This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016IR3691
Opinion of the European Committee of the Regions — Effective water management system: an approach to innovative solutions
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Sistema effettiva għall-ġestjoni tal-ilma: approċċ għal soluzzjonijiet innovattivi
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Sistema effettiva għall-ġestjoni tal-ilma: approċċ għal soluzzjonijiet innovattivi
ĠU C 207, 30.6.2017, pp. 45–50
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
30.6.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 207/45 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Sistema effettiva għall-ġestjoni tal-ilma: approċċ għal soluzzjonijiet innovattivi
(2017/C 207/09)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI
Kummenti ġenerali
1. |
jinnota li ilma nadif u suffiċjenti, bħala s-sors tal-ħajja, huwa essenzjali għal saħħitna u għall-benesseri tagħna. L-ilma joffri ħafna opportunitajiet għall-iżvilupp, iżda min-naħa l-oħra jikkostitwixxi wkoll theddida. L-għargħar, in-nixfiet u kwalità fqira tal-ilma jheddu ħajjitna, saħħitna u ġidna; |
2. |
ifaħħar lill-Kummissjoni Ewropea li fl-2000 introduċiet id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma li, ikkomplementata b’leġislazzjoni Komunitarja iktar speċifika (1), armonizzat parti kbira tal-leġislazzjoni eżistenti, irregolat approċċ għall-ġestjoni tal-ilma abbażi tal-baċiri tax-xmajjar u introduċiet objettivi ambizzjużi fit-tul għall-ġestjoni tal-ilma; |
3. |
ġie infurmat li l-Kummissjoni Ewropea qed taħdem fuq l-elementi li ġejjin tal-politika Ewropea dwar l-ilma:
|
4. |
jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fil-maġġoranza tal-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom responsabbiltajiet u kompetenzi istituzzjonali u politiċi relatati mal-ġestjoni tal-ilma u għalhekk ifasslu l-implimentazzjoni tal-maġġoranza tad-direttivi tal-UE dwar l-ilma. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma ġeneralment responsabbli wkoll għal oqsma ta’ politika li huma rilevanti għall-ġestjoni sostenibbli tal-ilma, fosthom il-ġestjoni tat-territorju, l-infrastruttura, il-politika tal-mobbiltà, il-liċenzji, il-ġestjoni tal-agrikoltura u l-pajsaġġ, il-provvista tal-ilma, il-protezzjoni tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-ħarsien kontra l-għargħar; |
5. |
jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-ilma tas-17 ta’ Ottubru 2016. Il-Kumitat jappoġġja l-konklużjonijiet tal-Kunsill li l-ilma huwa prijorità ewlenija u jaqbel mar-rikonoxximent li l-kwistjonijiet tal-ilma huma differenti fi ħdan l-Istati Membri u li, għalhekk, hemm bżonn ta’ flessibbiltà fl-għażla tal-miżuri, fosthom il-ħtieġa li jiġu ffaċċjati infrastrutturi ta’ regolamentazzjoni tar-riżorsi tal-ilma sabiex jinkiseb grad għoli ta’ stat ekoloġiku u tal-korpi tal-ilma u li tiġi ggarantita d-domanda; |
6. |
jenfasizza għalhekk l-importanza li jiġu rispettati l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Pereżempju, il-kuntest nazzjonali, reġjonali u lokali huwa determinanti fir-rigward tal-miżuri marbuta mal-użu mill-ġdid tal-ilma jew mat-titjib tal-effiċjenza min-naħa tad-domanda (frankar fl-ilma), peress li l-ilma mhuwiex disponibbli kullimkien bl-istess mod. Huwa importanti, għalhekk, li, minn perspettiva Ewropea, ikun possibbli li tiġi analizzata l-kwistjoni u li jittieħdu l-miżuri neċessarji fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. |
7. |
jirrikonoxxi l-“Aġenda għall-Ilma Urban għall-2030” ambizzjuża ħafna u volontarja stabbilita mill-Konferenza dwar il-Bliet u l-Ilma li seħħet f’Leeuwarden fi Frar 2016 u jħeġġeġ lill-bliet fl-Ewropa biex jieħdu impenn favoriha; |
8. |
jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li, bħala parti mill-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni għall-ekonomija ċirkolari, tressaq fl-2017 proposta għal rekwiżiti minimi fir-rigward tal-użu mill-ġdid tal-ilma u reviżjoni (REFIT) tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb (2) għalkemm għandu jiġi żgurat li ma jkunx hemm xi effetti negattivi sproporzjonati fuq setturi oħra, pereżempju l-agrikoltura; |
9. |
jenfasizza li d-differenzi bejn ir-reġjuni fir-rigward tad-disponibbiltà tal-ilma għandhom jiġu kkunsidrati. M’għandu jkun hemm l-ebda obbligu għall-użu mill-ġdid ta’ ilma sakemm dan ma jkunx jista’ jiġi ġġustifikat. Essenzjalment, l-użu mill-ġdid tal-ilma kapaċi joffri soluzzjonijiet f’reġjuni fejn id-disponibbiltà tal-ilma toħloq il-problemi; |
10. |
f’dan il-kuntest jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura, bħala parti minn approċċ bilanċjat u koerenti, li l-użu mill-ġdid tal-ilma jkun biss bħala alternattiva ta’ provvista addizzjonali tal-ilma u jkun soġġett għal titjib parallel fl-effiċjenza fuq in-naħa tad-domanda, u li l-impatti possibbli ta’ tnaqqis fid-disponibilità tal-ilma jiġu analizzati u kkunsidrati; |
11. |
iqis partikolarment essenzjali li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jressqu, permezz ta’ din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja, rakkomandazzjonijiet sabiex titjieb l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE dwar l-ilma, u li jibqgħu involuti mill-qrib fil-politika futura Ewropea dwar l-ilma. |
Kuntest u limiti tal-opinjoni fuq inizjattiva proprja
12. |
Fil-passat, il-Kumitat diġà esprima ruħu kemm-il darba dwar kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni tal-ilma. L-opinjoni fuq inizjattiva proprja hija segwitu ta’ opinjonijiet preċedenti tal-KtR, bħall-
|
13. |
jenfasizza, sa fejn jirrigwardaw l-effetti tat-tibdil tal-klima fuq il-ġestjoni tal-ilma, il-bżonn li l-miżuri politiċi fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE jkunu marbuta mill-qrib mal-miżuri fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, u jirreferi f’dan ir-rigward għall-Opinjoni dwar “Approċċ integrat għal strateġija ġdida tal-UE għall-adattament għat-tibdil tal-klima” CdR 2430/2016; |
14. |
jirrikonoxxi kemm hi vasta l-politika dwar l-ilma u huwa tal-fehma li din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tpoġġi enfasi fuq il-ġestjoni tal-ilma domestiku, jiġifieri l-kwalità tal-ilma, in-nuqqas tal-ilma ħelu, kif ukoll il-ħarsien kontra l-għargħar. Għalhekk ma tqisx il-ġestjoni tal-ilma tal-baħar u tal-oċean, id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina u d-Direttiva dwar l-ippjanar tal-ispazju marittimu kif indirizzati minn opinjonijiet preċedenti tal-KtR. |
L-importanza ta’ ġestjoni tajba tal-ilma
15. |
jiġbed l-attenzjoni għall-isfidi prinċipali li qegħdin niffaċċjaw fil-qasam tal-ġestjoni tal-ilma b’riżultat tat-tibdil tal-klima u l-intensifikazzjoni dejjem tiżdied tal-użu tal-art:
|
16. |
jiġbed l-attenzjoni għall-valur ekonomiku sinifikanti tas-settur tal-ilma u l-importanza ekonomika ta’ ġestjoni tajba tal-ilma. Xi eżempji jinkludu:
|
Il-ħtieġa għal tip differenti ta’ politika
17. |
Minħabba li għad hemm ħafna inċertezzi dwar il-firxa u l-impatt tal-problemi futuri tal-ilma, kif ukoll minħabba li l-qafas legali huwa differenti, il-Kumitat jemmen li politika bbażata fuq “blueprint” tista’ titqies bħala punt ta’ tluq tajjeb għat-titjib tar-relazzjoni bejn id-diversi istituzzjonijiet u sabiex jiġu esplorati approċċi innovattivi ġodda għall-mod kif issir il-politika li jippermettu kollaborazzjoni bejn id-diversi oqsma settorjali, billi jiġu mfittxa sinerġiji u jiġu evitati l-kunflitti. Huwa meħtieġ li tiġi implimentata l-hekk imsejħa “politika ta’ adattament”. It-tabella ta’ hawn taħt turi sommarju tal-għażliet differenti.
|
18. |
jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tesplora l-għażliet possibbli għal politika ta’ adattament fi ħdan il-qasam tal-politika tal-ilma bħala parti mir-reviżjoni li ġejja tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, il-miżuri dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma, ir-reviżjoni possibbli tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi u, fl-aħħar, ir-reviżjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. Din il-kwistjoni għandha tkun iffukata fuq l-aktar rekwiżiti importanti għall-politika ta’ adattament, jiġifieri l-integralità, l-iskambju tal-informazzjoni, il-flessibbiltà u d-divrenzjar fl-għanijiet u fl-isforzi u l-innovazzjoni. Meta tistħarreġ il-possibbiltajiet għal politika ġdida, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex tiżgura li kwalunkwe proposta futura tkun fl-aħjar interessi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u tappoġġja pjuttost milli tnaqqas il-kompetenzi tagħhom; |
Politika integrata
19. |
jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tibdel il-politiki tagħha tal-ilma li huma prinċipalment settorjali f’politika integrata u għaldaqstant jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li l-ġestjoni tal-ilma hija inkluża bħala element orizzontali f’oqsma oħra ta’ politika li huma marbutin mill-qrib ma’ din ir-riżorsa, bħall-konsum mill-bniedem, l-enerġija, l-agrikoltura, is-sajd, it-turiżmu, l-ambjent, eċċ.; |
20. |
jemmen li l-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas għandhom ikomplu jintużaw bħala l-punt tat-tluq fil-qasam tal-politika tal-ilma. Madankollu, meta jittieħed approċċ divrenzjat, il-possibilitajiet kollha għandhom jibqgħu miftuħin bil-għan li jiġu adottati s-soluzzjonijiet l-aktar effettivi u effiċjenti, b’tali mod li f’każijiet eċċezzjonali, wieħed ikun jista’ jitbiegħed mill-punt inizjali nnifsu. Dawn is-soluzzjonijiet jistgħu jinkisbu permezz ta’ approċċi xjentifiċi innovattivi u speċifiċi u ambjentalment sostenibbli. |
21. |
jiġbed l-attenzjoni f’dan il-kuntest għall-fatt li l-enerġija u/jew l-ispejjeż tal-enerġija jistgħu jkunu ta’ ostaklu kbir biex jiġu applikati soluzzjonijiet innovattivi u mhux konvenzjonali għall-iskarsezza tal-ilma, bħalma huwa t-trasport tal-ilma f’żoni niexfa jew f’impjanti tad-desalinizzazzjoni u jenfasizza li l-użu tal-enerġija rinnovabbli f’dan il-kuntest, kif ukoll il-potenzjal tal-ilma nnifsu bħala sors ta’ enerġija, għandhom jitqiesu meta jkunu qed jitfasslu politiki tal-UE; |
22. |
jiġbed l-attenzjoni għaż-żieda fl-użu ta’ mediċini, bħal pereżempju l-antibijotiċi, fejn is-sustanzi attivi jgħaddu mis-sistema tad-drenaġġ u jilħqu l-ilma tal-wiċċ. Dan iwassal mhux biss għall-ħtieġa ta’ sforz akbar sabiex jiġi prodott l-ilma tax-xorb mill-ilma tal-wiċċ, iżda jista’ jwassal ukoll għal riskju akbar ta’ immunità għall-batterji. Is-soluzzjoni għal din il-problema tinsab f’approċċ li jiffoka fuq is-sorsi mxerrda tal-mediċina residwa: skart tal-mediċina u mediċina li tibqa’ fl-awrina u fil-ħmieġ; |
23. |
iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex, fil-politiki tal-ilma tagħhom, jinkludu l-kunċetti tal-infrastruttura ekoloġika u tal-miżuri għaż-żamma tal-ilma naturali minflok jew flimkien ma’ miżuri strutturali (grey structural measures) tradizzjonali (eż. biex jitnaqqsu l-pressjonijiet idromorfoloġiċi fil-baċini tax-xmajjar) fil-programmi operazzjonali tagħhom taħt il-FSIE (eż. għar-restawr tal-artijiet mistagħdra u l-foresti), jew fl-ippjanar urban (eż. għall-ħżin tal-ilma tax-xita (biex jintuża mill-ġdid) jew biex tiżdied iż-żamma tal-ilma biex jitnaqqas l-impatt tal-għargħar); |
24. |
jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li tittejjeb il-ġestjoni tal-ilma billi tingħata għajnuna għall-protezzjoni tal-provvisti ta’ ilma nadif fi żminijiet ta’ diżastri naturali (12); |
25. |
iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jinvolvu ruħhom ma’ kumpaniji tal-assigurazzjoni u l-gvern nazzjonali biex jiżguraw li l-djar, l-irziezet u n-negozji kollha li jistgħu jiġu affettwati minn għargħar jistgħu jiksbu assigurazzjoni raġonevoli. Aktar xogħol huwa wkoll meħtieġ biex ikun iggarantit li l-partijiet interessati kollha jagħrfu li l-bini tar-reżiljenza fil-bidu huwa l-aktar mod effettiv biex jimminimizzaw ir-riskji u jnaqqsu l-ispejjeż fit-tul mid-diżastri naturali; |
L-iskambju ta’ informazzjoni fost dawk li jfasslu l-politika u dawk li jimplimentawha
26. |
peress li l-objettivi tad-diversi oqsma ta’ politika huma aċċettabbli (politika ppjanata), iżda l-miżuri meħtieġa huma ħafna drabi konfliġġenti fl-implimentazzjoni, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-reġjuni u l-bliet, bħala l-livell fejn issir l-implimentazzjoni, ta’ spiss iridu jilħqu kompromess bejn dawn il-miżuri konfliġġenti; |
27. |
jitlob lill-Kummissjoni Ewropea sabiex jiġi intensifikat l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali li huma responsabbli mill-implimentazzjoni tal-politika tal-ilma, u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fi Brussell u tiġi integrata l-informazzjoni dwar l-għanijiet konfliġġenti, pereżempju, fil-politika l-ġdida tagħha jew fl-emendi tal- politika tagħha. |
Ir-reviżjoni u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni eżistenti
28. |
jistenna li r-reviżjoni ppjanata tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb ittejjeb is-sistemi ta’ monitoraġġ u l-parametri ta’ analiżi, tiżgura aċċess aħjar għall-informazzjoni dwar il-kwalità tal-ilma tax-xorb għaċ-ċittadini, tindirizza l-problema tat-tnixxijiet, tiżviluppa l-qafas regolatorju għall-provvisti individwali tal-ilma tax-xorb żgħar jew individwali, tipproponi soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati minn materjali f’kuntatt mal-ilma tax-xorb, u taġġorna d-derogi mil-leġislazzjoni attwali; |
29. |
jisħaq li reviżjoni futura tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi għandu jkollha l-għan, b’mod partikolari, li ttejjeb il-monitoraġġ, ir-rappurtar u t-tixrid pubbliku tad-data, u jenfasizza bil-qawwa li jitqiesu r-rabtiet għall-ekonomija ċirkolari u l-effiċjenza tar-riżorsi fl-UE. Lill-Istati Membri għandu jitnaqqsilhom ir-rekwiżiti ta’ rappurtar tagħhom mill-inqas sal-limitu tal-obbligi li jkunu diġà ntlaħqu; |
30. |
jilqa’ l-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea li tevalwa “id-distanza għall-konformità” li tiffoka fuq il-lakuni li fadal fl-ilma ħażin li fil-fatt jinġabar b’mod korrett, konness u trattat u tikkumplementa l-valutazzjoni uffiċjali tal-konformità mal-obbligi legali li jirriżultaw mid-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (UWWTD); jinnota b’sodisfazzjon li l-Kummissjoni Ewropea fit-8 rapport ta’ implimentazzjoni tagħha tal-UWWTD għall-ewwel darba pproċessat u inkludiet riżultati fil-livell reġjonali u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex iżżomm kemm “id-distanza għall-konformità” kif ukoll l-approċċi reġjonali u tiżviluppahom aktar f’kooperazzjoni ma ‘atturi lokali u reġjonali; |
31. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex inaqqsu l-iskarsezza tal-ilma u jżidu aktar l-effiċjenza fl-użu tal-ilma, b’mod partikolari billi:
|
Flessibbiltà u divrenzjar tal-għanijiet
32. |
jinnota li hemm tensjoni bejn l-għanijiet tal-kwalità tal-ilma u l-Politika Agrikola Komuni (PAK), u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura koordinazzjoni aħjar bejn dawn iż-żewġ oqsma ta’ politika. L-UE għandha tevita li żżid dawn il-kontradizzjonijiet u l-piż amministrattiv relatat biex timplimenta leġislazzjoni potenzjalment konfliġġenti, iżda pjuttost għandha tfittex l-aktar kompromessi effiċjenti, kosteffettivi u li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku; |
33. |
jikkunsidra li huwa xieraq u meħtieġ li jkun hemm progress fl-integrazzjoni fi ħdan id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tad-Direttiva 91/676/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli bil-għan li jiġu omoġenizzati l-miżuri sabiex jinżammu fi stat tajjeb il-korpi tal-ilma u li tiġi salvagwardjata l-kwalità tal-ilma tax-xorb; |
34. |
jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tesplora l-possibbiltajiet għal politika aktar flessibbli u divrenzjata dwar l-ilma. Il-flessibbiltà hija meħtieġa minħabba l-inċertezza rigward il-problemi futuri marbuta mal-ilma. Dan ifisser li huwa inevitabbli li l-għanijiet u l-approċċ tal-politika dwar l-ilma jeħtieġ li jsibu bilanċ bejn iċ-ċertezza legali meħtieġa sabiex minn naħa waħda tippermetti ippjanar fit-tul u investimenti bi spejjeż intensivi multiannwali, u min-naħa l-oħra il-ħtieġa li jiġu adattati għal ċirkostanzi ġodda meta meħtieġ. Id-divrenzjar tal-għanijiet skont il-mument u l-post huwa utli sabiex tissaħħaħ l-effettività tal-miżuri u jiżdied l-appoġġ tagħhom (13), mingħajr ma dan iwassal biex jitnaqqsu l-ambizzjonijiet. |
35. |
Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa alternattiva għall-istandard ta’ monitoraġġ “one-out = all-out” fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. Il-prinċipju “one out = all out” ma jipprovdix stampa ċara tal-qagħda ekoloġika u kimika attwali u tal-isforzi li diġà saru biex tittejjeb il-kwalità tal-ilma. Jeħtieġ li jiġi żviluppat strument ta’ monitoraġġ, li jirrifletti r-riżultati miksuba fl-Istati Membri, fost affarijiet oħra sabiex jiġi garantit li jiġu aċċettati l-miżuri meħtieġa. |
Riċerka u Innovazzjoni
36. |
huwa konvint li apparti innovazzjoni fil-politika, innovazzjonijiet tekniċi ulterjuri huma tal-akbar importanza biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali u futuri fil-qasam tal-ilma (14). Sabiex jiġi appoġġat dan it-tip ta’ innovazzjoni, jenfasizza l-benefiċċju possibbli ta’ aġenda ta’ azzjoni ta’ innovazzjoni fil-livell tal-UE dwar l-ilma lejn soċjetà intelliġenti sostenibbli u ċirkolari fir-rigward tal-ilma. Qafas bħal dan għandu jgħin jinkoraġixxi lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea, biex japplikaw l-approċċi innovattivi sistemiċi u biex jiżviluppaw sħubijiet fil-kuntest ta’ proġetti ta’ innovazzjoni fil-qasam tal-ilma. Għalkemm il-pjattaformi ta’ għarfien u l-possibbiltajiet ta’ finanzjament attwali qegħdin jiġu żviluppati, jissaħħu u jespandu b’mod konsiderevoli, il-Kumitat jidentifika żewġ ostakoli li ma jippermettux li jiġu introdotti soluzzjonijiet innovattivi. Il-Kumitat għalhekk jappella lill-Kummissjoni Ewropea sabiex:
|
Konklużjoni
37. |
jenfasizza li l-ġestjoni tal-ilma hija qasam politiku kbir ta’ kapital intensiv fejn isiru investimenti kbar. Fil-futur, dawn l-investimenti ser ikomplu biss jiżdiedu. Permezz ta’ ambitu usa’ tad-definizzjoni tal-problemi u s-soluzzjonijiet possibbli u t-titjib tal-integrazzjoni diġà proposta għar-regolament attwali bejn oqsma ta’ politika relatati (bħall-agrikoltura, l-enerġija, is-saħħa) jista’ jitnaqqas ir-riskju ta’ inqas investiment, jinfetħu opportunitajiet ġodda u jinħolqu l-kondizzjonijiet għall-innovazzjoni. L-isfida tinsab fit-tfassil ta’ deċiżjonijiet raġonevoli li jqisu dak li rridu nippreservaw issa, iżda li jipprovdu wkoll ambitu suffiċjenti sabiex jiġu indirizzati l-isfidi futuri inċerti biex naslu għal Manage the source of life! |
Brussell, id-9 ta’ Frar 2017.
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Markku MARKKULA
(1) Id-Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art (2006), Id-Direttiva dwar standards ta’ kwalità ambjentali (2008), id-Direttiva dwar l-Ilma Urban Mormi (1991), id-Direttiva dwar in-Nitrati (1991), id-Direttiva l-ġdida dwar l-Ilma għall-Għawm (2006), id-Direttiva dwar l-Ilma għax-Xorb (1998), id-Direttiva dwar l-Għargħar (2007), id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (2008) u żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (2005 u 2008) dwar l-istat ekoloġiku;
(2) Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2017, COM(2016) 710 final, Anness I.
(3) ĠU C 17, 19.1.2013, p. 91.
(4) ĠU C 218, 30.7.2013, p. 53.
(5) ĠU C 277, 13.9.2012, p. 74.
(6) ĠU C 259, 2.9.2011, p. 13.
(7) WssTP Water Vision 2030 “The Value of Water: Towards a Future proof model for a European water-smart society”, Ottubru 2016. http://wsstp.eu/publications/
(8) Rapport tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-iżvilupp tal-ilma fid-dinja, 2016.
(9) COM(2012) 216 final.
(10) Eurostat (2013) in COM(2014) 363 final.
(11) Forzieri, G. et al., “Multi-hazard assessment in Europe under climate change”, Climatic Change, Volum 137, Ħarġa 1, Lulju 2016, pp. 105-119.
(12) CdR 2646/2014.
(13) Pereżempju, f’żona ta’ baċir, il-miżuri upstream huma ħafna iktar effettivi mill-miżuri downstream sabiex jiġu miġġielda l-għargħar jew titjieb il-kwalità tal-ilma. Fl-istess ħin, huwa evidenti li r-reġjuni downstream għandhom jikkontribwixxu għall-miżuri upstream.
(14) Wara purifikazzjoni sekondarja, l-ilma mormi huwa sors tajjeb għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb, speċjalment meta mqabbel mad-desalinazzjoni. Madankollu, l-isfida hija l-aċċettazzjoni mill-pubbliku.