Porto Viro, f'Taglio di Po, f'Porto Tolle, f'Corbola, f'Papozze, f'Rosolina u f'Loreo.
Fl-Emilia Romagna, fil-provinċja ta' Ferrara, il-produzzjoni għandha x'taqsam mal-muniċipalitajiet ta' Comacchio u Goro. Codigoro, Lagosanto, Massa Fiscaglia, Migliaro, Migliarino, Ostellato, Mesola, Jolanda di Savoia u Berra.
5. Ir-rabta maż-żona ġeografika
5.1. L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika
Fatturi Ambjentali
Il-karatteristiċi ta' dawn l-artijiet, il-klima moderata u l-qrubija tal-baħar, huma l-fatturi prinċipali li jikkundizzjonaw u jikkaratterizzaw il-produzjoni f'dan it-territorju tar-Riso del Delta del Po Fil-fatt, f'din iz-zona r-ross isib il-ħamrija ideali u huwa l-uniku kultivazzjoni possibli f'raba' li hu nofsu mgħarraq fl-ilma b'mod permanenti.
Ir-raba' mgħarraq tad-Delta tal-Po li ġej mis-sedimenti terminali mill-mixja tax-xmara, huwa partikolarment fertili u mimli minerali, speċjalment bil-potassju, tant li ma hemmx għalfejn li jintefgħu fertilizzanti tal-potassju.
Barra minn hekk l-art, għalkemm b'nisġiet differenti, huwa kkaratterizzat minn imluħa għolja (E.C. iktar minn 1 mS/ċm), minħabba li pjan huwa għoli ħafna.
Il-pożizzjoni partikolari ġeografika, qrib il-baħar, tiddetermina wkoll mikro-ambjent partikolarment favorevoli għar-ross minħabba l-preżenza ta' żiffiet kontinwi u konsegwenza ta' hekk, ta' umdita' relattivament baxxa; b'varjazzjonijiet kontenuti fit-temperatura kemm fix-xitwa fejn rarament niżlet taħt iz-0 °C, kif ukoll fis-sajf fejn fl-aħħar tletin sena, qatt ma telgħet iktar minn 32 °C; B'ammont ta' xita li ġeneralment tkun mifruxa sew matul ix-xhur tas-sena u li ma tilħaqx is-700 mm fis-sena. Dawn il-kundizzjonijiet partikolari ta' klima inaqqsu l-proliferazzjoni tal-faqqiegħ patoġenu u għalhekk ma hemmx bżonn ta' trattamenti fungiċidi.
Fatturi storiċi u umani
Ftit għexieren ta' snin wara li r-ross beda jinxtered fil-pjanura tal-Po fit-Tramuntana (1450), bdew jidhru l-ewwel dokumentazzjonijiet fuq il-preżenza ta' dawn il-kultivazzjonijiet f'Polesine, partikolarment fit-territorju tad-Delta tal-Po: fil-fatt din il-kultivazzjoni kienet strettament marbuta mal-ixxuttar tal-art, fis-sens li b'hekk dan ir-raba' mielaħ seta' jerġa' jintuża iktar malajr biex imbagħad issir in-newba, kif insibu miktub f'liġi tar-Repubblica Veneta fl-1594. Lejn l-aħħar tas-seklu 18, bis-saħħa talħidma ta' xi aristokratiċi Venezjani, bdiet il-kultivjazzoni sistematika tar-ross fuq territorji li kienu għaddew mill-proċess tal-ixxuttar tal-artijiet mistgħadra.
Illum il-ġurnata, ir-Riso del delta del Po huwa mifrux fuq, bejn wieħed u ieħor, 9 000 ettaru ta' għelieqi tar-ross. L-influwenza ta' din il-kultivazzjoni insibuha fil-kultura lokali u fl-iżvilupp soċjali taz-zona; għal numru ta' snin ir-ross ilu jiġi ppakkettat u mibjugħ minn bosta imprizi b l-isem ta' “Riso del Delta del Po” u bis-saħħa tal-karatteristiċi organolettiċi partikulari tiegħu li jiddistingwu dan ir-ross minn prodotti oħra ta' ross mill-Italja, huwa magħruf u apprezzat mill-konsumaturi ta' l-Italja kollha. Ir-reputazzjoni tiegħu hija fl-aħħarnett ukoll marbuta mal-fieri u l-festi tradizzjonali li jsiru kull sena fuq dan it-territorju, bħal famużi Ġranet tar-riso del Delta del Po li jsiru f'Jolanda ta' Savoia (FE) u il-Fiera ta' Porto Tolle.
5.2. L-ispeċifiċità tal-prodott
Ir-Riso del Delta del Po huwa partikolari minħabba l-konentut għoli ta' proteini, il-kobor tar-rossa, il-kapaċità kbira ta' assorbiment, it-telf żgħir ta' lamtu u l-kwalità għolja tiegħu li toffri reżistenza tajba waqt it-tisjir.
Apparti minn hekk, huwa joffri wkoll togħma u benna partikolari li permezz tagħhom wieħed jista' jiddistingwih minn ross li hu mkabbar f'zoni mhux salmastri.
5.3. Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott (għal IĠP)
Il-fdalijiet ta' melħ li jinsabu f'dan ir-raba' xxuttat mill-istgħadir, flimkien mal-partikolaritajiet tal-ilmijiet li jintużaw għall-kultivazzjoni u l-preżenza ta' pjan superfiċjalment mielaħ, jagħtu lill-prodott karatteristiċi organolettici u merkantili b'mod li jagħmluh uniku u apprezzat ħafna fis-suq.
Il-fertilità minerali għolja tar-raba' mgħarraq, partikolarment fil-potassju, jagħtu lir-ross kontenut għoli ta' proteini u reżistenza ikbar lir-rossa għat-tisjir.
Barra minn hekk l-art, għalkemm b'nisġa li tvarja, hija kkaratterizzata minn salinità għolja (E.C. iktar minn 1 mS/ċm), li jagħtu lir-ross togħma u benna partikolari.
Il-preżenza ta' żiffa kontinwa li ġejja mill-baħar u li magħha ġġib nuqqas drastiku fl-umdita' tal-mikroklima tal-għelieqi tar-ross, tnaqqas b'mod sostanzjali l-bżonn ta' trattamenti fungiċidi u toffri l-possibbiltà ta' ross ta' kwalità għolja.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni
Il-Gvern nieda l-proċedura nazzjonali ta' oġġezzjoni bil-pubblikazzjoni tal-proposta għar-rikonoxximent tal-IĠP “Riso del Delta del Po” fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana.
It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab disponibbli fuq is-sit tal-internet fuq dan il-link:
www.politicheagricole.it/DocumentiPubblicazioni/Search_Documenti_Elenco.htm?txtTipoDocumento=Disciplinare%20in%20esame%20UE&txtDocArgomento=Prodotti%20di%20Qualit%E0>Prodotti%20Dop,%20Igp%20e%20Stg
jew
— |
billi tidħol direttament fuq il-paġna prinċipali tas-sit tal-Ministeru (www.politicheagricoe.it) u wara tagħfas fuq “Prodotti di Qualità” (fuq in-naħa tal-lemin ta' l-iskrin) u fl-aħħar fuq “Disciplinari di Produzione all'esame dell'UE (Reg CE 510/2006)”. |
(1) ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.