This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012PC0227
Proposal for a COUNCIL REGULATION terminating the interim review of the anti-dumping measures concerning imports of furfuraldehyde originating in the People's Republic of China and repealing those measures
Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jtemm ir-reviżjoni interim tal-miżuri antidumping għall-importazzjonijiet tal-furfuraldeid li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jirrevoka dawk il-miżuri
Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jtemm ir-reviżjoni interim tal-miżuri antidumping għall-importazzjonijiet tal-furfuraldeid li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jirrevoka dawk il-miżuri
/* COM/2012/0227 final - 2012/0114 (NLE) */
Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jtemm ir-reviżjoni interim tal-miżuri antidumping għall-importazzjonijiet tal-furfuraldeid li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jirrevoka dawk il-miżuri /* COM/2012/0227 final - 2012/0114 (NLE) */
MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA · Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha Din il-proposta tikkonċerna
l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009
dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta'
dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[1] ("ir-Regolament
Bażiku"), fil-proċediment tar-reviżjoni interim dwar
id-dazju antidumping fis-seħħ fir-rigward tal-importazzjonijiet
tal-furfuraldeid li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina
("RPĊ"). · Kuntest Ġenerali Din il-proposta qiegħda ssir fil-kuntest
tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku u hija r-riżultat ta'
investigazzjoni li saret b'konformità mar-rekwiżiti sostantivi u
proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku. · Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Ġie impost dazju antidumping definittiv
fuq l-importazzjonijiet tal-furfuraldeid li joriġinaw mir-RPĊ
għall-ewwel darba bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 95/95[2], u reġa' ġie
kkonfermat bir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2722/1999[3], (KE) Nru 639/2005[4] u (UE) Nru 453/2011[5]. · Konsistenza ma' politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni Mhux applikabbli. 2. IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET
MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT · Konsultazzjoni mal-partijiet interessati Il-partijiet interessati milquta
mill-proċediment kellhom il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi
tagħhom matul l-investigazzjoni, skont id-dispożizzjonijiet
tar-Regolament bażiku. · Ġbir u użu tal-għarfien espert Ma kienx hemm ħtieġa ta' esperti
esterni. · Valutazzjoni tal-impatt Din il-proposta hija r-riżultat
tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku. Ir-Regolament bażiku ma jipprevedix
valutazzjoni ġenerali tal-impatt iżda jinkludi lista eżawrjenti
ta' kundizzjonijiet li jridu jiġu vvalutati. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA · Sommarju tal-azzjoni proposta Fil-5 ta' Lulju 2011,
il-Kummissjoni ħabbret reviżjoni interim tad-dazju antidumping
fis-seħħ għall-importazzjonijiet tal-furfuraldeid li
joriġinaw fir-RPĊ permezz ta' notifika ("notifika ta'
bidu") ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fin-nuqqas tal-koperazzjoni mill-partijiet,
l-investigazzjoni tar-reviżjoni sabet evidenza li l-industrija tal-Unjoni
ma saritilhiex ħsara matul il-perjodu tal-investigazzjoni
tar-reviżjoni u li din is-sitwazzjoni kienet ta' natura permanenti.
L-investigazzjoni sabet ukoll li t-twaqqif tal-miżuri jkun fl-interess
tal-Unjoni. Għalhekk, qed jiġi
suġġerit li l-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża għal
Regolament sabiex itemm il-miżuri eżistenti, li għandu jiġi
ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sa mhux
aktar tard mill-4 ta' Lulju 2012. · Il-bażi legali Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009
tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra
l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi
mhux membri tal-Komunità Ewropea. · Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta hija fil-kompetenza esklużiva
tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma
japplikax. · Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju
tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin: Il-forma ta' azzjoni hija deskritta
fir-Regolament bażiku u ma tħalli ebda ambitu għal
deċiżjoni nazzjonali. L-indikazzjoni ta' kif il-piż finanzjarju
u amministrattiv li jaqa' fuq l-Unjoni, fuq il-gvernijiet nazzjonali,
l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u
ċ-ċittadini jitnaqqas kemm jista' jkun u jkun proporzjonat
mal-għan tal-proposta, mhix applikabbli. · L-Għażla tal-Istrumenti L-istrumenti proposti: regolament. Mezzi oħra ma jkunux xierqa minħabba
r-raġuni li ġejja: Ir-Regolament bażiku ma jipprevedix
għażliet alternattivi. 4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA Għalkemm il-proposta tneħħi
dazju li bħalissa qiegħed fis-seħħ, mhi se jkollha l-ebda
implikazzjoni fuq il-baġit tal-Unjoni billi bħalissa
l-importazzjonijiet kollha jsiru bis-sistema ta' pproċessar attiv. 2012/0114 (NLE) Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jtemm ir-reviżjoni interim
tal-miżuri antidumping għall-importazzjonijiet tal-furfuraldeid li
joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jirrevoka dawk
il-miżuri IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar
il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta'
dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[6] ("ir-Regolament
bażiku") u b'mod partikolari l-Artikoli 9 u 11(3), (5) u (6)
tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mressqa
mill-Kummissjoni Ewropea ("il-Kummissjoni") wara konsultazzjoni mal-Kumitat
Konsultattiv, Billi: A. Il-PROĊEDURA 1. Il-miżuri
fis-seħħ (1) Fl-1995,
il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 95/95[7], impona dazju antidumping definittiv fil-forma ta' dazju
speċifiku fuq l-importazzjonijiet tal-furfuraldeid li joriġinaw
mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ("RPĊ" jew
"il-pajjiż ikkonċernat") ("il-miżuri antidumping
oriġinali"). Ir-rata speċifika ta' dazju ġiet stabbilita
għal EUR 352 kull tunnellata. (2) Wara reviżjoni interim
li ngħatat bidu f'Mejju 1997 fuq talba ta' esportatur
Ċiniż, permezz tar-Regolament (KE) Nru 2722/1999[8], il-miżuri nżammu
għal perjodu ieħor ta' erba' snin. (3) F'April 2005,
il-Kunsill, wara reviżjoni tal-iskadenza, estenda l-miżuri għal
perjodu ieħor ta' ħames snin permezz tar-Regolament (KE) Nru 639/2005[9]. (4) F'Mejju 2011, wara
reviżjoni oħra tal-iskadenza, il-Kunsill estenda l-miżuri
għal perjodu ieħor ta' ħames snin, permezz tar-Regolament (UE)
Nru 453/2011[10]. Ir-rata speċifika tad-dazju kienet stabbilita fl-istess livell
bħal fil-miżuri antidumping oriġinali, jiġifieri EUR 352
kull tunnellata. 2. Bidu ta' reviżjoni
interim (5) Il-premessa (84)
tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 453/2011 tgħid li l-Kunsill qies
li kien xieraq li jiġi vvalutat jekk il-livell tad-dazju kienx għadu
relevanti, billi d-dazju speċifiku kien ġie stabbilit fuq
il-bażi tas-sejbiet tal-investigazzjoni oriġinali fl-1995 u qatt ma
ġie rivedut. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra tagħti bidu ex
officio għal reviżjoni interim konformi mal-Artikolu 11(3)
tar-Regolament bażiku. (6) Wara li ddeterminat li kien
hemm biżżejjed evidenza prima facie
għad-dispożizzjoni tagħha għall-bidu ta' reviżjoni
interim ex officio, u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni
ħabbret fil-5 ta' Lulju 2011, f'notifika ppubblikata f'Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea[11]
("in-notifika ta' bidu"), il-bidu ta' reviżjoni interim skont
l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. 3. L-Investigazzjoni 3.1. Il-perjodu tal-investigazzjoni (7) L-investigazzjoni dwar
id-dumping kopriet il-perjodu bejn l-1 ta' Lulju 2010 u t-30 ta' Ġunju 2011
("il-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni" jew
"il-PIR"). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni
tal-ħsara kopra l-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2008 u tmiem
il-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni ("il-perjodu
kkunsidrat"). 3.2. Il-partijiet ikkonċernati
minn din l-investigazzjoni (8) Il-Kummissjoni avżat
uffiċjalment lill-industrija tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi fil-pajjiż
ikkonċernat, lill-importaturi, lill-utenti magħrufa li huma
kkonċernati, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat dwar
il-bidu tar-reviżjoni interim. (9) Il-partijiet interessati
ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u
li jitolbu seduta ta' smigħ fil-limitu taż-żmien stipulat
fin-notifika ta' bidu. 3.3. It-teħid ta' kampjun
tal-produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (10) Minħabba li jidher li
hemm għadd kbir ta' produtturi esportaturi fir-RPĊ, tqies xieraq li
jiġi eżaminat jekk għandux jittieħed kampjun, skont
l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Sabiex il-Kummissjoni tkun
tista' tiddeċiedi jekk ikunx meħtieġ li jittieħed kampjun
u, jekk iva, biex jintgħażel kampjun, il-produtturi esportaturi
fir-RPĊ intalbu jagħtu d-dettalji tagħhom fi żmien 15-il
jum mill-bidu tar-reviżjoni u jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni
mitluba fin-notifika ta' bidu. Billi l-ebda produttur esportatur ma
ppreżenta ruħu biex jikkopera, ma kienx hemm bżonn
jittieħed kampjun. 3.4. It-tweġibiet
tal-kwestjonarju u l-verifiki (11) Il-Kummissjoni bagħtet
kwestjonarji lill-partijiet kollha magħrufa li huma kkonċernati.
L-ebda parti oħra ma ppreżentat ruħha qabel l-iskadenzi
stipulati fin-notifika ta' bidu. (12) Ma waslu l-ebda tweġibiet
tal-kwestjonarji la miż-żewġ produtturi tal-Unjoni, la
mill-produtturi esportaturi Ċiniżi u lanqas minn importaturi jew
utenti. Produttur wieħed fil-pajjiż analogu, l-Arġentina,
wieġeb il-kwestjonarju. (13) Minħabba n-nuqqas ta'
koperazzjoni mill-partijiet, ma sarux żjarat ta' verifika. B. IL-PRODOTT IKKONĊERNAT
U L-PRODOTT SIMILI 1. Il-prodott ikkonċernat (14) Il-prodott ikkonċernat
minn din ir-reviżjoni huwa l-istess bħal dak fl-investigazzjoni
oriġinali u r-reviżjonijiet li ġejjin imsemmijin hawn fuq,
jiġifieri l-furfuraldeid li joriġina mir-RPĊ, u li bħalissa
għandu l-kodiċi NM 2932 12 00 ("il-prodott
ikkonċernat"). Il-furfuraldeid huwa magħruf ukoll bħala 2-furaldeid
jew furfural. (15) Il-furfuraldeid huwa likwidu
isfar ċar b'riħa punġenti karatteristika li jinkiseb
bl-ipproċessar ta' tipi differenti ta' skart tal-agrikoltura.
Il-furfuraldeid għandu żewġ applikazzjonijiet ewlenin:
bħala solvent selettiv fir-raffinar taż-żejt mhux maħdum
għall-produzzjoni taż-żjut lubrifikanti u bħala materja prima
għall-ipproċessar fl-alkoħol furfuril, li jintuża biex
issir reżina sintetika għall-forom li jintużaw fil-funderiji. 2. Il-prodott simili (16) Bħalma seħħ
fl-investigazzjonijiet ta' qabel, tqies li l-furfuraldeid prodott fir-RPĊ
u esportat lejn l-UE, il-furfuraldeid prodott u mibjugħ fis-suq domestiku
tal-pajjiż analogu: l-Arġentina, u l-furfuraldeid immanifatturat u
mibjugħ fl-UE mill-produtturi tal-Unjoni għandhom l-istess
karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi, u l-istess
użi bażiċi. Għalhekk, tqiesu bħala prodotti simili
skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku. C. DUMPING 1. Ġenerali (17) L-ebda produttur esportatur
Ċiniż ma kkopera fl-investigazzjoni u l-ebda wieħed ma
bagħat informazzjoni. Għaldaqstant, is-sejbiet dwar id-dumping stipulati
hawn taħt kellhom jiġu bbażati fuq il-fatti disponibbli, b'mod
partikolari d-dejta tal-Eurostat, l-istatistika uffiċjali dwar
l-esportazzjonijiet tar-RPĊ u l-informazzjoni mibgħuta
mill-pajjiż analogu, l-Arġentina. 2. Il-pajjiż analogu (18) Skont l-Artikolu 2(7)(a)
tar-Regolament bażiku, il-valur normali ġie ddeterminat skont
il-prezz jew il-valur kostrutt miksub f'pajjiż terz b'ekonomija tas-suq
xierqa ("il-pajjiż analogu"), jew il-prezz mill-pajjiż
analogu għal pajjiżi oħra, inkluża l-Unjoni, jew, fejn dan
ma jkunx possibbli, fuq kull bażi oħra raġonevoli, inkluż
il-prezz imħallas realment jew li kieku jitħallas fl-Unjoni
għall-prodott simili, aġġustat b'mod xieraq jekk ikun
meħtieġ biex jinkludi marġni ta' profitt raġonevoli. (19) Bħalma seħħ fl-investigazzjoni
oriġinali, fin-notifika ta' bidu ġiet proposta l-Arġentina
bħala l-pajjiż analogu xieraq biex jiġi stabbilit il-valur
normali skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Wara
l-pubblikazzjoni tan-notifika ta' bidu, ma wasal l-ebda kumment li
jikkonċerna l-pajjiż analogu propost. (20) Produttur wieħed
tal-furfuraldeid fl-Arġentina kkopera mal-investigazzjoni billi
wieġeb kwestjonarju. L-investigazzjoni wriet li l-Arġentina
għandha suq kompetittiv għall-furfuraldeid b'madwar 90 % tas-suq
fornut bi produzzjoni lokali u l-bqija fornuta bl-importazzjonijiet minn
pajjiżi terzi. Il-volum tal-produzzjoni fl-Arġentina
jirrappreżenta aktar minn 70 % tal-volum tal-esportazzjonijiet
Ċiniżi tal-prodott ikkonċernat lill-UE
għall-ipproċessar attiv. Għalhekk is-suq Arġentin tqies
bħala rappreżentattiv biżżejjed sabiex jiġi
ddeterminat il-valur normali għar-RPĊ. (21) Għaldaqstant ġie
konkluż, bħal fl-investigazzjonijiet ta' qabel, li l-Arġentina
hija pajjiż analogu xieraq skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament
bażiku. 3. Id-dumping ta'
importazzjonijiet matul il-PIR 3.1. Il-valur normali (22) Il-valur normali ġie
stabbilit skont l-informazzjoni mressqa mill-produttur li qed jikkopera
fil-pajjiż analogu, jiġifieri skont il-prezz imħallas jew li
kieku jitħallas fis-suq domestiku tal-Arġentina minn klijenti li
mhumiex relatati, peress li dan il-bejgħ instab li jsir fl-andament
normali tal-kummerċ. (23) B'riżultat ta' dan,
il-valur normali ġie stabbilit bħala l-prezz tal-bejgħ domestiku
medju peżat lil klijenti li mhumiex relatati mill-produttur li kkopera
fl-Arġentina. (24) L-ewwel ġie stabbilit
jekk il-bejgħ domestiku totali tal-prodott simili lill-klijenti
indipendenti kienx rappreżentattiv f'konformità mal-Artikolu 2(2)
tar-Regolament bażiku, jiġifieri jekk kienx jirrappreżenta 5 %
jew aktar tal-volum totali tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat esportat
lejn l-Unjoni. Il-bejgħ domestiku tal-produttur li kkopera
fl-Arġentina kien rappreżentattiv biżżejjed tul il-PIR. (25) Il-Kummissjoni mbagħad
eżaminat jekk il-bejgħ domestiku tal-prodott simili jistax jitqies li
qed jinbiegħ fl-andament normali tal-kummerċ skont l-Artikolu 2(4)
tar-Regolament bażiku. Dan sar billi, għall-prodott simili
mibjugħ fis-suq tal-Arġentina, ġie stabbilit il-proporzjon
tal-bejgħ domestiku bi profitt lil klijenti indipendenti matul il-PIR.
Billi l-bejgħ kollu tal-prodott simili tul il-PIR sar bi profitt, il-valur
normali kien imsejjes fuq il-medja peżata tal-bejgħ domestiku kollu. 3.2. Il-prezz tal-esportazzjoni (26) Minħabba li l-ebda esportatur
Ċiniż lejn l-UE ma kkopera fl-investigazzjoni, il-prezzijiet
tal-esportazzjoni ġew stabbiliti skont il-fatti disponibbli. Il-bażi
l-aktar xierqa nstabet li kienet l-informazzjoni mogħtija mid-dejta
tal-Eurostat fir-rigward tal-importazzjonijiet lejn l-UE tal-prodott
ikkonċernat. Għalkemm il-maġġoranza ta' dawn
l-importazzjonijiet saru b'sistema ta' pproċessar attiv (il-furfuraldeid
Ċiniż kompla jiġi pproċessat f'alkoħol furfuril
għall-esportazzjoni), ma kien hemm l-ebda raġuni biex jitqies li ma
kinux bażi raġonevoli sabiex jiġu stabbiliti l-prezzijiet
tal-esportazzjoni. 3.3. Tqabbil (27) Għall-finijiet li jkun
żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz
tal-esportazzjoni, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku,
saret konċessjoni dovuta fil-forma ta' aġġustamenti fir-rigward
ta' ċerti differenzi fit-trasport, il-kostijiet tal-kreditu u
l-assigurazzjoni, li affettwaw il-prezzijiet u t-tqabbil tal-prezzijiet. 3.4. Il-marġni tad-dumping (28) F'konformità
mal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-marġni tad-dumping
ġie stabbilit abbażi ta' tqabbil tal-valur normali medju differenzjat
mal-prezzijiet tal-esportazzjoni medji differenzjati fl-istess livell ta'
kummerċ. Dan it-tqabbil wera marġni ta' dumping ta' 5,6 %. 4. In-natura permanenti taċ-ċirkostanzi
mibdula (29) Minbarra l-analiżi
tal-eżistenza tad-dumping matul il-PIR, ġiet investigata
l-probabbiltà tal-issoktar tad-dumping f'każ li jiġu revokati
l-miżuri. Minħabba l-fatt li l-ebda produttur esportatur fir-RPĊ
ma kkopera f'din l-investigazzjoni, il-konklużjonijiet hawn taħt huma
msejsa fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. (30) F'dan ir-rigward ġew
analizzati l-elementi li ġejjin: id-domanda domestika u l-konsum domestiku
fiċ-Ċina, u l-iżvilupp tal-esportazzjonijiet Ċiniżi
lill-UE bis-sistema tal-ipproċessar attiv (IPR, inward processing regime). (31) Skont l-informazzjoni
disponibbli, mill-2007 'l hawn, il-konsum domestiku tal-furfuraldeid
fir-RPĊ kien qed jiżdied b'rata iktar mgħaġġla
(previżjoni tat-tkabbir annwali medju għall-perjodu bejn l-2007 u l-2012
ta' madwar 9 %) mill-kapaċità tal-produzzjoni Ċiniża ta'
dak il-prodott (madwar +6 %). Iż-żieda fil-konsum domestiku
Ċiniż tal-furfural jista' jiġi spjegat fil-biċċa
l-kbira mid-domanda dejjem ikbar għall-prodott ipproċessat
mill-furfuraldeid, l-alkoħol furfuril. Il-produzzjoni Ċiniża
tal-alkoħol furfuril kienet qed tiżdied drastikament mill-1999 'l
hawn, b'mod li tirrifletti enfasi fuq il-manifattura ta' prodotti b'valur
ogħla tal-furfural u domanda ikbar għar-reżina tal-furan
mill-industrija tal-funderija. (32) Barra minn hekk, id-domanda
domestika għaċ-ċifċiegħa tal-qamħirrum,
il-materja prima ewlenija li jużaw il-produtturi Ċiniżi
tal-furfuraldeid, kienet qed tiżdied. Minżabba l-popolazzjoni globali
dejjem ikbar, speċjalment fir-RPĊ u l-Indja, u l-bidla minn dieta
bbażata fuq iċ-ċereali għal waħda bbażata fuq
il-proteina, id-domanda globali għall-qamħirrum hija prevista li se
tikber b'rata iktar mgħaġġla. Ir-RPĊ hija t-tieni l-ikbar
konsumatur tal-qamħirrum fid-dinja. Barra miż-żieda fl-użi
industrijali tal-qamiħirrum, id-domanda Ċiniża
għall-produzzjoni tal-għalf u l-bhejjem qed tiżdied bi 3 %
sa 6 % kull sena. Filwaqt li l-konsum tal-qamħirrum tar-RPĊ kien
qed jikber b'mod rapidu f'dawn l-aħħar ftit snin, il-produzzjoni
tiegħu ma kinitx qed tlaħħaq mad-domanda. Huwa mistenni li matul
il-perjodu bejn l-2011 u l-2015, l-esportazzjonijiet tal-qamħirrum
mill-Istati Uniti għar-RPĊ se jiżdiedu b'ħames darbiet.
Wieħed għandu jinnota wkoll li l-produtturi Ċiniżi
tal-furfural qed jiffaċċjaw dejjem iktar kompetizzjoni
mill-produtturi tal-ksilożi u l-ksilitol, li jużaw l-istess materja
prima (iċ-ċifċiegħa tal-qamħirrum). (33) Dwar l-esportazzjonijiet
Ċiniżi lejn l-UE matul il-PIR, ta' min jinnota li prattikament il-furfuraldeid
kollu mill-pajjiż ikkonċernat jiġi impurtat esklużivament
b'arranġamenti ta' pproċessar attiv (IPR). Din il-prassi bdiet fl-2000
u madwar 75 % tal-kwantitajiet annwali Ċiniżi ta' furfurladeid
jiġu esportati lejn l-Unjoni mingħajr dazju antidumping,
bil-għan li jkomplu jiġu pproċessati fl-alkoħol furfuril
maħsub għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi. Mill-2001,
l-importazzjonijiet tas-suq ħieles mill-pajjiż ikkonċernat
kważi waqfu kompletament. (34) Il-bidliet fit-tul fid-domanda
domestika għall-furfural fiċ-Ċina u s-sitwazzjoni diffiċli
tal-provvista u d-domanda fis-suq tal-qamħirrum fiċ-Ċina,
flimkien mal-istruttura tal-importazzjonijiet Ċiniżi lejn l-UE kif
spjegat fil-premessa preċedenti, jidhru li wasslu għal bidla
fil-livell tad-dumping li jsir mill-produtturi esportaturi Ċiniżi.
Tqabbil tal-prezzijiet Ċiniżi tal-esportazzjoni lejn l-UE mal-valur
normali tal-prodott ikkonċernat, ilkoll aġġustati kif xieraq,
juri tnaqqis fil-marġni tad-dumping matul il-PIR, meta mqabbel
mal-investigazzjoni preċedenti tar-reviżjoni tal-iskadenza. (35) B'konklużjoni,
l-analiżi ta' hawn fuq turi li l-bidliet fid-domanda domestika
Ċiniża u l-konsum fiċ-Ċina taċ-ċifqiegħa
tal-qamħirrum u l-furfuraldeid u, konsegwentement, tal-prezzijiet, huma
ta' natura permanenti. Għaldaqstant, jista' jiġi konkluż li jekk
il-miżuri antidumping jiġu revokati, l-esportazzjonijiet
Ċiniżi fl-Unjoni mhumiex se jiżdiedu b'mod sinifikanti. D. L-INDUSTRIJA TAL-UNJONI (36) L-industrija tal-Unjoni
("IU") tikkonsisti minn żewġ kumpaniji: Lenzing AG
(l-Awstrija) u Tanin Sevnica kemicna industrija d.d (is-Slovenja), li flimkien
jirrappreżentaw 100% tal-produzzjoni tal-Unjoni tal-prodott simili
fil-PIR. Abbażi ta' dan, iż-żewġ produtturi tal-Unjoni
jikkostitwixxu l-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1)
u l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. L-ebda waħda
miż-żewġ kumpaniji ma wieġbet il-kwestjonarji li
ntbagħtulhom jew ikkoperat bis-sħiħ fl-investigazzjoni. (37) Minħabba n-nuqqas ta'
koperazzjoni mill-industrija tal-Unjoni, id-dejta għall-eżami
tas-sitwazzjoni tas-suq tal-Unjoni u l-ħsara li ġarrbet l-industrija
tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġett tad-dumping mir-RPĊ
ittieħdet mill-fatti disponibbli, inkluż id-dejta estrapolata
mill-informazzjoni miġbura fir-reviżjoni tal-iskadenza riċenti
li kopriet il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Marzu 2010.
Għaldaqstant, kull sors mogħti għad-dejta fit-tabelli ta' hawn
taħt jirreferi għall-perjodu bejn l-2007 u l-2009, sakemm mhux
speċifikat mod ieħor. Nutrafur, il-produttur Spanjol li ressaq
l-ilment oriġinali fl-1994 bl-isem ta' Furfural Espanol S.A., waqqaf
il-produzzjoni tiegħu f'Ottubru 2008. Iċ-ċifri
tal-produzzjoni ta' Nutrafur fl-2008 ġew inklużi fil-konsum fis-suq
tal-Unjoni. Għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità, id-dejta dwar
il-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni tingħata biss f'forma
indiċjata. E. IS-SITWAZZJONI FIS-SUQ TAL-UNJONI 1. Il-konsum fis-suq tal-Unjoni (38) Il-konsum fl-Unjoni
tal-furfuraldeid għall-2008 u l-2009 ġie stabbilit skont il-volumi
tal-bejgħ ivverifikati tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni
(inkluż il-bejgħ ta' Nutrafur sa Ottubru 2008 meta kien
għadu qed jipproduċi l-furfuraldeid) flimkien mal-importazzjonijiet
taħt is-Sistema ta' Pproċessar Attiv (IPR) mir-RPĊ u
l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra f'ċirkolazzjoni
ħielsa, imsejsa fuq dejta tal-importatur International Furan Chemicals BV
("IFC") ivverifikata fl-aħħar investigazzjoni
tar-reviżjoni tal-iskadenza u l-Eurostat. Billi l-Eurostat ma jiżvelax
l-informazzjoni kollha minħabba raġunijiet ta' kunfidenzjalità,
id-dejta tal-Eurostat intużat biss għall-importazzjonijiet minn
pajjiżi terzi oħra għajr ir-RPĊ u r-Repubblika Dominikana,
billi l-IFC huwa l-uniku importatur tal-furfuraldeid minn dawn is-sorsi. (39) Il-fatti
disponibbli ntużaw għall-2010 u l-PIR minħabba n-nuqqas ta'
koperazzjoni kemm tal-industrija tal-Unjoni kif ukoll tal-importatur uniku u
l-kunfidenzjalità ta' ammonti kbar ta' dejta li normalment ikunu disponibbli
mill-Eurostat. Fin-nuqqas ta' indikazzjonijiet għall-kuntrarju, ma hemm
ebda raġuni biex wieħed jemmen li kien hemm xi bidla notevoli
fil-konsum tal-Unjoni mill-2009 'l hawn u dan tqies li baqa' fl-istess livelli
matul l-2010 u l-PIR. (40) Abbażi ta' dan, matul
il-perjodu kkunsidrat, il-konsum tal-Unjoni naqas bi 17 %, minn 45 738 tunnellata
fl-2008 għal 38 000 tunnellata matul il-PIR. Tabella 1 – Il-konsum tal-Unjoni Sena || 2008 || 2009 || 2010 || PIR Tunnellati || 45 738 || 38 175 || 38 000 || 38 000 Indiċi (2008=100) || 100 || 83 || 83 || 83 Xejra S/S || || -17 || 0 || 0 Sors: tweġibiet ivverifikati
tal-kwestjonarju tal-industrija tal-Unjoni u IFC, il-Eurostat 2. L-importazzjonijiet
mir-RPĊ 2.1. Il-volum, is-sehem mis-suq u
l-prezzijiet (41) Skont l-istatistika
tal-esportazzjoni Ċiniża, l-importazzjonijiet Ċiniżi kienu
qed isiru bl-IPR matul il-PIR. Il-volum tal-IPR Ċiniż żdied minn
10 002 tunnellati fl-2008 għal 13 975 tunnellata
fil-PIR, jiġifieri b'40 %. Matul il-perjodu kkunsidrat is-sehem
Ċiniż mis-suq għall-IPR żdied minn 22 % għal 37 %,
jiġifieri bi 15-il punt perċentwali. (42) Il-prezz tal-IPR
Ċiniż żdied b'47 % minn EUR 1 014 kull TM fl-2008
għal EUR 1 488 fil-PIR. Ta' min jinnota li matul il-PIR,
il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdiedu b'mod rapidu u
laħqu quċċata ta' iktar minn EUR 1 700 kull TM. Tabella 2 – L-importazzjonijiet
mir-RPĊ Sena || 2008 || 2009 || 2010 || PIR Tunnellati || 10 002 || 5 159 || 8 375 || 13 975 Indiċi (2008=100) || 100 || 52 || 84 || 140 Xejra S/S || || -48 || 32 || 56 Is-sehem mis-suq || 22 % || 14 % || 22 % || 37 % Il-prezz, EUR/tunnellata || 1 014 || 690 || 1 362 || 1 488 Indiċi (2008=100) || 100 || 68 || 134 || 147 Sors: Tweġiba vverifikata
tal-kwestjonarju ta' IFC, l-istatistika tal-esportazzjoni Ċiniża 3. Il-volumi u l-prezzijiet
tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra (43) Ta' min jinnota li, bħal
fl-investigazzjoni oriġinali, l-importazzjonijiet mir-Repubblika
Dominikana kienu kollha kemm huma konsenji minn kumpanija possedenti
lis-sussidjarja Ewropea tagħha, sabiex tipproduċi l-alkoħol
furfuril. Għalhekk, il-prezzijiet użati f'dawn
it-tranżazzjonijiet huma prezzijiet ta' trasferiment bejn kumpaniji
relatati li jistgħu ma jirriflettux il-prezzijiet reali tas-suq.
Minħabba n-nuqqas ta' koperazzjoni mill-importatur ikkonċernat u
l-kunfidenzjalità tad-dejta fil-Eurostat, ġie preżunt li
l-importazzjonijiet u l-prezzijiet mir-Repubblika Dominikana baqgħu
kostanti matul l-2010 u l-PIR. Tabella 3 – L-importazzjonijiet fl-Unjoni
mir-Repubblika Dominikana Sena || 2008 || 2009 || 2010 || PIR Tunnellati || 27 662 || 24 996 || 25 000 || 25 000 Indiċi (2008=100) || 100 || 90 || 90 || 90 Xejra S/S || || -10 || 0 || 0 Is-sehem mis-suq || 60% || 65% || 66% || 66% Il-prezz, EUR/tunnellata || 982 || 582 || 582 || 582 Indiċi (2008=100) || 100 || 59 || 59 || 59 (44) Skont il-Eurostat, il-volumi
tal-importazzjoni tal-furfuraldeid fl-Unjoni minn pajjiżi oħra
għajr ir-RPĊ, flimkien mal-prezzijiet medji tagħhom,
żviluppaw kif ġej: Tabella 4 – L-importazzjonijiet lejn
l-Unjoni minn pajjiżi terzi oħra Sena || 2008 || 2009 || 2010 || PIR Tunnellati || 1 583 || 1 226 || 138 || 162 Indiċi (2008=100) || 100 || 77 || 9 || 10 Xejra S/S || || -23 || -69 || 2 Is-sehem mis-suq || 3 % || 3 % || 1 % || 1 % Il-prezz, EUR/tunnellata || 997 || 632 || 1 473 || 1 685 Indiċi (2008=100) || 100 || 63 || 148 || 169 4. Il-volumi u l-prezzijiet
tal-esportazzjoni mill-UE lejn pajjiżi terzi oħra (45) Matul il-perjodu meqjus,
id-dejta kienet disponibbli biss għall-2008 u l-2009. Ma kinitx
disponibbli statistika affidabbli biex tiġi vvalutata l-evoluzzjoni
tas-sett ta' dejta għall-2010 u l-PIR. Fin-nuqqas tal-koperazzjoni
mill-industrija tal-Unjoni, intużaw il-fatti disponibbli u saret
il-preżunzjoni li l-esportazzjonijiet mill-UE se jkomplu fl-istess livelli
ta' volum bħall-2009 b'żieda fil-prezz konformi ma' dik misjuba
fis-suq tal-UE. Tabella 5 – Il-volumi u l-prezzijiet
tal-esportazzjonijiet tal-Industrija tal-Unjoni lejn pajjiżi terzi
oħra Sena || 2008 || 2009 || 2010 || PIR Il-kwantitajiet - Indiċi (2008=100) || 100 || 155 || 155 || 155 Xejra S/S || || 55 || 0 || 0 Il-prezzijiet - Indiċi (2008=100) || 100 || 77 || 134 || 147 Xejra S/S || || -23 || 57 || 13 5. Il-qagħda ekonomika
tal-industrija tal-Unjoni (46) Il-qagħda ekonomika
tal-industrija tal-Unjoni, jiġifieri ż-żewġ kumpaniji
Lenzing u Tanin, qiegħda analizzata hawn taħt bid-dejta miġbura
matul ir-reviżjoni tal-iskadenza flimkien mal-fatti disponibbli
għall-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni attwali (PIR). 5.1. Il-produzzjoni (47) Il-produzzjoni totali
tal-industrija tal-Unjoni tal-prodott simili żdiedet b'5 % sal-2009.
Fin-nuqqas ta' dejta oħra, ġie preżunt li l-produzzjoni
baqgħet stabbli fl-2010 u l-PIR. Tabella 6 – Produzzjoni tal-Unjoni Sena || 2008 || 2009 || 2010 || PIR Indiċi (2008=100) || 100 || 105 || 105 || 105 Xejra S/S || || 5 || 0 || 0 Sors: It-tweġibiet verifikati
tal-kwestjonarji tal-produtturi tal-Unjoni 5.2. Il-kapaċità
tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità (48) Il-kapaċità totali
tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni baqgħet l-istess fl-2008 u l-2009.
Minħabba n-nuqqas ta' koperazzjoni mill-industrija tal-Unjoni, ġie
preżunt li l-kapaċità u l-użu baqgħu l-istess fl-2010 u
l-PIR. Tabella 7 – Il-kapaċitá tal-Unjoni Sena || 2008 || 2009 || 2010 || PIR Indiċi (2008=100) || 100 || 100 || 100 || 100 L-użu tal-kapaċità || 92 % || 96 % || 96 % || 96 % Sors: It-tweġibiet verifikati
tal-kwestjonarji tal-produtturi tal-Unjoni 5.3. Il-livell tal-ħażniet (49) Minħabba n-nuqqas ta'
koperazzjoni mill-industrija tal-Unjoni, ġie preżunt li l-livelli
tal-ħażniet baqgħu bħalma kienu fi tmiem l-2009. Tabella 8 – Il-ħażniet Sena || 2008 || 2009 || 2010 || PIR Indiċi (2008=100) || 100 || 56 || 56 || 56 Xejra S/S || || -44 || 0 || 0 Sors: It-tweġibiet ivverifikati
tal-kwestjonarji tal-produtturi tal-Unjoni 5.4. L-ammont ta' bejgħ u
s-sehem mis-suq (50) Il-volum tal-bejgħ
tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti li mhumiex relatati fis-suq tal-Unjoni
żdied bi 12 % mill-2008 sal-2009. Fin-nuqqas ta' dejta
mill-industrija tal-Unjoni, ġie preżunt li l-volum tal-bejgħ ma
żdiedx fl-2010 jew fil-PIR. Tabella 9 – Il-volum tal-bejgħ u
s-sehem mis-suq tal-UE Sena || 2008 || 2009 || 2010 || PIR Indiċi (2008=100) || 100 || 112 || 112 || 112 Il-firxa tas-sehem mis-suq || 10-20 % || 14-24 % || 14-24 % || 14-24 % Sors: It-tweġibiet ivverifikati
tal-kwestjonarji tal-produtturi tal-Unjoni 5.5. Il-prezzijiet medji
tal-bejgħ (51) Matul il-perjodu kkunsidrat
il-prezzijiet medji tal-bejgħ applikati mill-industrija tal-Unjoni fis-suq
tal-Unjoni żdiedu sostanzjalment b'36 %. Dan kien ikkawżat minn
żieda kbira fil-prezz matul l-2010 u l-PIR. Tabella 10 – Il-prezz medju
tal-bejgħ fl-UE Sena || 2008 || 2009 || 2010 || PIR Indiċi (2008=100) || 100 || 89 || 108 || 136 Xejra S/S || || -11 || 19 || 28 Sors: Tweġibiet ivverifikati
tal-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni flimkien mal-fatti disponibbli
għall-Kummissjoni 5.6. Il-kost medju tal-produzzjoni (52) Billi l-industrija tal-Unjoni
ma għamlitx disponibbli dejta tal-kostijiet tal-produzzjoni għall-2010
u d-dejta tal-PIR mir-reviżjoni preċedenti tal-iskadenza żdiedet
b'6 % biex tqis l-inflazzjoni f'dak il-perjodu. Tabella 11 – Il-kost medju
tal-produzzjoni Sena || 2008 || 2009 || 2010 || PIR Indiċi (2008=100) || 100 || 100 || 102 || 106 Xejra S/S || || 0 || 2 || 4 Sors: It-tweġibiet verifikati
tal-kwestjonarji tal-produtturi tal-Unjoni 5.7. Il-profitabbiltà u l-fluss
tal-flus (53) Il-kalkolu tal-profitti li
għamlet l-industrija tal-Unjoni, abbażi tad-dejta tal-prezz u l-kost
ta' hawn fuq, wera żieda sinifikanti matul il-perjodu kkunsidrat minħabba
żidiet fil-prezz fis-suq tal-UE flimkien ma' nuqqas ta' evidenza ta'
żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni minbarra l-inflazzjoni. Il-likwidità
hija meqjusa, fin-nuqqas ta' dejta oħra, li segwiet xejra simili
għall-profittabbiltà. Tabella 12 – Il-profitabbiltà u l-fluss
tal-flus Sena || 2008 || 2009 || 2010 || PIR Indiċi tal-Profitabbiltà (2008=100) || 100 || 96 || 153 || 297 Xejra S/S || || -4 || 57 || 144 Il-fluss tal-flus - Indiċi (2008=100) || 100 || 34 || 69 || 69 Xejra S/S || || +66 || 36 || 0 Sors: It-tweġibiet verifikati
tal-kwestjonarji tal-produtturi tal-Unjoni 5.8. L-investimenti, ir-redditu fuq
l-investimenti u l-ħila li jiżdied il-kapital (54) Fin-nuqqas ta' dejta
mill-industrija tal-Unjoni, fid-dawl taż-żidiet fil-prezzijiet fl-2010
u l-PIR, ġie preżunt li kien hemm ritorn għal-livell ta' investiment
bħal dak fl-2007. Ir-redditu fuq l-investiment ġie preżunt li
kellu l-istess xejra bażika bħall-profittabbiltà murija
fit-Tabella 12. (55) Tabella 13 –
L-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti Sena || 2008 || 2009 || 2010 || PIR Indiċi tal-investimenti (2008=100) || 100 || 3 || 163 || 163 Xejra S/S || || -97 || 160 || 0 Indiċi tar-redditu fuq l-investimenti (2008=100) || 100 || -4 || 100 || 200 Xejra S/S || || -104 || 96 || 100 Sors: It-tweġibiet verifikati
tal-kwestjonarji tal-produtturi tal-Unjoni 5.9. L-impjiegi u produttività (56) Minħabba n-nuqqas ta'
informazzjoni mill-industrija tal-Unjoni għall-2010 u l-PIR, tqies li
l-impjiegi u l-produttività baqgħu kostanti matul il-perjodu kkunsidrat. Tabella 14 – L-impjiegi u l-produttività Sena || 2008 || 2009 || 2010 || PIR L-impjiegi - Indiċi || 100 || 100 || 100 || 100 Il-produttività (tunnellati/impjegati) - Indiċi || 100 || 100 || 100 || 100 Il-kostijiet tax-xogħol - Indiċi || 100 || 100 || 100 || 100 Sors: It-tweġibiet verifikati
tal-kwestjonarji tal-produtturi tal-Unjoni 5.10. Id-daqs tal-marġni
tad-dumping (57) Minkejja n-nuqqas ta'
koperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, il-volum u l-valur
tal-importazzjonijiet ġie analizzat mill-Eurostat flimkien ma' stima
tas-sehem mis-suq. Iż-żieda sinifikanti fil-prezz fl-2010 u l-2011
naqqset drammatikament il-marġni tad-dumping mir-RPĊ mill-perjodu
tal-investigazzjoni tar-reviżjoni tal-iskadenza 'l hawn. 5.11. Irkupru mill-effetti
tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping (58) Kif muri mill-evoluzzjoni
pożittiva tal-biċċa l-kbira tal-indikaturi elenkati hawn fuq,
matul il-perjodu kkunsidrat il-qagħda finanzjarja tal-industrija
tal-Unjoni rkuprat kollha mill-effett dannuż tal-importazzjonijiet
oġġett ta' dumping sinifikanti li kienu identifikati
fl-investigazzjoni preċedenti u li joriġinaw mir-RPĊ. 6. Il-konklużjoni dwar
il-qagħda ekonomika tal-industrija tal-Unjoni (59) Il-miżuri kontra
r-RPĊ kellhom impatt pożittiv fuq il-qagħda ekonomika
tal-industrija tal-Unjoni, billi l-biċċa l-kbira tal-indikaturi
tal-ħsara wrew żvilupp pożittiv: il-produzzjoni, il-volum
tal-bejgħ u l-valur tal-bejgħ żdiedu bejn l-2008 u l-PIR.
Madankollu, minħabba ż-żieda sostanzjali fil-prezzijiet fis-suq
tal-UE, l-industrija tal-Unjoni issa qed tagħmel profitti ferm ogħla
minn dak immirat, li fl-investigazzjoni oriġinali ġie stabbilit
bħala 5 %, sabiex ikun żgurat l-iżvilupp tagħha. (60) Minħabba
ż-żieda sinifikanti fil-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni matul il-PIR,
mingħajr evidenza ta' żieda parallela fil-kostijiet, ġie
konkluż li l-industrija tal-Unjoni ma ġarrbitx ħsara materjali
skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5). 7. Konklużjoni dwar
in-natura permanenti ta' dawn iċ-ċirkostanzi mibdula (61) Ġie kkunsidrat jekk
iż-żieda fil-prezzijiet fis-suq tal-UE hix bidla permanenti
fiċ-ċirkostanzi mis-sejbiet tal-investigazzjoni preċedenti
tar-reviżjoni tal-iskadenza. Id-dejta disponibbli turi li l-prezzijiet
fis-suq tal-Unjoni qed jirkupraw sewwa, u jilħqu l-livelli tal-2008 u
mbagħad jaqbżu dawn l-ammonti, filwaqt li fl-investigazzjoni
tar-reviżjoni tal-iskadenza, il-prezzijiet kienu qed jaqgħu. Barra
minn hekk, bil-kontra tar-reviżjoni tal-iskadenza, ma nstabitx evidenza
ta' twaqqigħ tal-prezzijiet. Fir-reviżjoni tal-iskadenza,
il-profittabbiltà kellha xejra negattiva iżda d-dejta wara tmiem dik
l-investigazzjoni turi li l-profittabbiltà kienet qed tirkupra sewwa, u
tilħaq il-livelli tal-2008 u mbagħad taqbiżhom. (62) Ġie analizzat jekk
il-bidla fil-prezzijiet minn tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni
tar-reviżjoni tal-iskadenza setgħetx tkun minħabba staġun
tal-ħsad partikolarment ħażin fir-RPĊ, billi l-furfuraldeid
jiġi prodott mill-iskart agrikolu. Madankollu, il-prezz ma waqax b'mod
sinifikanti mill-istaġun tal-ħsad fi tmiem l-2010 u għalhekk din
it-teorija ġiet skartata. Deher li kien hemm żieda fil-prezzijiet
tal-importazzjonijiet li joriġinaw fir-RPĊ ikkawżati mit-tkabbir
fit-tul fid-domanda domestika għall-furfuraldeid u ż-żieda
fil-kostijiet tal-materja prima fil-pajjiż ikkonċernat. Minħabba
n-nuqqas ta' koperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, dan ma
setax jiġi vverifikat, iżda l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda evidenza
li turi li dan ma kienx il-każ. (63) Fid-dawl tal-evidenza
disponibbli għall-Kummissjoni li tissemma hawn fuq, u n-nuqqas ta'
informazzjoni li turi li ż-żidiet fil-prezzijiet imsemmija kienu
temporanji, ġie konkluż li din il-bidla hija ta' natura permanenti. F. TERMINAZZJONI TAL-PROĊEDIMENT TAL-ANTIDUMPING U
TNEĦĦIJA TAL-MIŻURI ANTIDUMPING FIS-SEĦĦ (64) Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq,
qed jitqies li għandha titwaqqaf ir-reviżjoni preżenti kontra
d-dumping u li għandhom jitneħħew il-miżuri antidumping
fis-seħħ. (65) Il-partijiet
kollha ġew infurmati dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li
abbażi tagħhom kien maħsub li jiġi rakkomandat li jitwaqqfu
l-miżuri eżistenti. Dawn ingħataw ukoll perjodu li fih
setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara dan l-iżvelar. Ma
waslu l-ebda kummenti. (66) Minn dan ta' hawn fuq jista'
jiġi konkluż li għandha titwaqqaf ir-reviżjoni antidumping
preżenti u li għandhom jitwaqqfu l-miżuri antidumping imposti
mir-Regolament (UE) Nru 453/2011 fuq l-importazzjonijiet tal-furfuraldeid
li joriġinaw mir-RPĊ u jitneħħa d-dazju eżistenti, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Ir-reviżjoni interim tad-dazji
antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' 2-furaldeid
(magħruf ukoll bħala furfuraldeid jew furfural) li bħalissa
għandu l-kodiċi NM 2932 12 00 u li joriġinaw
mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina hija b'dan imwaqqfa. Artikolu 2 Ir-Regolament (UE) Nru 453/2011 huwa
b'dan imħassar. Artikolu 3 Dan ir-Regolament għandu jidħol
fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament għandu jorbot
fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51. [2] ĠU L 15, 21.1.1995, p. 11. [3] ĠU L 328, 22.12.1999,
p. 1. [4] ĠU L 107, 28.4.2005,
p. 1. [5] ĠU L 123, 12.5.2011, p. 1. [6] ĠU L 343, 22.12.2009,
p. 51. [7] ĠU L 15, 21.1.1995,
p. 11. [8] ĠU L 328, 22.12.1999,
p. 1. [9] ĠU L 107, 28.4.2005,
p. 1. [10] ĠU L 123, 12.5.2011, p. 1. [11] ĠU C 196, 5.7.2011,
p. 9.