Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024XC05687

Avviż tal-Kummissjoni — Linji Gwida Interpretattivi dwar ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet u dwar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbiltà ta’ trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ inċidenti

C/2024/6546

ĠU C, C/2024/5687, 25.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5687/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5687/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/5687

25.9.2024

AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI

Linji Gwida Interpretattivi dwar ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet u dwar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbiltà ta’ trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ inċidenti

(C/2024/5687)

WERREJ

1.

INTRODUZZJONI 3

2.

KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAR- REGOLAMENT (KE) NRU 261/2004 5

2.1.

Kamp ta’ applikazzjoni territorjali 5

2.1.1.

Kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku 5

2.1.2.

Kunċett ta’ “titjira” f’konformità mal-Artikolu 3(1)(a) 6

2.1.3.

Titjiriet fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 6

2.1.4.

Titjiriet barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 7

2.1.5.

Kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 fir-rigward tal-kumpens jew l-assistenza riċevuta f’pajjiż mhux tal-UE u l-effetti fuq id-drittijiet tar-riċevituri skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 7

2.2.

Kamp ta’ applikazzjoni materjali 8

2.2.1.

Nuqqas ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għall-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-ħelikopter 8

2.2.2.

Nuqqas ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għall-passiġġieri li jivvjaġġaw mingħajr ħlas jew b’tariffa mnaqqsa mhux disponibbli direttament jew indirettament għall-pubbliku 8

2.2.3.

Rekwiżit li l-passiġġieri jkunu preżenti għar-reġistrazzjoni 8

2.2.4.

Applikazzjoni għat-trasportaturi tal-ajru li qed joperaw 9

2.2.5.

Eventwalitajiet li għalihom japplika r-Regolament (KE) Nru 261/2004 9

2.2.6.

Nuqqas ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għal vjaġġi multimodali 9

2.2.7.

Kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 fir-rigward tad-Direttiva (UE) 2015/2302 (id-Direttiva dwar il-Pakkett tal-Ivjaġġar) 9

3.

EVENTWALITAJIET LI JAGĦTU DRITTIJIET SKONT IR-REGOLAMENT (KE) NRU 261/2004 10

3.1.

Imbarkazzjoni miċħuda 10

3.1.1.

Kunċett ta’ “imbarkazzjoni miċħuda” 10

3.1.2.

Drittijiet assoċjati ma’ imbarkazzjoni miċħuda 11

3.2.

Kanċellazzjoni 12

3.2.1.

Definizzjoni ta’ kanċellazzjoni 12

3.2.2.

Bidla fil-ħin tat-tluq 12

3.2.3.

Każ ta’ inġenju tal-ajru li jirritorna lejn il-punt tat-tluq tiegħu 12

3.2.4.

Titjira ddevjata 13

3.2.5.

Oneru tal-provi fl-avveniment ta’ kanċellazzjoni 13

3.2.6.

Drittijiet assoċjati mal-kanċellazzjoni 13

3.3.

Dewmien 13

3.3.1.

Dewmien fit-tluq 13

3.3.2.

“Dewmien twil” mal-wasla 13

3.3.3.

Kejl tad-dewmien mal-wasla u l-kunċett tal-ħin tal-wasla 13

3.4.

Tqegħid fi klassi superjuri jew inferjuri 14

3.4.1.

Definizzjoni ta’ tqegħid fi klassi superjuri jew inferjuri 14

3.4.2.

Drittijiet assoċjati mat-tqegħid fi klassi superjuri jew inferjuri 14

4.

DRITTIJIET TAL-PASSIĠĠIERI 15

4.1.

Dritt għall-informazzjoni 15

4.1.1.

Dritt ġenerali għall-informazzjoni 15

4.1.2.

Informazzjoni li trid tiġi pprovduta f’każ ta’ dewmien, imbarkazzjoni miċħuda jew kanċellazzjoni 15

4.2.

Dritt għal rimborż, rotta alternattiva jew prenotazzjoni mill-ġdid f’każ ta’ imbarkazzjoni miċħuda jew kanċellazzjoni 16

4.3.

Dritt għall-assistenza f’każ ta’ imbarkazzjoni miċħuda, kanċellazzjoni jew dewmien fit-tluq 18

4.3.1.

Kunċett tad-dritt għall-assistenza 18

4.3.2.

Provvista ta’ ikliet, ħwejjeġ oħrajn ta’ xorb u ikel u akkomodazzjoni 18

4.3.3.

Assistenza f’ċirkostanzi straordinarji jew eventwalitajiet eċċezzjonali 20

4.4.

Dritt għal kumpens f’każ ta’ imbarkazzjoni miċħuda, kanċellazzjoni, dewmien fil-wasla u rotta alternattiva, u rimborż għal tqegħid fi klassi inferjuri 20

A.

Ġenerali 20

B.

Kumpens fl-eventwalità ta’ imbarkazzjoni miċħuda 20

4.4.1.

Kumpens, imbarkazzjoni miċħuda u ċirkostanzi eċċezzjonali 20

4.4.2.

Kumpens, imbarkazzjoni miċħuda u titjiriet konnessi 20

4.4.3.

Ammont tal-kumpens 21

C.

Kumpens fl-eventwalità ta’ kanċellazzjoni 21

4.4.4.

Każ ġenerali 21

4.4.5.

Ammont ta’ kumpens 21

4.4.6.

Obbligu li l-passiġġieri jiġu infurmati 21

D.

Kumpens fil-każ ta’ dewmien twil mal-wasla 22

4.4.7.

“Dewmien twil” mal-wasla 22

4.4.8.

Kumpens għal dewmien twil mal-wasla fil-każ ta’ titjiriet konnessi 22

4.4.9.

Kumpens għal dewmien twil mal-wasla jekk passiġġier jaċċetta titjira lejn ajruport alternattiv minflok dak li għalih tkun saret il-prenotazzjoni 22

4.4.10.

Ammont ta’ kumpens 23

4.4.11.

Kalkolu tad-distanza abbażi tal-“vjaġġ” biex jiġi ddeterminat il-kumpens fl-eventwalità ta’ dewmien twil fid-destinazzjoni finali 23

E.

Kumpens fl-eventwalità ta’ rotta alternattiva 23

4.4.12.

Rekwiżit li l-passiġġieri jingħataw rotta alternattiva fi żmien xieraq 23

4.4.13.

Rotta alternattiva u wasla aktar minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat iżda inqas minn 3 sigħat 24

F.

Rimborż fl-eventwalità ta’ tqegħid fi klassi inferjuri 24

4.4.14.

Kalkolu tal-ammont 24

G.

Kumpens ulterjuri 24

5.

ĊIRKOSTANZI STRAORDINARJI 24

5.1.

Prinċipju 24

5.2.

Avvenimenti “interni” u “esterni” 25

5.2.1.

Kunċett 25

5.2.2.

Avvenimenti “interni” 25

5.2.3.

Avvenimenti “esterni” 27

5.3.

Miżuri raġonevoli li t-trasportatur tal-ajru jista’ jkun mistenni li jieħu f’ċirkostanzi straordinarji 28

5.4.

Ċirkostanzi straordinarji fuq titjira preċedenti bl-istess inġenju tal-ajru 29

6.

DRITTIJIET TAL-PASSIĠĠIERI FIL-KAŻ TA’ INTERRUZZJONIJIET MASSIVI FL-IVVJAĠĠAR 29

6.1.

Ġenerali 29

6.2.

Dritt għal rotta alternattiva jew rimborż 29

6.3.

Dritt għall-assistenza 30

6.4.

Dritt għal kumpens 30

7.

KUMPENS, RIMBORŻ, ROTTA ALTERNATTIVA U ASSISTENZA FIL-KAŻ TA’ VJAĠĠI MULTIMODALI 31

8.

ILMENTI LIL KORPI NAZZJONALI TAL-INFURZAR, ENTITAJIET TA’ SOLUZZJONI ALTERNATTIVA GĦAT-TILWIM U PROTEZZJONI TAL-KONSUMATURI SKONT IR-REGOLAMENT DWAR KOOPERAZZJONI FIL-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATURI 31

8.1.

Ilmenti lil korpi nazzjonali tal-infurzar 31

8.2.

Soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR) 32

8.3.

Aktar mezzi biex il-partijiet ikkonċernati jiġu assistiti fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 32

9.

TEĦID TA’ AZZJONI SKONT IR-REGOLAMENT (KE) NRU 261/2004 33

9.1.

Ġuriżdizzjoni li taħtha tista’ titressaq azzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 33

9.2.

Limitu ta’ żmien għat-tressiq ta’ azzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 34

10.

RESPONSABBILTÀ TAT-TRASPORTATUR TAL-AJRU SKONT IL-KONVENZJONI TA’ MONTREAL 34

1.   INTRODUZZJONI

Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Frar 2005. Ir-Regolament jistabbilixxi livell minimu ta’ standards ta’ kwalità għall-protezzjoni tal-passiġġieri, u jżid dimensjoni importanti tal-konsumatur mal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-avjazzjoni.

Il-White Paper tal-Kummissjoni dwar it-Trasport, adottata fit-28 ta’ Marzu 2011  (2), fost l-inizjattivi tagħha semmiet il-ħtieġa li “tiġi żviluppata interpretazzjoni uniformi tal-liġijiet tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri u l-infurzar armonizzat u effettiv, sabiex jiġu żgurati kemm kundizzjonijiet ekwi għall-industrija kif ukoll standard Ewropew ta’ protezzjoni għaċ-ċittadini”.

Fir-rigward tat-trasport bl-ajru, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ April 2011  (3) uriet kif id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 kienu qed jiġu interpretati b’diversi modi, minħabba żoni griżi u lakuni fit-test attwali, u li l-infurzar varja bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni żvelat li huwa diffiċli għall-passiġġieri li jasserixxu d-drittijiet individwali tagħhom.

Fid-29 ta’ Marzu 2012, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni (4) bi tweġiba għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ April 2011. Il-Parlament enfasizza l-miżuri li huwa jqis essenzjali biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-passiġġieri, b’mod partikolari l-applikazzjoni xierqa tar-regoli eżistenti mill-Istati Membri u mit-trasportaturi tal-ajru, l-infurzar ta’ mezzi ta’ rimedju suffiċjenti u sempliċi, u l-għoti ta’ informazzjoni akkurata lill-passiġġieri dwar id-drittijiet tagħhom.

Sabiex tiċċara d-drittijiet, tiżgura applikazzjoni aħjar tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 mit-trasportaturi tal-ajru, u tiżgura l-infurzar tar-Regolament mill-korpi nazzjonali tal-infurzar, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal emenda tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 u tar-Regolament (KE) Nru 2027/97 (5)  (6) fl-2013. Il-proposta bħalissa qed tiġi eżaminata mil-leġiżlatura tal-UE (7).

Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tagħha tas-7 ta’ Diċembru 2015 dwar strateġija tal-avjazzjoni għall-Ewropa (8), il-Kummissjoni adottat Linji Gwida Interpretattivi dwar ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 u dwar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 (9) fl-2016.

Il-ġurisprudenza kellha impatt sinifikanti fuq l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004. F’ħafna okkażjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-“Qorti”) intalbet mill-qrati nazzjonali biex tiċċara ċerti dispożizzjonijiet, inklużi aspetti ewlenin tar-Regolament. Is-sentenzi interpretattivi tagħha jirriflettu l-istat attwali tad-dritt tal-UE, li għandu jiġi applikat mill-awtoritajiet nazzjonali. Evalwazzjoni mwettqa fl-2010 (10) u valutazzjoni tal-impatt imwettqa fl-2012 (11) it-tnejn enfasizzaw l-abbundanza ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-Qorti. Għalhekk huwa ċar li jeħtieġ li jittieħdu passi biex jiġi żgurat fehim komuni u infurzar xieraq tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 fl-UE kollha.

Dawn il-Linji Gwida Interpretattivi jaġġornaw il-Linji Gwida preċedenti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru biex jinkludu d-deċiżjonijiet rilevanti tal-Qorti mogħtija bejn l-2016 u l-pubblikazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida. Fost affarijiet oħra, dawn għandhom l-għan li jipprovdu aktar ċarezza dwar għadd ta’ dispożizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 261/2004, b’mod partikolari fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti (12). Dan għandu jippermetti li r-regoli attwali jiġu infurzati b’mod aktar effettiv u konsistenti. Żdiedet taqsima ġdida dwar interruzzjonijiet massivi fl-ivvjaġġar (it-Taqsima 6).

Dawn il-Linji Gwida huma maħsuba biex jindirizzaw il-kwistjonijiet li jitqajmu l-aktar spiss mill-korpi nazzjonali tal-infurzar, mill-passiġġieri u mill-assoċjazzjonijiet tagħhom, mill-Parlament Ewropew u mir-rappreżentanti tal-industrija. Ma jippruvawx ikopru d-dispożizzjonijiet kollha b’mod eżawrjenti, u lanqas ma joħolqu xi dispożizzjoni legali ġdida. Barra minn hekk, ta’ min jinnota li l-linji gwida interpretattivi ma għandhom l-ebda effett fuq l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti (13).

Dawn il-Linji Gwida huma relatati wkoll mar-Regolament (KE) Nru 2027/97 u mal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli tat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru (il-“Konvenzjoni ta’ Montreal”) (14). Ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 għandu skop doppju: l-ewwel nett, l-allinjament tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi tal-ajru fir-rigward tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, li l-Unjoni hija waħda mill-partijiet kontraenti tagħha, u t-tieni nett, l-estensjoni tal-applikazzjoni tar-regoli tal-Konvenzjoni biex ikopru s-servizzi tal-ajru pprovduti fit-territorju ta’ Stat Membru.

Barra minn hekk, dawn il-Linji Gwida jindirizzaw kwistjonijiet ta’ ġuriżdizzjoni fir-rigward tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

Kif imħabbar fl-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti tagħha (16), il-Kummissjoni rrieżaminat il-qafas tad-drittijiet tal-passiġġieri, u pproponiet emendi addizzjonali tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 fid-29 ta’ Novembru 2023  (17). B’dawn il-Linji Gwida Interpretattivi, il-Kummissjoni ma tfittixx li tissostitwixxi jew li tissupplimenta dik il-proposta u lanqas il-proposta tal-2013 biex jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 2027/97, iżda pjuttost li tiżgura applikazzjoni u infurzar aħjar tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 u tar-Regolament (KE) Nru 2027/97.

2.   KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAR- REGOLAMENT (KE) NRU 261/2004

2.1.   Kamp ta’ applikazzjoni territorjali

2.1.1.   Kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament għall-passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplika t-Trattat u l-passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinsab f’pajjiż terz (jiġifieri, f’pajjiż li mhuwiex Stat Membru) għal ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplika t-Trattat jekk it-trasportatur tal-ajru li qed jopera jkun liċenzjat fi Stat Membru (“trasportatur tal-UE”).

Skont l-Artikolu 355 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), id-dritt tal-UE ma japplikax għall-pajjiżi u għat-territorji elenkati fl-Anness II tat-TFUE (18). Minflok, dawn il-pajjiżi u t-territorji huma soġġetti għall-arranġamenti speċjali għall-assoċjazzjoni stabbiliti fir-Raba’ Parti tat-TFUE. Barra minn hekk, id-dritt tal-UE ma japplikax għall-Gżejjer Faeroe (19). Għalhekk, dawn it-territorji jridu jitqiesu bħala pajjiżi mhux tal-UE skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (20).

Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 355(1) tat-TFUE, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati japplikaw għal Guadeloupe, għall-Guyana Franċiża, għal Martinique, għal Mayotte, għal Réunion, għal Saint Barthélemy, għal Saint-Martin, għall-Azores, għal Madeira u għall-Gżejjer Kanarji. Għalhekk, dawn it-territorji huma parti mill-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 261/2004.

2.1.2.   Kunċett ta’ “titjira” f’konformità mal-Artikolu 3(1)(a)

Il-Qorti sabet li vjaġġ li jinvolvi titjiriet ta’ tluq u ta’ ritorn ma jistax jitqies bħala titjira waħda. Il-kunċett ta’ “titjira” skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 irid jiġi interpretat bħala li jikkonsisti essenzjalment f’operazzjoni ta’ trasport bl-ajru, li hija bħala “unità” ta’ tali trasport, imwettqa minn trasportatur tal-ajru li jiffissa l-itinerarju tiegħu (21). Konsegwentement, l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 ma japplikax għall-każ ta’ vjaġġ ta’ tluq u ta’ ritorn li fih il-passiġġieri li oriġinarjament telqu minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, jivvjaġġaw lura lejn dan l-ajruport fuq titjira operata minn trasportatur tal-ajru mhux tal-UE u li jitilqu minn ajruport li jinsab f’pajjiż mhux tal-UE. Il-fatt li t-titjiriet ta’ tluq u ta’ ritorn huma s-suġġett ta’ prenotazzjoni waħda ma għandu l-ebda effett fuq l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (22).

Jekk vjaġġ ta’ passiġġier — mill-ewwel tluq tal-passiġġier sad-destinazzjoni finali tal-passiġġier — jikkonsisti minn diversi titjiriet, dawn it-titjiriet jitqiesu bħala ħaġa waħda għall-iskopijiet tar-Regolament jekk kienu prenotati bħala unità waħda jew — fi kliem ieħor — jekk huma s-suġġett ta’ prenotazzjoni waħda. Għalhekk, meta jiġi ddeterminat jekk japplikax ir-Regolament (KE) Nru 261/2004, iridu jitqiesu l-post tat-tluq inizjali u d-destinazzjoni finali tal-vjaġġ kollu, irrispettivament minn kwalunkwe waqfa jew ajruport użat matul il-vjaġġ (23).

2.1.3.   Titjiriet fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004

F’diversi sentenzi, il-Qorti ċċarat li r-Regolament jista’ japplika għal interruzzjonijiet fl-ivvjaġġar fuq titjiriet konnessi li seħħew barra mill-UE jew għal inċidenti fuq titjiriet konnessi operati minn trasportatur mhux tal-UE.

Interruzzjoni ta’ titjira tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 anki jekk tkun seħħet barra mill-UE fuq titjira konnessa mill-UE lejn pajjiż mhux tal-UE b’waqfa barra mill-UE u b’bidla fl-inġenju tal-ajru. Il-Qorti kkonfermat li d-dritt għal kumpens għal dewmien twil ta’ titjiriet japplika jekk żewġ titjiriet jew aktar kienu prenotati bħala unità waħda (24).

Fir-rigward tal-parti responsabbli li tikkumpensa lill-passiġġier f’każ ta’ interruzzjoni tal-vjaġġ, il-Qorti iċċarat li kull trasportatur tal-ajru li qed jopera li jkun ipparteċipa fit-twettiq ta’ mill-inqas waħda mit-titjiriet konnessi huwa responsabbli għall-ħlas ta’ dan il-kumpens, irrispettivament minn jekk it-titjira operata minn dan it-trasportatur kinitx il-kawża jew le tal-interruzzjoni tal-vjaġġ (25).

Għalhekk, fil-każ ta’ titjiriet konnessi li kienu s-suġġett ta’ prenotazzjoni waħda u li twettqu skont ftehim ta’ kondiviżjoni tal-kodiċi ma’ trasportatur tal-ajru tal-UE li jwettaq l-ewwel titjira (parti) u trasportatur tal-ajru mhux tal-UE li jwettaq it-tieni parti tal-vjaġġ, passiġġier jista’ jressaq azzjoni għal kumpens kontra t-trasportatur tal-ajru tal-UE, anki jekk il-kawża tad-dewmien tkun feġġet fit-tieni parti tal-vjaġġ (26).

Bl-istess mod, fil-każ ta’ titjiriet konnessi, ipprenotati bħala unità waħda, minn pajjiż mhux tal-UE lejn l-UE b’waqfa fl-UE, il-Qorti ddeċidiet li jekk il-kawża ta’ dewmien twil tirriżulta fl-ewwel titjira operata skont ftehim ta’ kondiviżjoni tal-kodiċi minn trasportatur tal-ajru mhux tal-UE, passiġġier jista’ jressaq azzjoni għal kumpens kontra t-trasportatur tal-ajru tal-UE li jkun wettaq it-tieni titjira (27).

Jekk titjira konnessa mill-UE lejn pajjiż mhux tal-UE tkun ġiet operata fl-intier tagħha minn trasportatur tal-ajru mhux tal-UE u l-prenotazzjoni tkun saret ma’ trasportatur tal-ajru tal-UE, passiġġier ikun intitolat għal kumpens mit-trasportatur tal-ajru mhux tal-UE li jkun opera t-titjiriet f’isem dak it-trasportatur tal-ajru tal-UE, jekk dan il-passiġġier ikun wasal fid-destinazzjoni finali tiegħu b’dewmien ta’ aktar minn 3 sigħat kkawżati fit-tieni parti tat-titjira msemmija (28).

Filwaqt li l-eżempji msemmija hawn fuq kienu jikkonċernaw titjiriet konnessi mwettqa minn trasportaturi tal-ajru taħt ftehimiet ta’ kondiviżjoni tal-kodiċi, il-Qorti għamlitha ċara li l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament ma tagħmel il-klassifikazzjoni bħala titjira konnessa soġġetta għall-kundizzjoni li jkun hemm relazzjoni legali speċifika bejn it-trasportaturi li joperaw it-titjiriet li jiffurmaw it-titjira konnessa (29).

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 japplika wkoll għall-passiġġieri fuq titjira konnessa magħmula minn għadd ta’ titjiriet operati minn trasportaturi tal-ajru operattivi separati li ma għandhomx relazzjoni legali speċifika, jekk dawn it-titjiriet ikunu ġew ikkombinati minn aġenzija tal-ivvjaġġar li tkun talbet prezz kumplessiv u tkun ħarġet biljett uniku għal din l-operazzjoni (30).

2.1.4.   Titjiriet barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004

Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 ma japplikax għall-passiġġieri fuq titjiriet konnessi operati minn trasportatur tal-ajru tal-UE li kienu s-suġġett ta’ prenotazzjoni waħda jekk kemm l-ajruport tat-tluq tal-ewwel parti tal-vjaġġ, kif ukoll l-ajruport tal-wasla tat-tieni parti tal-vjaġġ, ikunu jinsabu f’pajjiż mhux tal-UE, u l-ajruport fejn issir il-waqfa biss ikun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru (31). Għalhekk, il-Qorti ċċarat li l-applikabbiltà tar-Regolament fil-każ ta’ titjira konnessa għandha tiġi stabbilita biss abbażi tal-postijiet ġeografiċi tal-ewwel ajruport tat-tluq u tal-ajruport tad-destinazzjoni finali tal-passiġġier. Jekk it-tnejn ikunu barra mit-territorju tal-UE, il-passiġġieri fuq titjiriet bħal dawn mhumiex koperti mir-Regolament (KE) Nru 261/2004, anki jekk kellhom waqfa waħda jew aktar fl-UE.

2.1.5.   Kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 fir-rigward tal-kumpens jew l-assistenza riċevuta f’pajjiż mhux tal-UE u l-effetti fuq id-drittijiet tar-riċevituri skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004

L-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 jistipula li r-Regolament japplika għall-passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinsab barra mill-UE (jiġifieri f’pajjiż mhux tal-UE) u li jivvjaġġaw lejn l-UE jekk it-titjira tkun operata minn trasportatur tal-ajru liċenzjat fi Stat Membru tal-UE (“trasportatur tal-ajru tal-UE”), sakemm ma jkunux irċevew benefiċċji jew kumpens u ma jkunux ingħataw assistenza f’dak il-pajjiż mhux tal-UE.

Tista’ tqum il-kwistjoni dwar jekk il-passiġġieri li jtiru lejn l-UE minn ajruport ta’ pajjiż mhux tal-UE humiex intitolati għal drittijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 jekk l-intitolamenti li ġejjin ikunu diġà ngħataw skont il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri ta’ pajjiż mhux tal-UE:

(1)

benefiċċji (pereżempju vawċer tal-ivvjaġġar) jew kumpens (l-ammont jista’ jkun differenti minn dak stipulat fir-Regolament (KE) Nru 261/2004); u

(2)

assistenza (bħal rimborż jew rotta alternattiva skont l-Artikolu 8 kif ukoll ikliet, xorb, akkomodazzjoni f’lukanda u faċilitajiet ta’ komunikazzjoni kif speċifikat fl-Artikolu 9 tar-Regolament).

Hawnhekk, il-kelma “u” hija importanti. Pereżempju, jekk il-passiġġieri jkunu ngħataw biss wieħed minn dawn iż-żewġ intitolamenti (pereżempju benefiċċji u kumpens skont (1)), xorta jistgħu jitolbu l-ieħor (f’dan il-każ assistenza skont (2)).

Jekk dawn iż-żewġ drittijiet jingħataw fil-punt tat-tluq jew abbażi tal-leġiżlazzjoni lokali jew fuq bażi volontarja, il-passiġġieri ma jistgħux jitolbu drittijiet ulterjuri skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 peress li r-Regolament ma japplikax (32).

Madankollu, il-Qorti (33) sabet li ma jistax jiġi aċċettat li passiġġier jista’ jiċċaħħad mill-protezzjoni mogħtija mir-Regolament (KE) Nru 261/2004 għar-raġuni biss li l-passiġġier jista’ jibbenefika minn xi kumpens fil-pajjiż mhux tal-UE. F’dan ir-rigward, it-trasportatur tal-ajru li qed jopera għandu juri li l-kumpens mogħti fil-pajjiż mhux tal-UE jikkorrispondi għall-iskop tal-kumpens garantit mir-Regolament (KE) Nru 261/2004 jew li l-kundizzjonijiet li għalihom huma soġġetti l-kumpens u l-assistenza u d-diversi mezzi ta’ implimentazzjoni tagħhom huma ekwivalenti għal dawk previsti mir-Regolament (KE) Nru 261/2004.

2.2.   Kamp ta’ applikazzjoni materjali

2.2.1.   Nuqqas ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għall-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-ħelikopter

Skont l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, ir-Regolament japplika biss għal inġenji tal-ajru bi ġwienaħ fissi operati minn trasportatur tal-ajru liċenzjat. Għalhekk, ma japplikax għas-servizzi tal-ħelikopters.

2.2.2.   Nuqqas ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għall-passiġġieri li jivvjaġġaw mingħajr ħlas jew b’tariffa mnaqqsa mhux disponibbli direttament jew indirettament għall-pubbliku

Skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, ir-Regolament ma japplikax għall-passiġġieri li jivvjaġġaw mingħajr ħlas jew b’tariffa mnaqqsa mhux disponibbli direttament jew indirettament għall-pubbliku.

“Vjaġġar mingħajr ħlas” tfisser li passiġġier jiġi ttrasportat mit-trasportatur tal-ajru mingħajr ebda obbligu ta’ ħlas min-naħa tal-passiġġier. Każijiet fejn in-noll tal-ajru jitnaqqas għal żero iżda l-passiġġieri xorta jkollhom iħallsu għat-taxxi u ħlasijiet oħra sabiex jirċievu l-biljetti tagħhom, ma jaqgħux taħt dan it-terminu.

Jekk biljett inkiseb b’rata mnaqqsa, il-fattur determinanti huwa jekk dan it-tnaqqis huwiex riżervat għal grupp speċifiku ta’ persuni jew jekk huwiex miftuħ għal kull min jixtieq jipprenota, anki jekk jista’ jkun li jkollu jissodisfa ċerti kundizzjonijiet jew rekwiżiti. Biljetti bħal dawn xorta jitqiesu bħala “disponibbli għall-pubbliku” u d-detenturi tagħhom ikunu koperti mir-Regolament.

Madankollu, in-nollijiet speċjali offruti mit-trasportaturi tal-ajru lill-persunal tagħhom jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni. Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 lanqas ma japplika għal passiġġier li jivvjaġġa b’biljett tariffarju preferenzjali maħruġ minn trasportatur tal-ajru bħala parti minn operazzjoni ta’ sponsorizzazzjoni ta’ avveniment, li l-benefiċċju tiegħu huwa ristrett għal ċerti persuni speċifikati u li l-ħruġ tiegħu jeħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel u individwali minn dak it-trasportatur tal-ajru (34).

B’kuntrast ma’ dan, l-Artikolu 3(3) jistipula li r-Regolament japplika għall-passiġġieri li jkollhom biljetti maħruġa skont programm ta’ vjaġġaturi frekwenti jew programm kummerċjali ieħor minn trasportatur tal-ajru jew operatur tat-tours.

Fir-rigward tat-trabi, il-Qorti ddeċidiet li l-passiġġieri li jivvjaġġaw mingħajr ħlas minħabba l-età żgħira tagħhom, iżda li ma għandhomx post allokat jew karta tal-imbarkazzjoni u li isimhom ma jidhirx fuq il-prenotazzjoni li tkun saret mill-ġenituri tagħhom, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (35).

2.2.3.   Rekwiżit li l-passiġġieri jkunu preżenti għar-reġistrazzjoni

Mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 jirriżulta li sabiex ikunu koperti mir-Regolament, il-passiġġieri: (i) għandu jkollhom prenotazzjoni kkonfermata; u (ii) iridu jkunu preżenti għar-reġistrazzjoni fi żmien xieraq. It-tieni rekwiżit ma japplikax fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira.

Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi: il-preżenza tal-passiġġier għar-reġistrazzjoni ma tistax tiġi preżunta minħabba l-fatt li l-passiġġier għandu prenotazzjoni kkonfermata fuq it-titjira kkonċernata (36). L-effettività tal-Artikolu 3(2) tirrikjedi li l-passiġġieri jkunu preżenti fl-ajruport f’ħin xieraq, b’mod aktar speċifiku quddiem rappreżentant tat-trasportatur tal-ajru li qed jopera, sabiex jiġu ttrasportati lejn id-destinazzjoni maħsuba, anki jekk ikunu diġà għamlu r-reġistrazzjoni online qabel ma marru fl-ajruport (37).

Fir-rigward tal-prova li l-passiġġieri kienu effettivament preżenti għar-reġistrazzjoni, il-Qorti kkonfermat li l-passiġġieri li jkollhom prenotazzjoni kkonfermata fuq titjira u li jkunu ħadu dik it-titjira, iridu jitqiesu li ssodisfaw b’mod xieraq ir-rekwiżit li jkunu preżenti għar-reġistrazzjoni qabel it-titjira, mingħajr ma jkunu meħtieġa jippreżentaw, għal dan l-għan, il-karta tal-imbarkazzjoni jew kwalunkwe dokument ieħor li jikkonferma l-preżenza tagħhom, fil-limiti taż-żmien stabbiliti, għar-reġistrazzjoni għat-titjira mdewma. Huwa t-trasportatur tal-ajru li għandu jipprova li dawn il-passiġġieri ma ġewx ittrasportati fuq din it-titjira (38).

Il-Qorti kkonfermat li r-rekwiżit li wieħed ikun preżenti għar-reġistrazzjoni huwa essenzjali f’każijiet fejn il-passiġġieri jixtiequ jitolbu kumpens għal dewmien twil ta’ titjiriet mal-wasla (39). Huwa importanti li wieħed jinnota dan f’sitwazzjonijiet fejn il-passiġġieri jiġu infurmati minn qabel li t-titjira tagħhom se tiġi mdewma, u jiddeċiedu li ma jmorrux fl-ajruport, kemm jekk ikunu ddeċidew li ma jkomplux jivvjaġġaw jew minħabba li jkunu għamlu l-arranġamenti tagħhom stess għal trasport alternattiv.

2.2.4.   Applikazzjoni għat-trasportaturi tal-ajru li qed joperaw

F’konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, it-trasportatur tal-ajru li qed jopera huwa dejjem responsabbli għall-obbligi skont dan ir-Regolament u mhux, pereżempju, trasportatur tal-ajru ieħor li seta’ biegħ il-biljett. In-nozzjoni ta’ trasportatur tal-ajru li qed jopera hija deskritta fil-premessa 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 bħala t-trasportatur “li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira, kemm jekk b’inġenji tal-ajru li qegħdin fil-proprjetà, taħt kiri bl-ekwipaġġ jew mingħajru, jew fuq kwalunkwe bażi oħra”  (40).

Il-Qorti ċċarat li fil-każ ta’ “kiri bl-ekwipaġġ” — fejn linja tal-ajru waħda (il-lokatur) tipprovdi inġenju tal-ajru flimkien mal-ekwipaġġ lil linja tal-ajru oħra (il-lokatarju) — il-lokatur ma jistax jitqies bħala t-trasportatur tal-ajru li qed jopera għall-iskopijiet tar-Regolament (KE) Nru 261/2004. Dan għaliex il-lokatarju xorta jġorr ir-responsabbiltà operattiva għat-titjira, u mhux it-trasportatur tal-ajru li kera l-inġenju tal-ajru u l-ekwipaġġ tiegħu (41).

Fir-rigward tal-liċenzja tal-operat ta’ trasportatur tal-ajru, il-Qorti ċċarat li kumpanija li tkun ippreżentat applikazzjoni għal liċenzja operattiva li tkun għadha ma nħarġitx fil-ħin tat-twettiq ta’ titjira skedata ma tistax taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004. Għalhekk, sabiex il-passiġġieri jkollhom id-dritt għal kumpens skont l-Artikolu 5(1)(c) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, it-trasportatur tal-ajru jrid ikollu liċenzja operattiva valida  (42).

2.2.5.   Eventwalitajiet li għalihom japplika r-Regolament (KE) Nru 261/2004

Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 jipproteġi lill-passiġġieri fil-każ ta’ imbarkazzjoni miċħuda, kanċellazzjoni, dewmien, tqegħid fi klassi superjuri jew inferjuri. Dawn l-eventwalitajiet kif ukoll id-drittijiet mogħtijin lill-passiġġieri meta jimmaterjalizzaw huma deskritti fit-taqsimiet hawn taħt.

2.2.6.   Nuqqas ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għal vjaġġi multimodali

Vjaġġi multimodali li jinvolvu aktar minn mod wieħed ta’ trasport taħt kuntratt ta’ trasport uniku mhumiex koperti bħala tali mir-Regolament (KE) Nru 261/2004. Aktar informazzjoni dwar dan hija pprovduta fit-Taqsima 6.

2.2.7.   Kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 fir-rigward tad-Direttiva (UE) 2015/2302 (id-Direttiva dwar il-Pakkett tal-Ivjaġġar)

L-Artikolu 3(6) u l-premessa 16 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 jistipulaw li dan ir-Regolament japplika wkoll għal titjiriet f’pakkett tal-ivvjaġġar, ħlief jekk pakkett tal-ivvjaġġar jiġi kkanċellat għal raġunijiet oħra għajr il-kanċellazzjoni tat-titjira (pereżempju, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ lukanda). Jiġi ddikjarat ukoll li d-drittijiet mogħtija skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 ma jaffettwawx id-drittijiet mogħtija lill-vjaġġaturi skont id-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (43). Għalhekk, il-vjaġġaturi għandhom, fil-prinċipju, drittijiet fir-rigward kemm tal-organizzatur tal-pakkett skont id-Direttiva (UE) 2015/2302 kif ukoll tat-trasportatur tal-ajru li qed jopera skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004. L-Artikolu 14(5) tad-Direttiva (UE) 2015/2302 jipprevedi wkoll li kwalunkwe dritt għal kumpens jew tnaqqis fil-prezz skont din id-Direttiva ma jaffettwax id-drittijiet tal-vjaġġaturi skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004, iżda jispeċifika li l-kumpens jew it-tnaqqis fil-prezz mogħti skont ir-regolamenti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri u skont din id-Direttiva jridu jitnaqqsu minn xulxin sabiex jiġi evitat kumpens żejjed.

Madankollu, la r-Regolament (KE) Nru 261/2004 u lanqas id-Direttiva (UE) 2015/2302 ma jittrattaw il-kwistjoni dwar jekk huwiex l-organizzatur tal-pakkett jew it-trasportatur tal-ajru li qed jopera li fl-aħħar mill-aħħar għandu jġarrab il-kost tat-trikkib tal-obbligi (44). Għalhekk, is-soluzzjoni ta’ kwistjoni bħal din tiddependi mid-dispożizzjonijiet kuntrattwali bejn l-organizzaturi u t-trasportaturi tal-ajru u l-liġi nazzjonali applikabbli. Kwalunkwe arranġament li jsir f’dan ir-rigward (inklużi arranġamenti prattiċi biex jiġi evitat kumpens żejjed) ma jridx ikollu impatt negattiv fuq il-kapaċità tal-passiġġieri li jindirizzaw it-talbiet tagħhom lill-organizzatur tal-pakkett jew lit-trasportatur tal-ajru u li jiksbu l-intitolamenti xierqa skont id-drittijiet li ma jirriżultawx skont id-Direttiva (UE) 2015/2302.

F’dan ir-rigward, il-Qorti ddeċidiet li skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, il-passiġġieri li għandhom id-dritt li jżommu lill-organizzatur tal-ivvjaġġar responsabbli għar-rimborż tal-biljett tal-ajru tagħhom skont id-Direttiva dwar il-Pakkett tal-Ivvjaġġar, ma jistgħux jibqgħu jitolbu rimborż tal-prezz ta’ dan il-biljett mit-trasportatur tal-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004, anki jekk l-organizzatur tal-vjaġġi ma jkunx finanzjarjament kapaċi jirrimborża l-kost tal-biljett u ma jkun ħa l-ebda miżura biex jiggarantixxi tali rimborż (45). Fi kliem ieħor, il-passiġġieri li huma intitolati li jitolbu rimborż mingħand l-organizzatur tal-ivvjaġġar tagħhom skont id-Direttiva (UE) 2015/2302 ma jistgħux jitolbu rimborż mingħand it-trasportatur tal-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004.

Madankollu, vjaġġatur jista’ jfittex kumpens direttament mingħand it-trasportatur tal-ajru għal titjiriet imdewmin għal 3 sigħat jew aktar jew ikkanċellati, anki jekk ma jkun hemm l-ebda kuntratt bejn dan il-vjaġġatur u t-trasportatur tal-ajru rispettiv u t-titjira tkun parti minn pakkett (46).

3.   EVENTWALITAJIET LI JAGĦTU DRITTIJIET SKONT IR-REGOLAMENT (KE) NRU 261/2004

3.1.   Imbarkazzjoni miċħuda

3.1.1.   Kunċett ta’ “imbarkazzjoni miċħuda”

Il-kunċett ta’ “imbarkazzjoni miċħuda” ma jirrigwardax biss il-każijiet ta’ prenotazzjoni eċċessiva, iżda wkoll il-każijiet l-imbarkazzjoni tiġi miċħuda għal raġunijiet oħra, bħal raġunijiet operattivi (47). F’konformità mal-Artikolu 2, il-punt (j), tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, “imbarkazzjoni miċħuda” ma tkoprix sitwazzjoni fejn ikun hemm raġunijiet raġonevoli għaċ-ċaħda li jiġu ttrasportati passiġġieri fuq titjira minkejja li jkunu preżenti fil-ħin għat-titjira, bħal raġunijiet ta’ saħħa, sikurezza jew sigurtà, jew dokumentazzjoni tal-ivvjaġġar inadegwata.

Jekk it-titjira oriġinali ta’ passiġġier li jkollu prenotazzjoni kkonfermata tiġi mdewma u l-passiġġier jingħata rotta alternattiva fuq titjira oħra, dan ma jikkostitwixxix imbarkazzjoni miċħuda skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (j), tar-Regolament (KE) Nru 261/2004.

Jekk il-passiġġier jinċaħad it-trasport fuq it-titjira ta’ ritorn minħabba li t-trasportatur tal-ajru li qed jopera jkun ikkanċella t-titjira ta’ tluq u rridirezzjona lill-passiġġier fuq rotta alternattiva fuq titjira oħra, dan ikun jikkostitwixxi imbarkazzjoni miċħuda u jagħti lok għal kumpens addizzjonali mit-trasportatur tal-ajru li qed jopera.

Il-Qorti kkonfermat li l-kunċett ta’ “imbarkazzjoni miċħuda” jinkludi wkoll imbarkazzjoni miċħuda preventivament, li jirreferi għal sitwazzjonijiet fejn trasportatur tal-ajru li qed jopera jinforma minn qabel lill-passiġġieri li se jiċħadhom milli jitilgħu kontra r-rieda tagħhom fuq titjira li għaliha kellhom prenotazzjoni kkonfermata (48).

Il-Qorti ċċarat ukoll li fil-każ ta’ imbarkazzjoni miċħuda preventivament, it-trasportatur tal-ajru għandu jagħti kumpens lill-passiġġieri skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 anki jekk il-passiġġieri ma kinux preżenti għall-imbarkazzjoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (49).

Jekk il-passiġġieri li jkollhom prenotazzjoni li tinkludi titjira ta’ tluq u titjira ta’ ritorn ma jitħallewx jitilgħu fuq it-titjira tar-ritorn minħabba li ma jkunux qabdu t-titjira ta’ tluq (“no-show”), dan jista’ jitqies bħala ksur tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasportatur tal-ajru. L-istess japplika jekk il-passiġġieri li jkollhom prenotazzjoni li tinkludi titjiriet konsekuttivi ma jitħallewx jitilgħu abbord titjira minħabba li ma jkunux qabdu t-titjira/titjiriet preċedenti. It-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasportaturi tal-ajru jridu jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, bħal dawk tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (50). Il-Qorti għadha ma ddeċidietx dwar jekk dan jikkostitwixxix imbarkazzjoni miċħuda skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (j), tar-Regolament (KE) Nru 261/2004. Barra minn hekk, tali prattika tista’ tiġi pprojbita mil-liġi nazzjonali.

Jekk il-passiġġieri li jivvjaġġaw b’annimal domestiku ma jitħallewx jitilgħu abbord minħabba li ma jkollhomx id-dokumentazzjoni rilevanti dwar l-annimal domestiku jew minħabba li t-trasport tal-annimal ma jikkonformax mat-termini u mal-kundizzjonijiet tat-trasportatur tal-ajru, dan ma jikkostitwixxix imbarkazzjoni miċħuda.

Madankollu, jekk il-passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu minħabba żball li jkun sar mill-persunal fuq l-art meta jiċċekkjaw id-dokumenti tal-ivvjaġġar tagħhom (inklużi l-viżi), dan jikkostitwixxi imbarkazzjoni miċħuda skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (j), tar-Regolament (KE) Nru 261/2004.

F’dan ir-rigward, il-Qorti ddeċidiet li r-Regolament (KE) Nru 261/2004 ma jagħtix lit-trasportatur tal-ajru kkonċernat is-setgħa li jivvaluta u jiddeċiedi unilateralment u definittivament jekk il-passiġġieri li ma jitħallewx jitilgħu huwiex ġustifikat b’mod raġonevoli u, konsegwentement, li jċaħħad lill-passiġġieri inkwistjoni mill-protezzjoni li huma intitolati għaliha skont dan ir-Regolament (51).

It-termini u l-kundizzjonijiet standard tat-trasport ma jistgħux jinkludu klawżola li tillimita jew li tneħħi l-obbligi tat-trasportatur tal-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jikkumpensa lill-passiġġier fil-każ li ma jitħalliex jitla’ minħabba dokumentazzjoni tal-ivvjaġġar allegatament inadegwata (52).

Is-sitwazzjoni tkun differenti jekk it-trasportatur tal-ajru u l-ekwipaġġ tiegħu jiċħdu li jippermettu li passiġġier jitla’ abbord minħabba tħassib dwar is-sigurtà abbażi ta’ raġunijiet raġonevoli f’konformità mal-Artikolu 2, il-punt (j). It-trasportaturi tal-ajru għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-bażi tad-data Timatic tal-IATA u jikkonsultaw lill-awtoritajiet pubbliċi (ambaxxati u Ministeri għall-Affarijiet Barranin) tal-pajjiżi kkonċernati biex jivverifikaw id-dokumenti tal-ivvjaġġar u r-rekwiżiti tal-viżi (tad-dħul) għall-pajjiżi tad-destinazzjoni u jżommu rekords xierqa sabiex tiġi evitata l-imbarkazzjoni miċħuda tal-passiġġieri b’mod inkorrett. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jipprovdu informazzjoni komprensiva u aġġornata lill-IATA/Timatic rigward id-dokumentazzjoni tal-ivvjaġġar, b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti tal-viżi jew l-eżenzjonijiet minn dawn ir-rekwiżiti.

Fir-rigward tal-ivvjaġġar tal-persuni b’diżabbiltà jew tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, issir referenza għall-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (53) u l-Linji Gwida Interpretattivi (54) korrispondenti.

3.1.2.   Drittijiet assoċjati ma’ imbarkazzjoni miċħuda

L-imbarkazzjoni miċħuda kontra r-rieda tal-passiġġier tagħti: (i) dritt għal “kumpens” kif definit fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004; (ii) dritt għall-passiġġier li jagħżel bejn rimborż, rotta alternattiva jew prenotazzjoni mill-ġdid fi stadju aktar tard kif previst fl-Artikolu 8; u (iii) dritt għal “assistenza” skont l-Artikolu 9.

3.2.   Kanċellazzjoni

3.2.1.   Definizzjoni ta’ kanċellazzjoni

L-Artikolu 2, il-punt (l), tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 jiddefinixxi “kanċellazzjoni” bħala n-nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira li kienet ippjanata qabel u li fuqha kien prenotat mill-inqas post wieħed.

Il-kanċellazzjoni sseħħ fil-prinċipju meta l-ippjanar tat-titjira oriġinali jiġi abbandunat u l-passiġġieri ta’ din it-titjira jingħaqdu ma’ passiġġieri fuq titjira li kienet ippjanata wkoll, iżda indipendentement mit-titjira oriġinali. L-Artikolu 2, il-punt (l), ma jirrikjedix deċiżjoni espliċita ta’ kanċellazzjoni mit-trasportatur tal-ajru (55).

Titjira li saret bejn il-postijiet tat-tluq u tal-wasla f’konformità mal-iskeda prevista, iżda li matulha seħħet waqfa mhux prevista ma tistax titqies li ġiet ikkanċellata (56).

B’kuntrast, il-Qorti (57) tqis li bħala regola, ma jistax jiġi konkluż li jkun hemm dewmien fit-titjira jew kanċellazzjoni fuq il-bażi ta’ “dewmien” jew “kancellazzjoni” murija fuq l-iskrin tal-ajruport tat-titjiriet li jkunu se jitilqu jew li jkunu mħabbra mill-persunal tat-trasportatur tal-ajru. B’mod simili, bħala regola, il-fatt li l-passiġġieri jirkupraw il-bagalja tagħhom jew jiksbu karti tal-imbarkazzjoni ġodda mhux fattur deċiżiv li jaċċerta li titjira ġiet ikkanċellata. Dawn iċ-ċirkostanzi mhumiex marbuta mal-karatteristiċi oġġettivi tat-titjira bħala tali u jistgħu jirriżultaw minn fatturi differenti. B’mod partikolari, il-Qorti enfasizzat li dawn iċ-ċirkostanzi (jiġifieri t-tħabbira ta’ titjira bħala “mdewma” jew “ikkanċellata”) jistgħu “jkunu attribwibbli għal klassifikazzjonijiet mhux akkurati jew għal fatturi miksuba fl-ajruport ikkonċernat jew, għal darb’oħra, jistgħu jkunu inevitabbli minħabba l-ħin ta’ stennija u l-fatt li huwa meħtieġ li l-passiġġieri kkonċernati jqattgħu l-lejl f’lukanda”.

3.2.2.   Bidla fil-ħin tat-tluq

Mingħajr preġudizzju għat-Taqsima 3.3.1 u sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn it-trasportaturi tal-ajru jippreżentaw titjira bħala “mdewma” kontinwament minflok “ikkanċellata”, tqies utli li tiġi enfasizzata d-distinzjoni bejn “kanċellazzjoni” u “dewmien”. Ġeneralment, titjira tista’ titqies bħala kkanċellata meta jinbidel in-numru tat-titjira tagħha, iżda fil-prattika, dan mhux dejjem jista’ jkun kriterju determinanti. Fil-fatt, titjira tista’ tesperjenza dewmien tant twil li titlaq fil-jum ta’ wara li tkun ġiet skedata u għalhekk tingħata numru tat-titjira annotat (eż. XX 1234a minflok XX 1234) biex tiddistingwiha mit-titjira f’dan il-jum sussegwenti li jkollha l-istess numru. Madankollu, f’dan il-każ, xorta tista’ titqies bħala titjira mdewma u mhux titjira kkanċellata. Dan għandu jiġi vvalutat fuq bażi ta’ każ b’każ.

Bħala eżempju, titjira ma titqiesx li ġiet “ikkanċellata” jekk it-trasportatur tal-ajru li qed jopera jipposponi l-ħin tat-tluq tat-titjira b’inqas minn 3 sigħat, mingħajr ma jagħmel xi tibdil ieħor għal din it-titjira (58).

Madankollu, titjira trid titqies li ġiet “ikkanċellata” jekk it-trasportatur tal-ajru li qed jopera jressaq ’il quddiem il-ħin tat-tluq tat-titjira b’iktar minn siegħa (59).

3.2.3.   Każ ta’ inġenju tal-ajru li jirritorna lejn il-punt tat-tluq tiegħu

Il-kunċett ta’ “kanċellazzjoni” kif stipulat fl-Artikolu 2, il-punt (l), tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 ikopri wkoll il-każ ta’ inġenju tal-ajru li jitlaq iżda, għal kwalunkwe raġuni, li sussegwentement jiġi mġiegħel jirritorna lejn l-ajruport tat-tluq, fejn il-passiġġieri ta’ tali inġenju tal-ajru jiġu ttrasferiti għal titjiriet oħra. Tabilħaqq, il-fatt li seħħ it-tlugħ iżda li l-inġenju tal-ajru imbagħad irritorna lejn l-ajruport tat-tluq mingħajr ma jkun wasal fid-destinazzjoni li tidher fl-itinerarju tiegħu jfisser li t-titjira, kif inizjalment skedata, ma tistax titqies li ġiet operata (60).

3.2.4.   Titjira ddevjata

Jekk titjira tiġi ddevjata lejn ajruport li ma jikkorrispondix mal-ajruport indikat bħala d-destinazzjoni finali f’konformità mal-pjan tal-ivvjaġġar oriġinali, din trid tiġi ttrattata bl-istess mod bħal kanċellazzjoni sakemm l-ajruport tal-wasla u l-ajruport tad-destinazzjoni finali oriġinali ma jservux l-istess raħal, belt jew reġjun, f’liema każ tista’ tiġi ttrattata bħala dewmien (61). Għalhekk, jekk titjira ddevjata tinżel f’ajruport differenti minn dak inizjalment ippjanat u li ma jservix l-istess raħal, belt jew reġjun, il-passiġġieri huma intitolati għal kumpens għall-kanċellazzjoni ta’ titjira (62).

3.2.5.   Oneru tal-provi fl-avveniment ta’ kanċellazzjoni

L-Artikolu 5(4) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 jimponi fuq it-trasportaturi tal-ajru l-oneru tal-provi fir-rigward ta’ jekk u meta l-passiġġieri jkunu ġew infurmati individwalment bil-kanċellazzjoni tat-titjira tagħhom.

Dwar l-obbligu li l-passiġġieri jiġu infurmati dwar kanċellazzjoni, ara wkoll it-Taqsima 4.4.6.

3.2.6.   Drittijiet assoċjati mal-kanċellazzjoni

Il-kanċellazzjoni ta’ titjira tagħti: (i) dritt għal rimborż, rotta alternattiva jew ritorn kif definit fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004; (ii) dritt għal “assistenza” kif definit fl-Artikolu 9; u (iii) skont l-Artikolu 5(1), il-punt (c), dritt għal “kumpens” kif definit fl-Artikolu 7. Il-prinċipju sottostanti tal-Artikolu 5(1), il-punt (c), huwa li l-kumpens irid jitħallas jekk il-passiġġier ma jkunx ġie infurmat bil-kanċellazzjoni biżżejjed minn qabel.

Madankollu, il-kumpens ma għandux għalfejn jitħallas jekk it-trasportatur tal-ajru jista’ juri, f’konformità mal-Artikolu 5(3), li l-kanċellazzjoni hija kkawżata minn ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha (63).

3.3.   Dewmien

3.3.1.   Dewmien fit-tluq

Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, jekk it-tluq ta’ titjira jiddewwem, il-passiġġieri affettwati minn dan id-dewmien għandhom id-dritt għal “assistenza” skont l-Artikolu 9, u għal rimborż u titjira ta’ ritorn skont l-Artikolu 8(1), il-punt (a). Il-prinċipju sottostanti tal-Artikolu 6(1) huwa li d-drittijiet jiddependu fuq it-tul tad-dewmien u d-distanza tat-titjira. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li d-dritt għal rotta alternattiva kif stabbilit fl-Artikolu 8(1), il-punt (b), mhuwiex kopert taħt l-Artikolu 6(1) peress li jista’ jitqies li t-trasportatur tal-ajru qed jipprova, l-ewwel nett, jindirizza l-kawża tad-dewmien sabiex jimminimizza l-inkonvenjenza għall-passiġġieri.

3.3.2.    “Dewmien twil” mal-wasla

Il-Qorti ddeċidiet li dewmien mal-wasla ta’ mill-inqas 3 sigħat jagħti l-istess drittijiet f’termini ta’ kumpens bħal kanċellazzjoni (64) (għal aktar dettalji, ara t-Taqsima 4.4.5 dwar il-kumpens).

3.3.3.   Kejl tad-dewmien mal-wasla u l-kunċett tal-ħin tal-wasla

Il-Qorti kkonkludiet li l-kunċett tal-“ħin tal-wasla”, li jintuża sabiex jiġi ddeterminat it-tul tad-dewmien li kienu soġġetti għalih il-passiġġieri fuq titjira jekk il-wasla tiddewwem, jikkorrispondi għall-ħin li fih tal-inqas waħda mill-bibien tal-inġenju tal-ajru tinfetaħ, fejn il-preżunzjoni hija li, f’dak il-mument, il-passiġġieri jitħallew jinżlu minn fuq l-inġenju tal-ajru (65). Il-Kummissjoni tqis li t-trasportatur tal-ajru li jkun qed jopera għandu jirreġistra l-ħin tal-wasla abbażi ta’, pereżempju, dikjarazzjoni ffirmata mill-ekwipaġġ abbord jew mill-aġent tal-handling. Il-ħin tal-wasla għandu jiġi pprovdut mingħajr ħlas fuq talba lill-korp nazzjonali tal-infurzar u lill-passiġġieri bħala evidenza ta’ konformità mar-Regolament (KE) Nru 261/2004.

Il-“ħin tal-wasla skedat” li jintuża bħala l-punt tat-tluq għall-kalkolu tad-dewmien huwa l-ħin li jkun stabbilit fl-iskeda tat-titjira u indikat fuq il-prenotazzjoni (biljett jew prova oħra (66)) fil-pussess tal-passiġġier ikkonċernat (67).

Sabiex tiġi ddeterminata l-portata tad-dewmien fil-wasla li ġarrab passiġġier fuq titjira ddevjata li tkun niżlet f’ajruport differenti minn dak li għalih tkun saret il-prenotazzjoni iżda li sservi l-istess belt jew reġjun, jeħtieġ li jittieħed bħala riferiment il-ħin li fih il-passiġġier effettivament jasal, fi tmiem it-trasferiment, jew l-ajruport li għalih tkun saret il-prenotazzjoni jew, jekk ikun il-każ, destinazzjoni oħra fil-qrib miftiehma mat-trasportatur tal-ajru li qed jopera (68).

Jekk titjira ġiet imdewma mal-wasla bi 3 sigħat jew aktar u jekk dan id-dewmien kien parzjalment dovut għal avveniment li jikkwalifika bħala ċirkostanza straordinarja u parzjalment minħabba kawża oħra, id-dewmien attribwibbli għaċ-ċirkostanza straordinarja jrid jitnaqqas mid-dewmien totali tat-titjira kkonċernata sabiex jiġi vvalutat jekk għandux jitħallas kumpens għad-dewmien fil-wasla ta’ din it-titjira (69).

3.4.   Tqegħid fi klassi superjuri jew inferjuri

3.4.1.   Definizzjoni ta’ tqegħid fi klassi superjuri jew inferjuri

It-tqegħid fi klassi superjuri jew inferjuri huwa kopert fl-Artikolu 10(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, rispettivament.

Id-dritt tal-passiġġieri korrispondenti huwa marbut ma’ bidla fil-klassi jew fil-klassi tas-servizz tal-kabina, jiġifieri l-klassi ekonomika, kummerċjali u l-ewwel klassi. Ma japplikax għal vantaġġi offruti permezz ta’ tariffa ogħla fl-istess klassi (eż. fir-rigward ta’ postijiet bilqiegħda jew catering speċifiċi). Għalhekk ix-xiri ta’ noll differenti fl-istess klassi ta’ passiġġieri ma jitqiesx bħala tqegħid fi klassi superjuri jew inferjuri għall-iskop ta’ dan l-Artikolu. Bl-istess mod, il-passiġġieri li ma jirċevux trattament tal-kabina proporzjonat mal-prenotazzjoni tagħhom (eż. fir-rigward ta’ postijiet bilqiegħda jew catering), iżda li għadhom jivvjaġġaw fl-istess klassi, mhumiex qed jitqiegħdu fi klassi inferjuri. Madankollu, jistgħu jkunu eliġibbli għal rimborż tal-ammont imħallas għal servizz mhux riċevut skont it-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasportatur tal-ajru u/jew skont il-liġi nazzjonali.

Id-definizzjoni ta’ tqegħid fi klassi inferjuri (jew superjuri) tapplika għall-klassi ta’ servizz li għalih inxtara l-biljett u mhux għal kwalunkwe vantaġġ offrut permezz ta’ programm ta’ vjaġġaturi frekwenti jew programm kummerċjali ieħor ipprovdut minn trasportatur tal-ajru jew operatur tat-tours.

3.4.2.   Drittijiet assoċjati mat-tqegħid fi klassi superjuri jew inferjuri

Fil-każ ta’ tqegħid fi klassi superjuri, it-trasportatur tal-ajru ma jista’ jitlob l-ebda ħlas supplimentari. Fil-każ ta’ tqegħid fi klassi inferjuri, il-kumpens fil-forma ta’ rimborż ta’ perċentwal tal-prezz tal-biljett huwa previst fl-Artikolu 10(2), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (KE) Nru 261/2004.

Il-prezz li jrid jitqies fid-determinazzjoni tar-rimborż għall-passiġġieri affettwati huwa l-prezz tat-titjira li fuqha tqiegħdu fi klassi inferjuri sakemm dan il-prezz ma jkunx indikat fuq il-biljett li jintitola lill-passiġġier għal trasport fuq din it-titjira. F’dan il-każ, din trid tkun ibbażata fuq il-parti tal-prezz tal-biljett li tikkorrispondi għall-kwozjent tad-distanza ta’ din it-titjira diviża bid-distanza totali li l-passiġġier huwa intitolat li jivvjaġġa. Dan il-prezz ma jinkludix it-taxxi u l-imposti indikati fuq il-biljett sakemm la r-rekwiżit li jitħallsu dawn it-taxxi u l-imposti u lanqas l-ammont tagħhom ma jkunu jiddependu mill-klassi li għaliha nxtara l-biljett (70).

4.   DRITTIJIET TAL-PASSIĠĠIERI

4.1.   Dritt għall-informazzjoni

4.1.1.   Dritt ġenerali għall-informazzjoni

L-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 jispeċifika t-test ta’ avviż li jrid ikun jista’ jinqara u jintwera waqt ir-reġistrazzjoni b’mod li jkun viżibbli b’mod ċar għall-passiġġieri. Dan l-avviż għandu jidher fiżikament jew elettronikament f’kemm jista’ jkun lingwi rilevanti possibbli. Dan għandu jsir mhux biss fl-iskrivanija tar-reġistrazzjoni tal-ajruport, iżda wkoll fil-kjoskijiet fl-ajruport, online u idealment ukoll fil-post tal-imbarkazzjoni.

Barra minn hekk, kull meta trasportatur tal-ajru jagħti informazzjoni parzjali, qarrieqa jew żbaljata lill-passiġġieri dwar id-drittijiet tagħhom — jew individwalment jew fuq bażi ġenerali permezz ta’ reklami fil-midja jew pubblikazzjonijiet fuq is-sit web tiegħu — dan għandu jitqies bħala ksur tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 f’konformità mal-Artikolu 15(2) moqri flimkien mal-premessa 20 u jista’ jikkostitwixxi wkoll prattika kummerċjali inġusta u qarrieqa min-negozju għall-konsumatur skont id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (71).

Fl-avveniment ta’ dewmien, imbarkazzjoni miċħuda jew kanċellazzjoni, it-trasportatur tal-ajru li qed jopera huwa obbligat li jinforma lill-passiġġieri tal-ajru bl-isem u bl-indirizz preċiżi tal-kumpanija li minnha dawn il-passiġġieri jistgħu jitolbu kumpens u, fejn xieraq, li jispeċifika d-dokumenti li jridu jiġu mehmuża mat-talba tagħhom għal kumpens. Min-naħa l-oħra, it-trasportatur tal-ajru li qed jopera ma huwiex obbligat li jinforma lill-passiġġieri tal-ajru dwar l-ammont eżatt tal-kumpens li huma jistgħu eventwalment jiksbu (72).

4.1.2.   Informazzjoni li trid tiġi pprovduta f’każ ta’ dewmien, imbarkazzjoni miċħuda jew kanċellazzjoni

L-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 jipprevedi li trasportatur tal-ajru li qed jopera li jiċħad l-imbarkazzjoni jew li jikkanċella titjira jrid jipprovdi lil kull passiġġier affettwat b’avviż bil-miktub li jistabbilixxi r-regoli għall-kumpens u għall-assistenza. Jiddikjara wkoll li t-trasportatur tal-ajru jrid ukoll “jipprovdi kull passiġġier affettwat minn dewmien ta’ mill-inqas sagħtejn b’avviż ekwivalenti”. Għalhekk, ir-rekwiżit li l-passiġġieri affettwati jingħataw spjegazzjoni dettaljata bil-miktub tad-drittijiet tagħhom japplika b’mod espliċitu għal każijiet ta’ imbarkazzjoni miċħuda, kanċellazzjoni u dewmien. Madankollu, meta jitqies li jista’ jkun hemm dewmien fit-tluq iżda jista’ jseħħ ukoll fid-destinazzjoni finali, it-trasportatur tal-ajru li qed jopera għandu jfittex ukoll li jinforma lill-passiġġieri affettwati minn dewmien ta’ mill-inqas 3 sigħat fid-destinazzjoni finali tagħhom. Huwa biss b’dan il-mod li kull passiġġier jista’ jiġi infurmat kif suppost f’konformità mar-rekwiżiti espliċiti tal-Artikolu 14(2) (73). Approċċ bħal dan huwa kompletament konformi mas-sentenza tal-Qorti fil-kawża Sturgeon  (74), li stabbiliet li l-passiġġieri li jġarrbu dewmien ta’ mill-inqas 3 sigħat iridu jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-passiġġieri li t-titjiriet tagħhom jiġu kkanċellati, għall-iskop tad-dritt għal kumpens skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004.

Ir-rekwiżit li tiġi pprovduta informazzjoni skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 ma għandu l-ebda effett fuq ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-UE, b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (75) u l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/29/KE. L-ommissjoni ta’ informazzjoni materjali u l-għoti ta’ informazzjoni qarrieqa dwar id-drittijiet tal-passiġġieri jistgħu jikkostitwixxu wkoll prattika kummerċjali inġusta min-negozju għall-konsumatur skont id-Direttiva 2005/29/KE.

4.2.   Dritt għal rimborż, rotta alternattiva jew prenotazzjoni mill-ġdid f’każ ta’ imbarkazzjoni miċħuda jew kanċellazzjoni

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 jimponi fuq it-trasportaturi tal-ajru l-obbligu li joffru lill-passiġġieri għażla tripla, bejn dawn li ġejjin:

rimborż tal-prezz tal-biljett (76)  (77) u, fil-każ ta’ konnessjonijiet, titjira ta’ ritorn lejn l-ajruport tat-tluq mal-ewwel opportunità;

rotta alternattiva lejn id-destinazzjoni finali tagħhom jew mal-ewwel opportunità; jew

rotta alternattiva f’data aktar tard skont il-konvenjenza tal-passiġġier f’kundizzjonijiet tat-trasport komparabbli, soġġett għad-disponibbiltà tal-postijiet bilqiegħda.

Jekk trasportatur tal-ajru li qed jopera jkollu joffri l-għażla bejn ir-rimborż u r-rotta alternattiva, it-trasportatur tal-ajru jrid jippreżenta lill-passiġġieri kkonċernati informazzjoni komprensiva dwar l-għażliet kollha li jikkonċernaw ir-rimborż u r-rotta alternattiva. Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, il-passiġġieri jridu jirċievu informazzjoni dwar ir-rotta alternattiva mit-trasportatur tal-ajru li qed jopera meta jiġu infurmati bil-kanċellazzjoni. Il-passiġġieri kkonċernati ma għandhom l-ebda obbligu li jikkontribwixxu b’mod attiv sabiex ifittxu l-informazzjoni rilevanti huma stess (78).

Bħala prinċipju ġenerali, jekk il-passiġġier jinċaħad l-imbarkazzjoni jew jiġi infurmat dwar il-kanċellazzjoni tat-titjira u jkun infurmat b’mod korrett dwar l-għażliet disponibbli, l-għażla offruta lill-passiġġieri skont l-Artikolu 8(1) trid issir darba biss. F’każijiet bħal dawn, malli l-passiġġier ikun għażel waħda mit-tliet għażliet skont l-Artikolu 8(1), il-punti (a), (b) u (c), it-trasportatur tal-ajru ma jkollu l-ebda obbligu marbut maż-żewġ għażliet l-oħra. Madankollu, l-obbligu li jitħallas kumpens xorta jista’ japplika skont l-Artikolu 5(1), il-punt (c), moqri flimkien mal-Artikolu 7.

It-trasportatur tal-ajru għandu simultanjament joffri l-għażla bejn rimborż u rotta alternattiva. Fil-każ ta’ titjiriet konnessi, it-trasportatur tal-ajru għandu simultanjament joffri l-għażla bejn rimborż u titjira ta’ ritorn lejn l-ajruport tat-tluq u rotta alternattiva. It-trasportatur tal-ajru għandu jħallas il-kostijiet għal rotta alternattiva jew titjira ta’ ritorn. Jekk it-trasportatur tal-ajru ma jikkonformax mal-obbligu tiegħu li joffri rotta alternattiva jew ritorn skont kundizzjonijiet tat-trasport komparabbli mal-ewwel opportunità, irid jirrimborża l-kostijiet għal titjira alternattiva lejn id-destinazzjoni finali tal-passiġġier jew titjira ta’ ritorn imġarrba mill-passiġġier. L-oneru tal-provi li r-rotta alternattiva twettqet mal-ewwel opportunità jaqa’ fuq it-trasportatur tal-ajru li qed jopera (79). L-istess japplika għat-titjira ta’ ritorn lejn l-ewwel punt tat-tluq. Jekk it-trasportatur tal-ajru ma joffrix l-għażla bejn rimborż u rotta alternattiva u, fil-każ ta’ titjiriet konnessi, rimborż u titjira ta’ ritorn lejn l-ajruport tat-tluq u rotta alternattiva, iżda jiddeċiedi unilateralment li jirrimborża lill-passiġġier, il-passiġġier huwa intitolat għal rimborż ulterjuri tad-differenza fil-prezz mal-biljett il-ġdid skont kundizzjonijiet tat-trasport komparabbli.

Jekk il-prenotazzjoni tkun saret permezz ta’ parti terzi, bħal pjattaforma ta’ prenotazzjoni, huwa t-trasportatur tal-ajru, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, li għandu joffri assistenza lill-passiġġieri kkonċernati bħal joffrilhom ir-rimborż tal-biljett, bil-prezz li bih inxtara, u, jekk ikun il-każ, titjira ta’ ritorn lejn l-ewwel punt tat-tluq (80).

Madankollu, jekk trasportatur tal-ajru jista’ juri li kkuntattja lill-passiġġieri li aċċettaw li jagħtu d-dettalji ta’ kuntatt personali tagħhom, u li fittex li jipprovdi l-assistenza meħtieġa mill-Artikolu 8, iżda l-passiġġieri xorta waħda għamlu l-arranġamenti tagħhom ta’ assistenza jew ta’ rotta alternattiva, allura t-trasportatur tal-ajru jista’ jikkonkludi li mhuwiex responsabbli għal kwalunkwe kost addizzjonali li jkunu ġarrbu l-passiġġieri u jista’ jiddeċiedi li ma jirrimborżahomx.

Fir-rigward tal-forma li fiha jrid jsir ir-rimborż, l-istruttura tal-Artikolu 7(3) turi li r-rimborż tal-prezz tal-biljett isir, primarjament, permezz ta’ somma flus. Min-naħa l-oħra, ir-rimborż ta’ vawċers tal-ivvjaġġar u/jew ta’ servizzi oħra huwa ppreżentat bħala mezz sussidjarju ta’ rimborż, peress li huwa soġġett għall-kundizzjoni supplimentari tal-“ftehim iffirmat tal-passiġġier”  (81).

F’dan ir-rigward, il-Qorti ċċarat li l-kunċett ta’ “ftehim” irid jinftiehem, f’konformità mat-tifsira abitwali tiegħu, bħala kunsens liberu u informat. Għalhekk, fil-kuntest tal-Artikolu 7(3), dan il-kunċett jirrikjedi l-kunsens liberu u infurmat tal-passiġġieri biex jiksbu rimborż tal-kost tal-biljett tagħhom fil-forma ta’ vawċer tal-ivvjaġġar (82).

Fir-rigward tat-terminu “ftehim iffirmat”, il-Qorti ċċarat ukoll li mhux neċessarjament għandu jkun hemm firma miktuba bl-idejn jew diġitali tal-passiġġier jekk il-passiġġieri kkonċernati jkunu rċevew l-informazzjoni ċara u sħiħa li tippermettilhom jagħmlu għażla effettiva u informata u jagħtu kunsens liberu u informat għar-rimborż tal-biljett tagħhom permezz ta’ vawċer tal-ivvjaġġar aktar milli b’somma flus. Jekk dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, il-“ftehim iffirmat” jista’ jitqies li jkun ingħata jekk il-passiġġier ikun mela l-parti rilevanti ta’ formola online fuq is-sit web tat-trasportatur tal-ajru (83).

Jekk il-passiġġieri jiġu offruti l-għażla ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rotta alternattiva ta’ vjaġġ, din trid tkun “skont kundizzjonijiet tat-trasport komparabbli”. Jekk il-kundizzjonijiet tat-trasport humiex komparabbli jista’ jiddependi minn numru ta’ fatturi u dan irid jiġi deċiż fuq bażi ta’ każ b’każ. Skont iċ-ċirkostanzi, huma rrakkomandati l-prattiki tajbin li ġejjin:

(a)

jekk ikun possibbli, il-passiġġieri ma għandhomx jitqiegħdu fi klassi inferjuri tal-faċilitajiet tat-trasport ta’ klassi iktar baxxa meta mqabbla ma’ dik tal-prenotazzjoni (fil-każ ta’ tqegħid fi klassi inferjuri, japplika l-kumpens previst fl-Artikolu 10);

(b)

ir-rotta alternattiva għandha tiġi offruta mingħajr ebda kost addizzjonali għall-passiġġier, anki jekk il-passiġġieri jingħataw rotta differenti ma’ trasportatur tal-ajru ieħor jew fuq mezz ta’ trasport differenti jew fi klassi ogħla jew b’noll ogħla minn dak imħallas għas-servizz oriġinali;

(c)

iridu jsiru sforzi raġonevoli biex jiġu evitati konnessjonijiet addizzjonali;

(d)

meta jintuża trasportatur tal-ajru ieħor jew mezz alternattiv ta’ trasport għall-parti tal-vjaġġ li ma tkunx tlestiet kif ippjanat, il-ħin totali tal-ivvjaġġar għandu jkun kemm jista’ jkun raġonevolment qrib tal-ħin tal-ivvjaġġar skedat tal-vjaġġ oriġinali, fl-istess klassi ta’ trasport jew fi klassi superjuri jekk ikun meħtieġ;

(e)

jekk ikun hemm diversi titjiriet disponibbli b’ħinijiet komparabbli, il-passiġġieri li jkollhom id-dritt għal rotta alternattiva għandhom jaċċettaw l-offerta ta’ rotta alternattiva magħmula mit-trasportatur tal-ajru, inkluż fuq dawk it-trasportaturi tal-ajru li jikkooperaw mat-trasportatur tal-ajru li qed jopera; u

(f)

jekk l-assistenza għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa tkun ġiet prenotata għall-vjaġġ oriġinali, tali assistenza għandha tkun disponibbli wkoll fuq ir-rotta alternattiva.

Sabiex it-trasportatur tal-ajru li qed jopera jkun eżentat mill-obbligu tiegħu li jħallas kumpens skont l-Artikolu 7, irid juża r-riżorsi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu biex jiżgura rotta alternattiva raġonevoli, sodisfaċenti u f’waqtha, inkluż li jfittex titjiriet diretti jew indiretti alternattivi li jistgħu jiġu operati minn trasportaturi tal-ajru oħra, kemm jekk jappartjenu għall-istess alleanza tal-linja tal-ajru kif ukoll jekk le, li jaslu f’ħin skedat li ma jkunx tard daqs it-titjira li jmiss tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat (84). Trasportatur tal-ajru jista’ jitqies biss li jkun uża r-riżorsi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu billi jagħti rotta alternattiva lill-passiġġier ikkonċernat fuq it-titjira li jmiss operata minnu jekk ma jkunx hemm postijiet bilqiegħda disponibbli fuq titjira oħra diretta jew indiretta li tippermetti lill-passiġġieri kkonċernati jilħqu d-destinazzjoni finali tagħhom f’ħin li ma jkunx tard daqs it-titjira li jmiss tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat, jew jekk l-implimentazzjoni ta’ tali rotta alternattiva jikkostitwixxi sagrifiċċju intollerabbli għat-trasportatur tal-ajru kkonċernat fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu fiż-żmien rilevanti (85).

Jekk it-titjira b’rotta alternattiva aċċettata skont l-Artikolu 8(1), il-punt (b) jew (c), tiġi kkanċellata jew imdewma wkoll mal-wasla b’mill-inqas 3 sigħat, jinħoloq dritt ġdid għal kumpens skont l-Artikolu 7 (86). Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-alternattivi jiġu spjegati b’mod ċar lill-passiġġieri jekk trid tingħata l-assistenza.

Jekk passiġġier ikun prenota titjira ta’ tluq u titjira ta’ ritorn separatament ma’ trasportaturi tal-ajru differenti u t-titjira ta’ tluq tiġi kkanċellata, ir-rimborż ikun dovut biss għal din it-titjira. Madankollu, fil-każ ta’ żewġ titjiriet li huma parti mill-istess kuntratt iżda li xorta waħda huma operati minn trasportaturi tal-ajru differenti, minbarra d-dritt tagħhom għal kumpens mit-trasportatur tal-ajru li qed jopera, il-passiġġieri għandhom jiġu offruti żewġ għażliet fl-avveniment ta’ kanċellazzjoni tat-titjira ta’ tluq mill-pajjiż:

a)

li jiġu rimborżati għall-biljett kollu (jiġifieri ż-żewġ titjiriet); jew

b)

li jingħataw rotta alternattiva fuq titjira oħra għat-titjira tat-tluq.

Fl-aħħar nett, fil-kuntest speċifiku ħafna tar-ripatrijazzjoni tal-passiġġieri li tħallew l-art matul it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, il-Qorti ddeċidiet li titjira ta’ ripatrijazzjoni organizzata minn Stat Membru fil-kuntest ta’ assistenza konsulari, wara l-kanċellazzjoni ta’ titjira, ma tikkostitwixxix “rotta alternattiva, f’kundizzjonijiet tat-trasport komparabbli, lejn id-destinazzjoni finali”, skont it-tifsira tal-Artikolu 8(1), il-punt (b), tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, li trid tiġi offruta mit-trasportatur tal-ajru li qed jopera lill-passiġġier li t-titjira tiegħu kienet ġiet ikkanċellata. Għalhekk passiġġier li huwa meħtieġ iħallas kontribuzzjoni obbligatorja għall-kostijiet imġarrba mill-Istat Membru kkonċernat ma għandux dritt għal rimborż ta’ din il-kontribuzzjoni a spejjeż tat-trasportatur tal-ajru li qed jopera abbażi tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (87).

Min-naħa l-oħra, sabiex jikseb kumpens mingħand it-trasportatur tal-ajru li qed jopera kkonċernat, tali passiġġier jista’ jinvoka quddiem qorti nazzjonali n-nuqqas tat-trasportatur tal-ajru li qed jopera li jikkonforma, minn naħa, mal-obbligu tiegħu li jirrimborża l-kost sħiħ tal-biljett bil-prezz li bih ikun inxtara, għall-parti jew għall-partijiet mill-vjaġġ li ma saritx/sarux jew li ma għadx għandha/għandhom skop fir-rigward tal-pjan tal-ivvjaġġar oriġinali tal-passiġġier, u, it-tieni nett, mal-obbligu tiegħu li jipprovdi assistenza, inkluż id-dmir tiegħu li jipprovdi informazzjoni skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004. Madankollu, tali kumpens irid ikun limitat għal dak li, fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ, huwa neċessarju, xieraq u raġonevoli sabiex jiġi rrimedjat in-nuqqas tat-tali trasportatur tal-ajru li qed jopera (88).

4.3.   Dritt għall-assistenza f’każ ta’ imbarkazzjoni miċħuda, kanċellazzjoni jew dewmien fit-tluq

4.3.1.   Kunċett tad-dritt għall-assistenza

Jekk il-passiġġieri, wara inċident ta’ imbarkazzjoni miċħuda, kanċellazzjoni jew dewmien fit-tluq, jaqblu mat-trasportatur tal-ajru dwar ir-rotta alternattiva f’data aktar tard skont il-konvenjenza tagħhom stess (l-Artikolu 8(1), il-punt (c)), id-dritt għall-assistenza jintemm. Fil-fatt, id-dritt għall-assistenza jibqa’ jeżisti biss sakemm il-passiġġieri jkollhom jistennew għal rotta alternattiva, skont kundizzjonijiet tat-trasport komparabbli, lejn id-destinazzjoni finali tagħhom mal-ewwel opportunità (l-Artikolu 8(1), il-punt (b)), jew titjira ta’ ritorn (l-Artikolu 8(1), il-punt (a), it-tieni inċiż).

4.3.2.   Provvista ta’ ikliet, ħwejjeġ oħrajn ta’ xorb u ikel u akkomodazzjoni

L-intenzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 hija li jiżgura li l-passiġġieri li jkunu qed jistennew it-titjira ta’ ritorn tagħhom jew ir-rotta alternattiva jirċievu assistenza xierqa. Il-portata tal-assistenza xierqa trid tiġi vvalutata fuq bażi ta’ każ b’każ, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-ħtiġijiet tal-passiġġieri fiċ-ċirkostanzi rilevanti u l-prinċipju tal-proporzjonalità (jiġifieri skont il-ħin ta’ stennija). Il-prezz imħallas għall-biljett jew in-natura temporanja tal-inkonvenjenza mġarrba ma għandhomx ifixklu d-dritt għall-assistenza.

Fir-rigward tal-Artikolu 9(1), il-punt (a), dwar l-ikliet u ħwejjeġ oħrajn ta’ xorb u ikel, il-Kummissjoni tqis li l-espressjoni “f’relazzjoni raġonevoli mal-ħin ta’ stennija” tfisser li t-trasportaturi tal-ajru li qed joperaw għandhom jipprovdu lill-passiġġieri b’attenzjoni xierqa li tikkorrispondi għat-tul mistenni tad-dewmien u l-ħin tal-ġurnata (jew tal-lejl) li fih iseħħ, inkluż fl-ajruport ta’ trasferiment fil-każ ta’ titjiriet konnessi, sabiex titnaqqas kemm jista’ jkun l-inkonvenjenza mġarrba mill-passiġġieri, filwaqt li jitqies il-prinċipju tal-proporzjonalità. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa u lit-tfal mhux akkumpanjati.

Barra minn hekk, il-passiġġieri għandhom jiġu offruti assistenza mingħajr ħlas b’mod ċar u aċċessibbli, inkluż, fejn possibbli, permezz ta’ mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni. Dan ifisser li l-passiġġieri ma għandhomx jitħallew jagħmlu l-arranġamenti huma stess, eż. ifittxu u jħallsu għall-akkomodazzjoni jew għall-ikel. Minflok, it-trasportaturi tal-ajru li qed joperaw huma obbligati li joffru assistenza b’mod attiv. It-trasportaturi tal-ajru li qed joperaw għandhom jiżguraw ukoll, fejn disponibbli, li l-akkomodazzjoni tkun aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà u għall-klieb tas-servizz tagħhom.

Jekk l-assistenza ma kinitx offruta minkejja li kellha tkun, il-passiġġieri li kellhom iħallsu għall-ikel u għal ħwejjeġ oħra ta’ xorb u ikel, l-akkomodazzjoni f’lukanda, it-trasport bejn l-ajruport u l-post tal-akkomodazzjoni u/jew is-servizzi tat-telekomunikazzjoni jistgħu jiksbu rimborż tal-ispejjeż imġarrba mit-trasportatur tal-ajru, jekk dawn kienu meħtieġa, raġonevoli u xierqa (89).

Jekk il-passiġġieri jiċħdu l-assistenza raġonevoli tat-trasportatur tal-ajru li għandha tiġi offruta skont l-Artikolu 9 u jagħmlu l-arranġamenti tagħhom stess, it-trasportatur tal-ajru mhuwiex obbligat jirrimborża l-ispejjeż imġarrba mill-passiġġier, sakemm ma jkunx previst mod ieħor skont il-liġi nazzjonali jew miftiehem minn qabel mit-trasportatur tal-ajru. Sabiex jiġi pprovdut trattament ugwali bejn il-passiġġieri, tali rimborż qatt ma jista’ jaqbeż il-valur tal-“offerta raġonevoli” msemmija hawn fuq tat-trasportatur tal-ajru. Il-passiġġieri għandhom iżommu wkoll l-irċevuti kollha tal-ispejjeż imġarrba.

Fi kwalunkwe każ, il-passiġġieri li jħossu li huma intitolati li jkollhom aktar mill-ispejjeż tagħhom rimborżati jew li jiksbu kumpens għal dannu mġarrab b’riżultat ta’ dewmien, inklużi l-ispejjeż, iżommu d-dritt li jibbażaw it-talbiet tagħhom fuq id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montreal kif ukoll fuq l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2027/97, u li jtellgħu lit-trasportatur tal-ajru quddiem qorti nazzjonali jew jirrikorru huma stess għand il-korp nazzjonali kompetenti tal-infurzar. F’xi Stati Membri, il-passiġġieri jista’ jkollhom jirrikorru għal entitajiet li jipprovdu soluzzjoni alternattiva għat-tilwim tal-konsumaturi (ara t-Taqsima 7.3).

Fir-rigward tal-obbligu li tiġi offruta akkomodazzjoni f’lukanda mingħajr ħlas, il-Qorti ċċarat li l-formulazzjoni “għandha tiġi offruta mingħajr ħlas … akkomodazzjoni f’lukanda” tirrifletti x-xewqa tal-leġiżlatur tal-UE li jipprevjeni li l-passiġġieri kkonċernati jkollhom iġorru l-piż li jsibu kamra ta’ lukanda u li jħallsu l-kostijiet ta’ din il-kamra huma stess, peress li t-trasportatur tal-ajru jrid joffri assistenza lil dawn il-passiġġieri u jrid jagħmel l-arranġamenti meħtieġa għal dan l-iskop. Madankollu, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jirriżultax espressament li lil hinn mill-obbligu ta’ assistenza tal-passiġġieri, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jimponi fuq it-trasportaturi tal-ajru l-obbligu li jieħdu ħsieb l-arranġamenti ta’ akkomodazzjoni bħala tali (90), pereżempju billi jipprenotaw kamra speċifika f’isem il-passiġġier.

Fuq linja simili, il-Qorti ddikjarat li fil-każ ta’ inċident fil-lukanda, it-trasportatur tal-ajru ma jistax ikun meħtieġ, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 biss, li jikkumpensa lil passiġġier għal danni kkawżati minn tort min-naħa tal-impjegati tal-lukanda li fiha tiġi pprovduta l-akkomodazzjoni (91).

Wieħed għandu jżomm f’moħħu li skont il-premessa 18 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, l-assistenza tista’ tkun limitata jew tinċaħad jekk il-provvista tagħha stess tikkawża aktar dewmien għall-passiġġieri li jkunu qed jistennew titjira alternattiva jew titjira mdewma. Jekk titjira tiddewwem tard filgħaxija iżda wieħed jista’ jistenna li titlaq fi żmien ftit sigħat u jekk id-dispaċċ ta’ passiġġieri lejn lukandi u t-treġġigħ lura tagħhom lejn l-ajruport f’nofs ta’ lejl jista’ jwassal għal dewmien ħafna itwal, it-trasportatur tal-ajru għandu jitħalla jiċħad li jipprovdi akkomodazzjoni f’lukanda u trasferimenti korrispondenti. Bl-istess mod, jekk trasportatur tal-ajru jkun se jagħti vawċers għall-ikel u ħwejjeġ oħrajn ta’ xorb u ikel iżda jiġi infurmat li t-titjira hija lesta għall-imbarkazzjoni, għandu jitħalla jiċħad li jipprovdi din l-assistenza. Minbarra dawn il-każijiet, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li din il-limitazzjoni trid tiġi applikata biss f’każijiet eċċezzjonali ħafna, minħabba li għandu jsir kull sforz sabiex titnaqqas l-inkonvenjenza mġarrba mill-passiġġieri.

Id-dritt għall-assistenza skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 ma għandu l-ebda effett fuq l-obbligi tal-organizzaturi tal-pakketti skont id-Direttiva (UE) 2015/2302.

4.3.3.   Assistenza f’ċirkostanzi straordinarji jew eventwalitajiet eċċezzjonali

Skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004, it-trasportatur tal-ajru huwa obbligat li jissodisfa l-obbligu tal-assistenza anki jekk il-kanċellazzjoni ta’ titjira tkun ikkawżata minn ċirkostanzi straordinarji, jiġifieri ċirkostanzi li ma setgħux jiġu evitati anki kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha. Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 ma fih xejn li jippermetti li tinsilet il-konklużjoni li jirrikonoxxi kategorija separata ta’ avvenimenti “partikolarment straordinarji” — lil hinn miċ-ċirkostanzi straordinarji msemmija fl-Artikolu 5(3) — li jwasslu biex it-trasportatur tal-ajru jiġi eżentat mill-obbligi kollha tiegħu, inklużi dawk skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament, anki fil-każ ta’ ċirkostanzi straordinarji li jippersistu għal żmien twil, b’mod partikolari peress li l-passiġġieri jkunu partikolarment vulnerabbli f’ċirkostanzi u f’eventwalitajiet bħal dawn (92).

F’eventwalitajiet eċċezzjonali, l-intenzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 hija li jiżgura li tingħata assistenza xierqa b’mod partikolari lill-passiġġieri li jkunu qed jistennew rotta alternattiva skont l-Artikolu 8(1), il-punt (b). Madankollu, ma għandhomx jiġu imposti penali fuq il-linji tal-ajru jekk ikunu jistgħu jagħtu prova li użaw l-aħjar sforzi tagħhom biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi partikolari marbuta mal-eventwalitajiet u l-prinċipju tal-proporzjonalità.

4.4.   Dritt għal kumpens f’każ ta’ imbarkazzjoni miċħuda, kanċellazzjoni, dewmien fil-wasla u rotta alternattiva, u rimborż għal tqegħid fi klassi inferjuri

A.    Ġenerali

It-trasportatur tal-ajru li qed jopera huwa meħtieġ jinforma lill-passiġġieri bl-isem u bl-indirizz preċiżi tat-trasportatur tal-ajru li mingħandu jistgħu jitolbu kumpens u, fejn xieraq, jispeċifika d-dokumenti li jridu jiġu mehmuża mat-talba tagħhom għal kumpens. Madankollu, it-trasportatur tal-ajru li qed jopera ma huwiex obbligat jinforma lill-passiġġieri dwar l-ammont eżatt tal-kumpens li huma jistgħu potenzjalment jiksbu (93).

Fl-eventwalità ta’ imbarkazzjoni miċħuda kontra r-rieda tal-passiġġier, l-Artikolu 4(3) jiddikjara speċifikament li l-passiġġier irid jiġi kkumpensat “immedjatament”. Dan ikun ifisser li jekk il-kumpens ma jitħallasx fuq il-post, tal-inqas irid isir impenn ta’ ħlas qabel ma l-passiġġier jitlaq mill-ajruport.

Il-passiġġieri li t-titjiriet tagħhom ġew ikkanċellati jew soġġetti għal dewmien twil jistgħu jitolbu l-ħlas tal-ammont tal-kumpens fil-munita nazzjonali tal-post tar-residenza tagħhom. Dan jipprekludi leġiżlazzjoni jew ġurisprudenza nazzjonali li twassal għaċ-ċaħda ta’ rikors ippreżentat għal dan l-iskop għas-sempliċi raġuni li t-talba ġiet espressa fil-munita nazzjonali tal-post ta’ residenza tal-passiġġier (94).

B.    Kumpens fl-eventwalità ta’ imbarkazzjoni miċħuda

4.4.1.   Kumpens, imbarkazzjoni miċħuda u ċirkostanzi eċċezzjonali

L-Artikolu 2, il-punt (j), u l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 iridu jiġu interpretati li jfissru li l-kumpens huwa dejjem dovut f’każ ta’ imbarkazzjoni miċħuda u t-trasportaturi tal-ajru ma jistgħux jiġġustifikaw b’mod validu każ ta’ imbarkazzjoni miċħuda u jiġu eżentati milli jħallsu kumpens lill-passiġġieri billi jinvokaw ċirkostanzi straordinarji (95).

4.4.2.   Kumpens, imbarkazzjoni miċħuda u titjiriet konnessi

Il-passiġġieri fuq titjiriet konnessi jridu jiġu kkumpensati jekk, waqt li jkunu qed jivvjaġġaw skont kuntratt uniku ta’ trasport b’itinerarju li jinvolvi titjiriet konnessi direttament u reġistrazzjoni waħda, ma jinċaħdu l-imbarkazzjoni minn trasportatur tal-ajru minħabba li l-ewwel titjira inkluża fil-prenotazzjoni tagħhom kienet soġġetta għal dewmien attribwibbli għal dan it-trasportatur tal-ajru, li bi żball stenna li dawn il-passiġġieri ma kinux se jaslu fil-ħin biex jitilgħu fuq it-tieni titjira (96). B’kuntrast, jekk il-passiġġieri jkollhom żewġ biljetti separati għal żewġ titjiriet konsekuttivi u d-dewmien tal-ewwel titjira jfisser li ma jkunux jistgħu jagħmlu r-reġistrazzjoni fil-ħin għat-titjira ta’ wara, it-trasportaturi tal-ajru mhumiex obbligati jħallsu kumpens. Madankollu, jekk id-dewmien tal-ewwel titjira jkun ta’ aktar minn 3 sigħat, il-passiġġier jista’ jkun intitolat għal kumpens mit-trasportatur tal-ajru li jkun qed jopera din it-titjira.

4.4.3.   Ammont tal-kumpens

Il-kumpens jiġi kkalkulat f’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004. Dan jista’ jitnaqqas b’50 % jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(2).

C.    Kumpens fl-eventwalità ta’ kanċellazzjoni

4.4.4.   Każ ġenerali

Il-kumpens huwa dovut fil-każ ta’ kanċellazzjoni:

jekk il-passiġġieri ma jkunux infurmati biżżejjed minn qabel, jiġifieri mill-ġimagħtejn qabel it-tluq skedat, u

jekk ma jiġux mogħtija rotta alternattiva fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 5(1), il-punt (c), tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (ara t-Taqsima E),

sakemm il-kanċellazzjoni ma tkunx ikkawżata minn ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki li kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha, f’konformità mal-Artikolu 5(3) (ara t-Taqsima 5 dwar ċirkostanzi straordinarji).

Huwa importanti li wieħed jinnota li dan il-kumpens irid jiġi distint mill-kumpens għal dewmien twil mal-wasla.

4.4.5.   Ammont ta’ kumpens

Il-kumpens jiġi kkalkulat f’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004. Dan jista’ jitnaqqas b’50 % jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(2) jiġu ssodisfati, jiġifieri jekk il-passiġġieri jingħataw rotta alternattiva lejn id-destinazzjoni finali tagħhom wara l-kanċellazzjoni tat-titjira oriġinali tagħhom u jaslu hemm b’dewmien ta’ mhux aktar minn 2, 3 jew 4 sigħat skont id-distanza.

4.4.6.   Obbligu li l-passiġġieri jiġu infurmati

It-trasportatur tal-ajru li qed jopera xorta jkollu jħallas kumpens jekk il-passiġġier ma jkunx ġie infurmat dwar kanċellazzjoni tat-titjira mill-inqas ġimagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat minħabba li l-intermedjarju (eż. l-aġent tal-ivvjaġġar, l-aġenzija tal-ivvjaġġar online) li miegħu l-passiġġier kellu l-kuntratt tat-trasport ma għaddiex din l-informazzjoni mit-trasportatur tal-ajru lill-passiġġier fil-ħin, u l-passiġġier ma awtorizzax espressament lill-intermedjarju biex jirċievi l-informazzjoni mibgħuta mit-trasportatur tal-ajru li qed jopera (97).

Bl-istess mod, it-trasportatur tal-ajru li qed jopera jrid iħallas il-kumpens previst fl-Artikolu 5(1), il-punt (c), u fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 fl-eventwalità ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira li l-passiġġier ma jkunx ġie infurmat dwarha mill-inqas ġimagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat, jekk dan it-trasportatur tal-ajru jkun bagħat l-informazzjoni fi żmien xieraq lill-uniku indirizz tal-posta elettronika kkomunikat lilu matul il-prenotazzjoni, mingħajr, madankollu, ma jkun konxju li dan l-indirizz jista’ jintuża biss biex jiġi kkuntattjat l-aġent tal-ivvjaġġar li minnu tkun saret il-prenotazzjoni, u mhux lill-passiġġier direttament, u li dan l-aġent tal-ivvjaġġar ma bagħatx l-informazzjoni lill-passiġġier fi żmien xieraq, (98), jiġifieri mill-inqas ġimagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat.

D.    Kumpens fil-każ ta’ dewmien twil mal-wasla

4.4.7.    “Dewmien twil” mal-wasla

Fir-rigward tad-“dewmien twil”, il-Qorti ddeċidiet li l-passiġġieri li jkollhom dewmien jistgħu jsofru minn inkonvenjenza simili bħall-passiġġieri li t-titjira tagħhom tiġi kkanċellata, li tikkonsisti f’ċertu telf ta’ ħin (99). Abbażi tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, il-passiġġieri li jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom b’dewmien ta’ 3 sigħat jew aktar huma intitolati għall-istess kumpens (l-Artikolu 7) bħall-passiġġieri li t-titjira tagħhom tiġi kkanċellata. Il-Qorti bbażat b’mod predominanti d-deċiżjoni tagħha fuq l-Artikolu 5(1), il-punt (c)(iii), tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, li fih il-leġiżlatur tal-UE jorbot konsegwenzi legali, inkluż id-dritt għal kumpens, ma’ sitwazzjonijiet li fihom il-passiġġieri kkonċernati minn kanċellazzjoni ta’ titjira ma jiġux offruti rotta alternattiva li tippermettilhom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat. Minn dan il-Qorti ddeduċiet li d-dritt għal kumpens stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għandu l-għan li jsewwi telf ta’ ħin ta’ mill-inqas 3 sigħat. Madankollu, tali dewmien ma jintitolax lill-passiġġieri għal kumpens jekk it-trasportatur tal-ajru jkun jista’ juri bil-provi li d-dewmien twil kien ikkawżat minn ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki li kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha (100) (ara t-Taqsima 5 dwar ċirkostanzi straordinarji).

4.4.8.   Kumpens għal dewmien twil mal-wasla fil-każ ta’ titjiriet konnessi

Il-Qorti (101) hija tal-fehma li għall-finijiet tal-kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, dewmien irid jiġi vvalutat fir-rigward tal-ħin tal-wasla skedat fid-destinazzjoni finali tal-passiġġier kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (h), tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, li fil-każ ta’ titjiriet konnessi direttament irid jinftiehem bħala d-destinazzjoni tal-aħħar titjira meħuda mill-passiġġier.

F’konformità mal-Artikolu 3(1), il-punt (a), tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, il-passiġġieri li tilfu konnessjoni fl-UE, jew konnessjoni barra mill-UE ma’ titjira li tkun ġejja minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, għandhom ikunu intitolati għal kumpens, jekk ikunu waslu fid-destinazzjoni finali tagħhom b’dewmien ta’ aktar minn 3 sigħat. Jekk it-trasportatur tal-ajru li qed jopera t-titjiriet konnessi huwiex trasportatur tal-ajru tal-UE jew trasportatur tal-ajru mhux tal-UE mhuwiex rilevanti.

Li persuna titlef it-titjiriet konnessi minħabba dewmien sinifikanti fil-kontrolli tas-sigurtà jew minħabba passiġġieri li jonqsu milli jirrispettaw il-ħin tal-imbarkazzjoni tat-titjira tagħhom fl-ajruport tat-trasferiment tagħhom ma jagħtux intitolament għal kumpens.

Fil-każ ta’ titjiriet konnessi soġġetti għal prenotazzjoni unika, il-kumpens ma jkunx dovut jekk it-trasportatur tal-ajru jittrasferixxi l-passiġġieri għal titjira sussegwenti għall-ewwel parti tal-vjaġġ filwaqt li xorta waħda jippermettilhom jitilgħu fuq it-tieni titjira prenotata tagħhom fil-ħin (102).

4.4.9.   Kumpens għal dewmien twil mal-wasla jekk passiġġier jaċċetta titjira lejn ajruport alternattiv minflok dak li għalih tkun saret il-prenotazzjoni

Jekk passiġġier jaċċetta titjira lejn ajruport alternattiv minflok dak li għalih tkun saret il-prenotazzjoni, ikun dovut kumpens għal dewmien twil mal-wasla. Il-ħin tal-wasla li jrid jintuża għall-kalkolu tad-dewmien huwa l-ħin effettiv tal-wasla fl-ajruport li għalih oriġinarjament saret il-prenotazzjoni jew destinazzjoni oħra fil-qrib miftiehma mal-passiġġier f’konformità mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (103). Il-kostijiet imġarrba għat-trasport bejn l-ajruport alternattiv u l-ajruport li għalih oriġinarjament saret il-prenotazzjoni jew destinazzjoni oħra fil-qrib miftiehma mal-passiġġier iridu jitħallsu mit-trasportatur tal-ajru li qed jopera fuq inizjattiva tiegħu stess (104). Jekk it-trasportatur tal-ajru ma jipprovdix jew ma joffrix dan it-trasport u l-passiġġieri jridu jagħmlu l-arranġamenti tagħhom stess, il-passiġġieri għandhom id-dritt għal rimborż tal-ammonti mġarrba minnhom li, fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ, jibqgħu fil-limiti ta’ dak li huwa meħtieġ, xieraq u raġonevoli (105).

4.4.10.   Ammont ta’ kumpens

Huwa importanti li jiġi indikat li l-kumpens dovut lil passiġġier skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 jista’ jitnaqqas b’50 % jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament. Għalkemm l-Artikolu 7(2) jirreferi biss għar-rotta alternattiva tal-passiġġieri, il-Qorti sabet li t-tnaqqis fil-kumpens għandu japplika mutatis mutandis għall-passiġġieri li jġarrbu dewmien twil mal-wasla, ta’ 3 sigħat jew aktar (106).

Minn dan isegwi li l-kumpens dovut lill-passiġġier li t-titjira tiegħu tiddewwem bi 3 sigħat jew iktar, li jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu 3 sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment skedat, jista’ jitnaqqas b’50 %, jekk id-dewmien ikun inqas minn 4 sigħat (107).

Fi kliem ieħor, jekk id-dewmien mal-wasla jkun ta’ aktar minn 3 sigħat u inqas minn 4 sigħat għal vjaġġ ta’ aktar minn 3 500 km, il-kumpens jista’ jitnaqqas b’50 % u għalhekk jammonta għal EUR 300 f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004.

Madankollu, jekk titjira tkun tressqet ’il quddiem ammont ta’ ħin li jagħti lok għal dritt għal kumpens skont l-Artikolu 7, it-trasportatur tal-ajru li qed jopera xorta jkun meħtieġ iħallas l-ammont sħiħ. Ma għandux il-possibbiltà li jnaqqas kwalunkwe kumpens li jrid jitħallas b’50 % fuq l-art minħabba li offra lill-passiġġieri rotta alternattiva, li tippermettilhom jaslu mingħajr dewmien fid-destinazzjoni finali tagħhom (108).

4.4.11.   Kalkolu tad-distanza abbażi tal-“vjaġġ” biex jiġi ddeterminat il-kumpens fl-eventwalità ta’ dewmien twil fid-destinazzjoni finali

Fil-kawża Folkerts  (109) issir referenza espliċita għall-kunċett ta’ “vjaġġ” magħmul minn diversi titjiriet konnessi. L-Artikolu 2, il-punt (h), tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 jiddefinixxi d-“destinazzjoni finali” bħala d-destinazzjoni fuq il-biljett ippreżentat fil-post tar-reġistrazzjoni jew, fil-każ ta’ titjiriet konnessi direttament, id-destinazzjoni tal-aħħar titjira. Skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, id-distanza li tiddetermina l-kumpens li jrid jitħallas f’każ ta’ dewmien twil fid-destinazzjoni finali għandha tkun ibbażata fuq id-distanza tal-“great circle” bejn il-post tat-tluq u d-destinazzjoni finali, jiġifieri l-“vjaġġ”, u mhux billi jingħaddu d-distanzi tal-“great circle” bejn it-titjiriet konnessi rilevanti differenti li minnhom huwa magħmul il-“vjaġġ”  (110).

Din ir-regola għall-kalkolu tad-distanza tapplika anki jekk kien hemm dewmien fit-tieni parti biss, jew jekk id-dewmien twil mal-wasla kien ikkawżat minn kanċellazzjoni tat-tieni parti, li kellha tiġi operata minn trasportatur tal-ajru li ma jkunx dak li miegħu l-passiġġier ikkonċernat ikun ikkonkluda l-kuntratt ta’ trasport (111). L-istess raġunament japplika għal titjiriet li jikkonsistu minn iktar minn żewġ partijiet.

E.    Kumpens fl-eventwalità ta’ rotta alternattiva

4.4.12.   Rekwiżit li l-passiġġieri jingħataw rotta alternattiva fi żmien xieraq

Skont l-Artikolu 5(1), il-punt (c), it-trasportaturi tal-ajru li qed joperaw mhumiex meħtieġa jħallsu kumpens skont l-Artikolu 7 jekk jagħtu rotta alternattiva lill-passiġġieri kif ġej:

jekk il-passiġġieri jiġu infurmati bejn ġimagħtejn u 7 ijiem qabel it-tluq skedat, ir-rotta alternattiva trid tippermettilhom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin oriġinali skedat tat-tluq u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn 4 sigħat wara l-ħin oriġinali tal-wasla skedat;

jekk il-passiġġieri jiġu infurmati inqas minn 7 ijiem qabel it-tluq skedat, ir-rotta alternattiva trid tippermettilhom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq oriġinali skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat oriġinali (112).

4.4.13.   Rotta alternattiva u wasla aktar minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat iżda inqas minn 3 sigħat

Il-Qorti kkonfermat li l-passiġġieri li jiġu infurmati bil-kanċellazzjoni tat-titjira tagħhom inqas minn 7 ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat huma intitolati għall-kumpens imsemmi fl-Artikolu 5(1), il-punt (c), jekk ir-rotta alternattiva offruta mit-trasportatur tal-ajru ppermettitilhom jaslu fid-destinazzjoni finali aktar minn sagħtejn iżda inqas minn 3 sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat tat-titjira kkanċellata (113).

Madankollu, jekk il-passiġġieri jagħżlu rotta alternattiva huma stess, minħabba li jkunu ġew infurmati jew ikollhom biżżejjed evidenza li t-titjira tagħhom se tasal fid-destinazzjoni tagħha b’dewmien twil, ma jkunux eliġibbli għal kumpens jekk jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom (bit-titjira l-ġdida) b’dewmien ta’ inqas minn 3 sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat tat-titjira tagħhom inizjalment prenotata (114).

F.    Rimborż fl-eventwalità ta’ tqegħid fi klassi inferjuri

4.4.14.   Kalkolu tal-ammont

F’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, ir-rimborż huwa dovut biss għat-titjira li fuqha l-passiġġier ikun tqiegħed fi klassi inferjuri u mhux għall-vjaġġ kollu inkluż f’biljett wieħed, li jista’ jinkludi żewġ titjiriet konnessi jew aktar. Ir-rimborż imsemmi hawn fuq għandu jitħallas fi żmien 7 ijiem.

G.    Kumpens ulterjuri

L-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 jipprevedi kumpens fiss standardizzat. L-Artikolu 12 jenfasizza li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 ma jeskludux id-dritt ta’ passiġġier għal kumpens addizzjonali. Il-Qorti ddeċidiet li l-kunċett ta’ “kumpens ulterjuri” jippermetti lil qorti nazzjonali tagħti kumpens, skont il-kundizzjonijiet previsti mill-Konvenzjoni ta’ Montreal jew mil-liġi nazzjonali, għal dannu, inkluż dannu mhux materjali, li jirriżulta minn ksur ta’ kuntratt ta’ trasport bl-ajru (115). Qorti nazzjonali tista’ tnaqqas il-kumpens mogħti skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 minn kumpens ulterjuri iżda mhijiex meħtieġa tagħmel dan (116).

“Kumpens ulterjuri” kif imsemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 jista’ jinkludi wkoll kumpens minn operatur tat-tours abbażi ta’ dritt għal tnaqqis fil-prezz skont il-liġi nazzjonali (117).

5.   ĊIRKOSTANZI STRAORDINARJI

5.1.   Prinċipju

F’konformità mal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, trasportatur tal-ajru huwa eżentat milli jħallas kumpens fl-eventwalità ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil mal-wasla jekk ikun jista’ juri li l-kanċellazzjoni jew id-dewmien huwa kkawżat minn ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki li kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha.

Sabiex ikun eżentat mill-ħlas ta’ kumpens, it-trasportatur tal-ajru jrid fl-istess ħin juri:

(a)

l-eżistenza ta’ ċirkostanzi straordinarji u r-rabta bejn dawn iċ-ċirkostanzi u d-dewmien jew il-kanċellazzjoni; u

(b)

il-fatt li dan id-dewmien jew kanċellazzjoni ma setgħux jiġu evitati minkejja li t-trasportatur tal-ajru ħa l-miżuri raġonevoli kollha (ara t-Taqsima 5.3).

Ċirkostanza straordinarja partikolari tista’ tipproduċi aktar minn kanċellazzjoni jew dewmien wieħed fid-destinazzjoni finali, bħal fil-każ ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru kif imsemmi fil-premessa 15 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004.

Bħala deroga mir-regola ewlenija — jiġifieri l-ħlas ta’ kumpens, li jirrifletti l-objettiv tal-protezzjoni tal-konsumatur — l-eżenzjoni fl-Artikolu 5(3) trid tiġi interpretata b’mod strett (118). Għalhekk, iċ-ċirkostanzi straordinarji kollha rigward avvenimenti bħal dawk elenkati fil-premessa 14 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 — jiġifieri instabbiltà politika, kundizzjonijiet meteoroloġiċi inkompatibbli mal-operat tat-titjira kkonċernata, riskji għas-sigurtà, nuqqasijiet mhux mistennija fis-sikurezza tat-titjira u strajks li jaffettwaw l-operat ta’ trasportatur tal-ajru li qed jopera — mhumiex neċessarjament raġunijiet għal eżenzjoni mill-obbligu li jitħallas kumpens, iżda jeħtieġu valutazzjoni każ b’każ (119).

Il-Qorti żviluppat żewġ kundizzjonijiet kumulattivi għall-klassifikazzjoni ta’ avvenimenti bħala ċirkostanzi straordinarji, li ġew applikati b’mod konsistenti matul il-ġurisprudenza tagħha-:

(a)

skont in-natura jew l-oriġini tiegħu, l-avveniment ma jridx ikun inerenti fl-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat; u

(b)

skont in-natura jew l-oriġini tiegħu, l-avveniment irid ikun barra mill-kontroll effettiv ta’ dak it-trasportatur tal-ajru (120).

It-trasportaturi tal-ajru jistgħu jipprovdu bħala prova estratti minn ġurnali ta’ abbord jew rapporti ta’ inċidenti, jew dokumenti u dikjarazzjonijiet esterni. Jekk trasportatur tal-ajru jirreferi għal tali prova fit-tweġiba tiegħu għat-talba ta’ passiġġier jew għall-korp nazzjonali tal-infurzar, huwa għandu jinkludi din il-prova fit-tweġiba tiegħu. Jekk it-trasportatur tal-ajru jfittex li joqgħod fuq id-difiża ta’ ċirkostanzi straordinarji, tali prova għandha tiġi pprovduta mingħajr ħlas mit-trasportatur tal-ajru lill-korp nazzjonali tal-infurzar u lill-passiġġieri f’konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-aċċess għad-dokumenti.

5.2.   Avvenimenti “interni” u “esterni”

5.2.1.   Kunċett

Il-Qorti konsistentement iddeċidiet fil-ġurisprudenza tagħha b’rabta mal-kunċett ta’ ċirkostanzi straordinarji skont it-tifsira tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 li avvenimenti li l-oriġini tagħhom hija “interna” jridu jiġu distinti minn dawk li l-oriġini tagħhom hija “esterna” għat-trasportatur tal-ajru li qed jopera (121).

L-avvenimenti “esterni” jirriżultaw minn ċirkostanzi esterni li huma bejn wieħed u ieħor frekwenti fil-prattika iżda li t-trasportatur tal-ajru ma għandux kontroll fuqhom minħabba li jirriżultaw minn avveniment naturali jew minn att ta’ parti terza, bħal trasportatur tal-ajru ieħor jew operatur pubbliku jew privat li jinterferixxi mat-titjira jew mal-attività tal-ajruport (122). L-avvenimenti “esterni” ġeneralment jikkwalifikaw bħala ċirkostanzi straordinarji.

L-avvenimenti li mhumiex “esterni” għandhom jiġu kkwalifikati bħala “interni” għat-trasportatur tal-ajru li qed jopera u għalhekk mhumiex ċirkostanzi straordinarji.

5.2.2.   Avvenimenti “interni”

–   Difetti tekniċi tal-inġenju tal-ajru

Il-Qorti (123) iċċarat ukoll li problema teknika li tiġi żvelata matul il-manutenzjoni tal-inġenju tal-ajru jew li hija kkawżata min-nuqqas ta’ manutenzjoni ta’ inġenju tal-ajru ma tistax titqies bħala ċirkostanzi straordinarji. Il-Qorti hija tal-fehma li anki jekk problema teknika li seħħet b’mod mhux mistenni ma tkunx attribwibbli għal manutenzjoni ħażina u ma tinstabx matul kontrolli ta’ manutenzjoni ta’ rutina, din ma taqax taħt id-definizzjoni ta’ ċirkostanzi straordinarji jekk tkun inerenti fl-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru.

Pereżempju, ħsara kkawżata mill-ħsara prematura ta’ ċerti komponenti ta’ inġenju tal-ajru tista’ tikkostitwixxi avveniment mhux mistenni. Madankollu, tali ħsara tibqa’ intrinsikament marbuta mas-sistema operattiva kumplessa ħafna ta’ inġenju tal-ajru, li hija operata mit-trasportatur tal-ajru f’kundizzjonijiet — b’mod partikolari meteoroloġiċi — spiss diffiċli jew saħansitra estremi, peress li, barra minn hekk, l-ebda komponent ta’ inġenju tal-ajru ma jdum għal dejjem. Għaldaqstant, irid jiġi kkonstatat li tali avveniment mhux mistenni huwa inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru (124).

L-istess japplika, fil-prinċipju, għan-nuqqas li parti li tiġi ssostitwita b’parti ġdida biss meta ssir difettuża (parti “taħt kundizzjoni”) (125).

Madankollu, difett tal-manifattura moħbi żvelat mill-manifattur tal-inġenju tal-ajru jew minn awtorità kompetenti, jew dannu lill-inġenju tal-ajru kkawżat minn atti ta’ sabotaġġ jew terroriżmu jikkwalifikaw bħala ċirkostanzi straordinarji. Dan japplika anki jekk il-manifattur ikun informa lit-trasportatur tal-ajru bl-eżistenza tad-difett diversi xhur qabel it-titjira (126).

–   Taraġ mobbli għall-imbarkazzjoni

Il-Qorti (127) iċċarat li l-kolliżjoni ta’ taraġ mobbli għall-imbarkazzjoni ma’ inġenju tal-ajru ma tistax titqies bħala ċirkostanzi straordinarji li jeżentaw lit-trasportatur tal-ajru mill-ħlas ta’ kumpens skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004. It-taraġ mobbli jew il-passarelli jistgħu jitqiesu bħala indispensabbli għat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, u għaldaqstant it-trasportaturi tal-ajru jiffaċċjaw sitwazzjonijiet li jirriżultaw mill-użu ta’ tali tagħmir b’mod regolari. Għalhekk, ħabta bejn inġenju tal-ajru u sett ta’ taraġ mobbli għall-imbarkazzjoni hija avveniment intern, inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru. Ċirkostanzi straordinarji japplikaw, pereżempju, meta d-dannu lill-inġenju tal-ajru jkun dovut għal att estern għas-servizzi normali tal-ajruport, bħal att ta’ terroriżmu jew sabotaġġ.

–   Assenza mhux mistennija ta’ membri tal-ekwipaġġ

Jekk membru tal-ekwipaġġ li l-preżenza tiegħu hija essenzjali għall-operazzjoni ta’ titjira jkun assenti għal għarrieda ftit qabel it-tluq skedat ta’ din it-titjira minħabba mard jew saħansitra mewt mhux mistennija, dan ma jaqax taħt il-kunċett ta’ ċirkostanzi straordinarji skont it-tifsira tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (128).

–   Strajks mill-persunal tal-linji tal-ajru

Il-Qorti ddeċidiet li l-istrajks tal-persunal ta’ trasportatur tal-ajru li qed jopera ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala ċirkostanza straordinarja jekk dan l-istrajk ikun marbut ma’ talbiet relatati mar-relazzjoni ta’ impjieg bejn it-trasportatur tal-ajru u l-persunal tiegħu, bħal fil-każ ta’ negozjati dwar il-pagi (129).

Din il-konstatazzjoni tapplika wkoll għal strajks organizzati minn trade unions (130) u “strajks selvaġġi” imsejħa mill-persunal tal-linji tal-ajru wara t-tħabbira sorpriża ta’ ristrutturar ta’ trasportatur tal-ajru (131). Strajk mill-persunal ta’ trasportatur tal-ajru li qed jopera b’solidarjetà ma’ azzjoni ta’ strajk imnedija kontra l-kumpanija omm ta’ dan it-trasportatur tal-ajru lanqas ma jaqa’ taħt il-kunċett ta’ ċirkostanzi straordinarji (132).

Miżuri ta’ strajk meħuda biex jiġu infurzati t-talbiet ta’ dawn il-ħaddiema fil-kumpanija omm ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ ċirkostanzi straordinarji skont it-tifsira tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004; il-kwistjoni dwar jekk kienx hemm negozjati minn qabel mar-rappreżentanti tal-impjegati hija irrilevanti f’dan ir-rigward (133).

Madankollu, jekk tali strajk joriġina minn eżiġenzi li l-awtoritajiet pubbliċi biss jistgħu jissodisfaw u li, għaldaqstant, ma jaqgħux taħt il-kontroll effettiv tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat, dan jista’ jikkostitwixxi ċirkostanza straordinarja (134).

5.2.3.   Avvenimenti “esterni”

F’diversi kawżi, il-Qorti vvalutat sitwazzjonijiet li jirriżultaw minn avvenimenti naturali jew atti ta’ partijiet terzi. Dawn l-avvenimenti jistgħu ġeneralment jiġu kkwalifikati bħala ċirkostanzi straordinarji.

Xi eżempji huma stabbiliti hawn taħt.

a)   Ħbit ma’ għasafar

Kolliżjoni bejn inġenju tal-ajru u għasfur kif ukoll kwalunkwe dannu kkawżat minn tali kolliżjoni ma humiex intrinsikament marbuta mal-operat tal-inġenju tal-ajru. Dawn ma humiex, min-natura jew l-oriġini tagħhom, inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u għalhekk ma jaqgħux taħt il-kontroll effettiv tiegħu. Għaldaqstant, tali kolliżjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala ċirkostanza straordinarja (135).

Il-Qorti ċċarat ukoll li huwa irrilevanti jekk il-kolliżjoni fil-fatt ikkawżatx dannu lill-inġenju tal-ajru kkonċernat. L-objettiv li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri tal-ajru segwit mir-Regolament (KE) Nru 261/2004, kif speċifikat fil-premessa 1 tiegħu, ifisser li t-trasportaturi tal-ajru ma jridux jiġu mħeġġa joqogħdu lura milli jieħdu l-miżuri meħtieġa minn inċident bħal dan billi jipprijoritizzaw iż-żamma u l-puntwalità tat-titjiriet tagħhom fuq l-objettiv tas-sikurezza (136).

F’kawża oħra, il-Qorti sabet li l-interruzzjoni tal-fażi tat-tlugħ ta’ inġenju tal-ajru kkawżata minn ħbit ma’ għasafar u li tirriżulta f’manuvra ta’ bbrejkjar ta’ emerġenza li tikkawża dannu lit-tajers tal-inġenju tal-ajru taqa’ taħt il-kunċett ta’ ċirkostanzi straordinarji skont it-tifsira tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (137).

b)   Kolliżjoni ma’ inġenji tal-ajru jew vetturi tal-ajruport oħrajn

Kolliżjoni ta’ inġenju tal-ajru f’pożizzjoni ta’ parkeġġ ma’ inġenju tal-ajru ta’ linja tal-ajru oħra kkawżata mill-moviment tal-inġenju tal-ajru tal-linja tal-ajru l-oħra taqa’ taħt il-kunċett ta’ ċirkostanzi straordinarji (138).

Ħsara teknika ta’ inġenju tal-ajru pparkjat fl-ajruport ikkawżata minn kolliżjoni ta’ vettura tal-catering li tappartjeni lil parti terza mal-inġenju tal-ajru tista’ wkoll taqa’ taħt il-kunċett ta’ ċirkostanzi straordinarji (139).

c)   Dannu lill-inġenju tal-ajru kkawżat minn oġġett estern

Dannu lil inġenju tal-ajru kkawżat minn oġġett estern, bħal detriti mhux fissi, li jkun fuq runway ta’ ajruport jaqa’ taħt in-nozzjoni ta’ ċirkostanzi straordinarji (140).

d)   Petrol fuq ir-runway

Il-preżenza tal-petrol fuq runway li tirriżulta fl-għeluq tal-ajruport u, konsegwentement, id-dewmien sinifikanti ta’ titjira lejn jew minn dan l-ajruport hija koperta mill-kunċett ta’ ċirkostanzi straordinarji jekk il-petrol inkwistjoni ma jkunx ġej minn inġenju tal-ajru tat-trasportatur tal-ajru li qed jopera t-titjira (141).

e)   Ħsara fis-sistema ta’ riforniment tal-inġenju tal-ajru

Jekk l-ajruport ta’ oriġini tat-titjira jew tal-inġenju tal-ajru kkonċernat ikun responsabbli għas-sistema ta’ riforniment tal-inġenju tal-ajru, ħsara ġeneralizzata fil-provvista tal-fjuwil tista’ titqies bħala ċirkostanza straordinarja (142).

f)   Passiġġieri problematiċi; emerġenzi mediċi

Jekk l-imġiba problematika ta’ passiġġier twassal biex il-bdot fil-kmand tal-inġenju tal-ajru jiddevja t-titjira kkonċernata lejn ajruport li ma jkunx l-ajruport tal-wasla sabiex jiżbarka dan il-passiġġier jew dawn il-passiġġieri u l-bagalji tiegħu/tagħhom, dan jaqa’ taħt il-kunċett ta’ ċirkostanzi straordinarji, sakemm it-trasportatur tal-ajru li qed jopera ma jkunx ikkontribwixxa għall-okkorrenza ta’ din l-imġiba jew naqas milli jieħu miżuri xierqa fid-dawl tas-sinjali ta’ twissija ta’ tali mġiba (143).

Barra minn hekk, it-tneħħija ta’ passiġġier mill-inġenju tal-ajru minħabba emerġenza medika tkun koperta mill-kunċett ta’ ċirkostanzi straordinarji.

g)   Żbroff ta’ vulkan

Ċirkostanzi bħall-għeluq ta’ parti mill-ispazju tal-ajru Ewropew bħala riżultat tal-iżbroff tal-vulkan Eyjafjallajökull jikkostitwixxu ċirkostanzi straordinarji skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (144).

h)   Konġestjoni tal-ajruport minħabba kundizzjonijiet ħżiena tat-temp

F’konformità mal-premessa 14 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, il-każ ta’ trasportatur tal-ajru li qed jopera li jkun obbligat idewwem jew jikkanċella titjira f’ajruport konġestjonat minħabba kundizzjonijiet ħżiena tat-temp, inkluż jekk dawn il-kundizzjonijiet jirriżultaw f’skarsezzi ta’ kapaċità, ikun jirriżulta minn ċirkostanzi straordinarji.

i)   Strajks esterni

Strajks li huma esterni għall-attività ta’ trasportatur tal-ajru, bħal azzjoni ta’ strajk meħuda mill-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru jew mill-persunal tal-ajruport, jistgħu jikkostitwixxu ċirkostanzi straordinarji minħabba li tali azzjoni esterna ta’ strajk ma taqax taħt l-eżerċizzju tal-attività tat-trasportatur tal-ajru u għalhekk hija lil hinn mill-kontroll effettiv tiegħu (145).

j)   Skarsezza ta’ persunal li jipprovdi servizzi ta’ tagħbija tal-bagalji

Sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm għadd suffiċjenti ta’ persunal tal-operatur tal-ajruport responsabbli għall-operazzjonijiet tat-tagħbija tal-bagalji fuq l-ajruplani tista’ tikkostitwixxi ċirkostanza straordinarja (146).

5.3.   Miżuri raġonevoli li t-trasportatur tal-ajru jista’ jkun mistenni li jieħu f’ċirkostanzi straordinarji

Kull meta jinqalgħu ċirkostanzi straordinarji, trasportatur tal-ajru, sabiex jinħeles mill-obbligu li jħallas kumpens, irid juri li ma setax jevitahom anki kieku ħa l-miżuri raġonevoli kollha għal dan l-għan.

Fi kliem ieħor, jekk ikun hemm tali ċirkostanzi, huwa t-trasportatur tal-ajru li qed jopera li għandu juri li huwa adotta miżuri xierqa għas-sitwazzjoni, billi uża r-riżorsi kollha tiegħu f’termini ta’ persunal jew tagħmir u l-mezzi finanzjarji għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jevita d-dewmien jew il-kanċellazzjoni tat-titjira inkwistjoni. Madankollu, ma jstax ikun obbligat jagħmel sagrifiċċji intollerabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tiegħu fiż-żmien rilevanti (147).

Barra minn hekk, il-Qorti (148) sabet li skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, trasportatur tal-ajru jista’ jintalab jorganizza r-riżorsi tiegħu fi żmien xieraq sabiex ikun possibbli li jopera titjira pprogrammata ladarba ċ-ċirkostanzi straordinarji jkunu waqfu, jiġifieri matul ċertu perjodu wara l-ħin tat-tluq skedat. B’mod partikolari, it-trasportatur tal-ajru għandu jipprevedi ċertu żmien ta’ riżerva biex, jekk ikun possibbli, ikun jista’ jopera t-titjira kollha kemm hi ladarba ċ-ċirkostanzi straordinarji jkunu ntemmu. Tali żmien ta’ riżerva jiġi vvalutat fuq bażi ta’ każ b’każ.

Madankollu, l-Artikolu 5(3) ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi, bħala “miżura raġonevoli”, li jiġi previst, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, perjodu minimu ta’ riżerva applikabbli bl-istess mod għat-trasportaturi tal-ajru kollha fis-sitwazzjonijiet kollha jekk jinqalgħu ċirkostanzi straordinarji. F’dan ir-rigward, it-trasportaturi tal-ajru ġeneralment ikollhom aktar riżorsi disponibbli fil-bażi tas-servizz tagħhom meta mqabbla ma’ destinazzjonijiet ta’ tluq, li jagħtuhom aktar possibbiltajiet biex jillimitaw l-impatt ta’ ċirkostanzi straordinarji. Il-valutazzjoni tal-kapaċità tat-trasportatur tal-ajru li qed jopera t-titjira pprogrammata kollha kemm hi fil-kundizzjonijiet il-ġodda li jirriżultaw mill-okkorrenza ta’ ċirkostanzi straordinarji trid titwettaq b’tali mod li jiġi żgurat li t-tul taż-żmien ta’ riżerva meħtieġ ma jwassalx biex it-trasportatur tal-ajru jkollu jagħmel sagrifiċċji intollerabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu fiż-żmien rilevanti (149).

Fir-rigward tad-difetti tekniċi, il-fatt li trasportatur tal-ajru jkun ikkonforma mar-regoli minimi dwar il-manutenzjoni ta’ inġenju tal-ajru ma jistax fih innifsu jkun biżżejjed biex jiġi stabbilit li dan it-trasportatur tal-ajru jkun ħa l-miżuri raġonevoli kollha biex jeħilsu mill-obbligu tiegħu li jħallas kumpens (150).

5.4.   Ċirkostanzi straordinarji fuq titjira preċedenti bl-istess inġenju tal-ajru

Sabiex ikun eżentat mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lill-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien twil jew kanċellazzjoni ta’ titjira, trasportatur tal-ajru li qed jopera jista’ jinvoka ċirkostanza straordinarja li affettwat titjira preċedenti li huwa kien opera bl-użu tal-istess inġenju tal-ajru, jekk ikun hemm rabta kawżali diretta bejn l-okkorrenza ta’ din iċ-ċirkostanza u d-dewmien jew il-kanċellazzjoni tat-titjira sussegwenti (151).

F’kawża oħra, il-Qorti speċifikat li f’każ ta’ dewmien twil mal-wasla, trasportatur tal-ajru li qed jopera jista’ jibbaża ruħu fuq ċirkostanza straordinarja li ma affettwatx din it-titjira mdewma iżda titjira preċedenti operata minn dan it-trasportatur tal-ajru bl-użu tal-istess inġenju tal-ajru fit-titjir ta’ tliet titjiriet lura fis-sekwenza tar-rotazzjoni tal-inġenju tal-ajru, jekk ikun hemm rabta kawżali diretta bejn l-okkorrenza taċ-ċirkostanzi straordinarji u d-dewmien twil mal-wasla tat-titjira sussegwenti (152).

6.   DRITTIJIET TAL-PASSIĠĠIERI FIL-KAŻ TA’ INTERRUZZJONIJIET MASSIVI FL-IVVJAĠĠAR

6.1.   Ġenerali

Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 ma fihx dispożizzjonijiet speċifiċi fil-każ ta’ interruzzjonijiet fuq skala kbira fl-ivvjaġġar bħall-iżbroff tal-vulkan fl-Iżlanda fl-2010 jew it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 fl-2020. Madankollu, id-dritt għal kumpens f’każ ta’ kanċellazzjoni huwa marbut man-nuqqas tat-trasportatur tal-ajru li javża kmieni biżżejjed dwar il-kanċellazzjoni lill-passiġġier. Dan l-aspett huwa għalhekk kopert mill-kunsiderazzjonijiet fit-Taqsima 4.4 dwar id-dritt għal kumpens.

6.2.   Dritt għal rotta alternattiva jew rimborż

Fir-rigward tar-rotta alternattiva, iċ-ċirkostanzi ta’ tfixkil massiv fl-ivvjaġġar jistgħu jinterferixxu mad-dritt li tintgħażel rotta alternattiva mal-ewwel opportunità. It-trasportaturi tal-ajru jistgħu jsibuha impossibbli li jsibu rotta alternattiva għall-passiġġier lejn id-destinazzjoni maħsuba f’perjodu qasir ta’ żmien. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm nuqqas ta’ ċarezza għal ċertu żmien rigward meta se jkun possibbli li l-passiġġieri jingħataw rotta alternattiva. Din is-sitwazzjoni tista’, pereżempju, tinħoloq jekk Stat Membru jissospendi t-titjiriet li jitilqu lejn ċerti pajjiżi jew li jaslu minnhom. Għalhekk, skont il-każ, l-ewwel opportunità għal rotta alternattiva tista’ tiġi mdewma b’mod konsiderevoli jew soġġetta għal inċertezza konsiderevoli. B’riżultat ta’ dan, ir-rimborż tal-prezz tal-biljett jew rotta alternattiva f’data aktar tard “skont il-konvenjenza tal-passiġġier” jaf ikunu preferibbli għall-passiġġier.

Fir-rigward tar-rimborż, f’każijiet fejn il-passiġġier jipprenota t-titjira ta’ tluq u t-titjira ta’ ritorn separatament u t-titjira ta’ tluq tiġi kkanċellata, il-passiġġier huwa intitolat biss għal rimborż tat-titjira kkanċellata, jiġifieri, f’dan il-każ, it-titjira ta’ tluq.

Madankollu, fil-każ li t-titjira ta’ tluq u t-titjira ta’ ritorn jkunu parti mill-istess prenotazzjoni, anki jekk ikunu operati minn trasportaturi tal-ajru differenti, il-passiġġieri għandhom jingħataw żewġ għażliet jekk it-titjira ta’ tluq mill-pajjiż tiġi kkanċellata: li jiġu rimborżati għall-biljett kollu (jiġifieri ż-żewġ titjiriet) jew li jingħataw rotta alternattiva fuq titjira oħra għat-titjira ta’ tluq.

6.3.   Dritt għall-assistenza

Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 ma fih l-ebda dispożizzjoni li tirrikonoxxi kategorija separata ta’ avvenimenti “partikolarment straordinarji” lil hinn miċ-ċirkostanzi straordinarji msemmija fl-Artikolu 5(3) tiegħu. Għalhekk, it-trasportatur tal-ajru huwa meħtieġ jissodisfa l-obbligi tiegħu, inklużi dawk skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, anki jekk is-sitwazzjoni li twassal għal dawn l-obbligi ddum għal perjodu twil. F’ċirkostanzi u avvenimenti bħal dawn, il-passiġġieri jkunu partikolarment vulnerabbli (153). Jekk iseħħu avvenimenti eċċezzjonali, l-intenzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 hija li jiżgura li tingħata assistenza xierqa b’mod partikolari lill-passiġġieri li jkunu qed jistennew rotta alternattiva skont l-Artikolu 8(1), il-punt (b), tar-Regolament (KE) Nru 261/2004.

6.4.   Dritt għal kumpens

Id-dritt għal kumpens għall-kanċellazzjoni skont l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 ma japplikax fil-każ ta’ kanċellazzjonijiet li jsiru aktar minn 14-il jum qabel jew jekk il-kanċellazzjoni tkun ikkawżata minn ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki li kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha mit-trasportatur tal-ajru.

Il-Kummissjoni tqis li, jekk l-awtoritajiet pubbliċi jieħdu miżuri maħsuba biex irażżnu l-effetti ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi li twassal għal tfixkil massiv fl-ivvjaġġar, tali miżuri min-natura u l-oriġini tagħhom mhumiex inerenti fl-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportaturi tal-ajru u huma barra mill-kontroll effettiv tagħhom.

L-Artikolu 5(3) jirrinunzja d-dritt għal kumpens bil-kundizzjoni li l-kanċellazzjoni inkwistjoni “tkun ikkawżata” minn ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha.

Din il-kundizzjoni għandha titqies issodisfata jekk l-awtoritajiet pubbliċi jew jipprojbixxu ċerti titjiriet jew jirrestrinġu l-moviment ta’ persuni b’mod li de facto jeskludi l-operat tat-titjira inkwistjoni.

Din il-kundizzjoni tista’ tiġi ssodisfata wkoll jekk il-kanċellazzjoni tat-titjira sseħħ f’ċirkostanzi li fihom il-moviment korrispondenti ta’ persuni ma jkunx kompletament ipprojbit iżda limitat għal persuni li jibbenefikaw minn derogi (pereżempju ċittadini jew residenti tal-istat ikkonċernat).

Jekk l-ebda tali persuna ma tieħu titjira partikolari, it-titjira tibqa’ vojta jew tiġi kkanċellata. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, jista’ jkun leġittimu għal trasportatur tal-ajru li ma jistenniex sal-aħħar minuta, iżda li jikkanċella t-titjira fil-ħin sabiex jittieħdu miżuri organizzattivi xierqa, inkluż f’termini ta’ assistenza li t-trasportaturi tal-ajru għandhom jipprovdu lill-passiġġieri tagħhom. F’każijiet bħal dawn, u skont iċ-ċirkostanzi, kanċellazzjoni xorta tista’ titqies bħala “kkawżata” mill-miżura meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi. Mill-ġdid, skont iċ-ċirkustanzi, dan jista’ jkun il-każ ukoll għat-titjiriet fid-direzzjoni opposta għat-titjiriet direttament ikkonċernati mir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar imposti mill-awtoritajiet pubbliċi.

Jekk il-linja tal-ajru tiddeċiedi li tikkanċella titjira u tagħti prova li din id-deċiżjoni kienet ġustifikata għal raġunijiet ta’ sigurtà jew sikurezza tal-ekwipaġġ, tali kanċellazzjoni għandha titqies ukoll bħala “kkawżata” minn ċirkostanzi straordinarji.

Il-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq ma humiex u ma jistgħux ikunu eżawrjenti fis-sens li ċirkostanzi speċifiċi oħra li jirriżultaw f’sitwazzjoni ta’ kriżi speċifika jistgħu jaqgħu wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004.

7.   KUMPENS, RIMBORŻ, ROTTA ALTERNATTIVA U ASSISTENZA FIL-KAŻ TA’ VJAĠĠI MULTIMODALI

Vjaġġi multimodali li jinvolvu aktar minn mod wieħed ta’ trasport skont kuntratt ta’ trasport uniku (eż. vjaġġ bil-ferrovija u bl-ajru mibjugħ bħala vjaġġ wieħed) ma humiex koperti bħala tali mir-Regolament (KE) Nru 261/2004, u lanqas mhuma koperti minn xi leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri f’modi oħra ta’ trasport (154). Jekk passiġġier jitlef titjira minħabba li l-ferrovija tiddewwem, huwa jibbenefika biss mill-assistenza li trid tingħata skont ir-Regolament (UE) 2021/782 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (155) fir-rigward tal-vjaġġ bil-ferrovija, u mbagħad biss jekk jiġi mdewwem b’60 minuta jew aktar fid-destinazzjoni (156). Bl-istess mod, dispożizzjonijiet oħrajn ikunu japplikaw fil-każ li passiġġier jitlef titjira minħabba dewmien fi vjaġġ b’vapur jew b’kowċ fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ trasport uniku (157). Madankollu, jekk il-vjaġġ multimodali jifforma parti minn kombinament ma’ servizzi oħra tal-ivvjaġġar (eż. akkomodazzjoni), l-organizzatur tal-pakkett ikkonċernat jista’ jkun responsabbli wkoll skont id-Direttiva (UE) 2015/2302 għat-titjiriet mitlufa u l-impatt fuq il-pakkett kollu kemm hu.

8.   ILMENTI LIL KORPI NAZZJONALI TAL-INFURZAR, ENTITAJIET TA’ SOLUZZJONI ALTERNATTIVA GĦAT-TILWIM U PROTEZZJONI TAL-KONSUMATURI SKONT IR-REGOLAMENT DWAR KOOPERAZZJONI FIL-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATURI

8.1.   Ilmenti lil korpi nazzjonali tal-infurzar

Il-passiġġieri jistgħu jilmentaw ma’ kwalunkwe korp nazzjonali tal-infurzar iddeżinjat minn Stat Membru dwar allegat ksur tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 fi kwalunkwe ajruport tal-UE jew dwar kwalunkwe titjira minn pajjiż mhux tal-UE lejn tali ajruport (158).

Sabiex jiġi żgurat li l-proċeduri tal-ilmenti jiġu ttrattati b’mod effiċjenti u biex jiġi pprovdut ambjent legali sigur għat-trasportaturi tal-ajru u negozji oħra potenzjalment involuti, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-passiġġieri jingħataw il-parir li jressqu lmenti lil:

il-korp nazzjonali tal-infurzar tal-pajjiż tat-tluq fil-każ ta’ titjiriet tal-UE u titjiriet mill-UE lejn pajjiż mhux tal-UE; u

l-korp nazzjonali tal-infurzar tal-pajjiż tal-wasla fil-każ ta’ titjiriet minn barra l-UE.

Il-passiġġieri li jqisu li trasportatur tal-ajru kiser id-drittijiet tagħhom għandhom iressqu l-ilmenti tagħhom fi żmien raġonevoli u skont il-perjodi ta’ żmien stabbiliti mil-liġi nazzjonali (159).

Il-passiġġieri għandhom l-ewwel jilmentaw mat-trasportatur tal-ajru. Huwa biss jekk ma jaqblux mat-tweġiba tat-trasportatur tal-ajru jew fl-assenza ta’ tweġiba sodisfaċenti mit-trasportatur tal-ajru, li l-passiġġieri għandhom iressqu lment quddiem korp nazzjonali tal-infurzar. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li t-trasportatur tal-ajru għandu jwieġeb fi żmien xahrejn u li ma tiġi imposta l-ebda restrizzjoni fir-rigward tal-użu ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE.

Ta’ min jinnota li l-Qorti (160) ikkunsidrat li skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004, il-korpi nazzjonali tal-infurzar mhumiex meħtieġa jaġixxu fuq ilmenti bħal dawn sabiex jiggarantixxu d-drittijiet tal-passiġġieri individwali f’kull każ. Għalhekk, korp nazzjonali tal-infurzar mhuwiex meħtieġ jieħu azzjoni ta’ infurzar kontra t-trasportaturi tal-ajru bil-ħsieb li jġiegħlhom iħallsu l-kumpens previst fir-Regolament (KE) Nru 261/2004 f’każijiet individwali, ir-rwol tiegħu ta’ sanzjonar kif imsemmi fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jikkonsisti fit-teħid ta’ miżuri b’rispons għall-ksur li l-korp jidentifika matul l-attivitajiet ta’ monitoraġġ ġenerali tiegħu previsti fl-Artikolu 16(1).

Madankollu, skont il-Qorti, ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 ma jżommx lill-Istati Membri milli jadottaw leġiżlazzjoni li tobbliga lill-korp nazzjonali tal-infurzar jadotta miżuri b’rispons għal ilmenti individwali (161). L-Istati Membri għandhom diskrezzjoni dwar is-setgħat li jixtiequ jagħtu lill-korpi nazzjonali tagħhom bl-iskop li jipproteġu d-drittijiet tal-passiġġieri.

Dawn id-deċiżjonijiet ma għandhom l-ebda effett fuq l-obbligu tal-korpi nazzjonali tal-infurzar li jipprovdu lill-ilmentaturi — f’konformità mal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba — bi tweġiba infurmata wara t-tressiq tal-ilmenti tagħhom. Il-Kummissjoni tikkunsidra li prattika tajba tkun tirrikjedi wkoll li l-passiġġieri jiġu infurmati dwar possibbiltajiet ta’ appell jew azzjoni oħra li jistgħu jieħdu jekk ma jaqblux mal-valutazzjoni tal-każ tagħhom. Passiġġier għandu jkollu d-dritt li jiddeċiedi jekk jixtieqx ikun rappreżentat minn persuna jew entità oħra.

8.2.   Soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR)

Il-qafas legali tal-UE dwar l-ADR huwa maħsub biex jippermetti lill-konsumaturi jasserixxu d-drittijiet tagħhom b’mod effettiv f’tilwim man-negozjanti dwar ix-xiri ta’ prodott jew servizz. Filwaqt li l-investiment f’termini ta’ kostijiet u ħin biex wieħed imur il-qorti jista’ jkun skoraġġanti u l-għodod informali jistgħu ma jkunux biżżejjed, il-korpi tal-ADR ta’ kwalità ċċertifikata skont id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (162) għandhom isolvu tilwima fi żmien 90 jum, bl-ebda kost jew b’kost nominali biss għall-konsumatur.

Il-konsumaturi għandhom aċċess għal korpi tal-ADR iċċertifikati bil-kwalità jekk ikunu residenti fl-UE u n-negozjant ikun stabbilit fl-UE. Jekk it-trasportaturi tal-ajru ma jkunux obbligati skont il-liġi nazzjonali li jipparteċipaw fi proċeduri quddiem il-korpi tal-ADR, huwa mixtieq li jimpenjaw ruħhom volontarjament li jipparteċipaw fi proċeduri rilevanti u jinfurmaw lill-klijenti tagħhom dwar dan.

L-aċċess tal-konsumaturi għall-korpi tal-ADR jiżdied mal-possibbiltà li l-passiġġieri jilmentaw mal-korpi nazzjonali tal-infurzar skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004.

8.3.   Aktar mezzi biex il-partijiet ikkonċernati jiġu assistiti fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004

Hemm għadd ta’ modi kif jistgħu jiġu assistiti l-partijiet ikkonċernati fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004.

L-ewwel wieħed jikkonċerna l-kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumatur skont ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (163), li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-konsumatur. Il-kooperazzjoni bejn dawn l-awtoritajiet hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumatur tiġi applikata b’mod ugwali fis-suq uniku kollu u biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għan-negozji. Ir-Regolament (UE) 2017/2394 ikopri sitwazzjonijiet fejn l-interessi kollettivi tal-konsumaturi jkunu involuti u jagħti setgħat addizzjonali ta’ investigazzjoni u infurzar lill-awtoritajiet nazzjonali biex iwaqqfu l-ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur f’każijiet transfruntiera.

Ir-Regolament (UE) 2017/2394 jelenka r-Regolament (KE) Nru 261/2004 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru bħala wieħed mill-istrumenti legali li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi. Dan ifisser li d-drittijiet tal-passiġġieri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 261/2004 jistgħu jiġu infurzati skont il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/2394 jekk l-interessi kollettivi tal-konsumaturi jkunu involuti f’kuntest transfruntier.

Id-Direttiva (UE) 2020/1828 (164) tipprovdi strument ieħor għall-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri fuq skala akbar. Minn din id-Direttiva jirriżulta li l-azzjonijiet rappreżentattivi huma azzjonijiet imressqa minn entitajiet kwalifikati quddiem il-qrati nazzjonali jew l-awtoritajiet amministrattivi f’isem gruppi ta’ konsumaturi biex ifittxu miżuri ta’ inġunzjoni (jiġifieri biex iwaqqfu l-prattiki illegali tan-negozjanti), miżuri ta’ rimedju (bħal rifużjoni jew kumpens) jew kemm miżuri ta’ inġunzjoni kif ukoll ta’ rimedju. Id-Direttiva għandha l-għan li tipproteġi l-interessi kollettivi tal-konsumaturi f’ħafna oqsma, b’mod partikolari fl-ivvjaġġar u fit-turiżmu. Dan japplika għal azzjonijiet imressqa kontra ksur tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, li jelenka fost l-atti tad-dritt tal-UE li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, il-passiġġieri li ltaqgħu ma’ problemi f’sitwazzjonijiet transfruntiera jistgħu jirrikorru għan-Network taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (165) (ECC-Net). L-ECC-Net jinforma lill-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom skont il-leġiżlazzjoni tal-konsumatur tal-UE u dik nazzjonali, jagħti pariri mingħajr ħlas dwar modi possibbli kif jittrattaw l-ilmenti tal-konsumaturi, jipprovdi assistenza diretta biex isolvi l-ilmenti b’mod amikevoli man-negozjanti, u jidderieġi mill-ġdid lill-konsumaturi lejn korp xieraq jekk l-ECC-Net ma jkunx jista’ jgħin. Il-passiġġieri jistgħu wkoll jirrikorru għand l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumaturi għal informazzjoni u assistenza diretta fl-asserzjoni tad-drittijiet tagħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004.

9.   TEĦID TA’ AZZJONI SKONT IR-REGOLAMENT (KE) NRU 261/2004

9.1.   Ġuriżdizzjoni li taħtha tista’ titressaq azzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li r-Regolament (KE) Nru 261/2004 ma fihx regoli dwar il-ġuriżdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istati Membri, b’tali mod li l-kwistjoni tal-ġuriżdizzjoni trid tiġi eżaminata fid-dawl tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 (166).

Għal titjiriet minn Stat Membru għal Stat Membru ieħor, imwettqa abbażi ta’ kuntratt ma’ trasportatur tal-ajru wieħed li jopera, talba għal kumpens skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tista’ titressaq, skont l-għażla tal-applikant, quddiem il-qorti nazzjonali li għandha ġuriżdizzjoni jew fuq il-post tat-tluq jew fuq il-post tal-wasla, kif iddikjarat fil-kuntratt tat-trasport (167), b’applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012. Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012, il-passiġġieri jżommu wkoll l-għażla li jressqu l-kwistjoni quddiem il-qrati tad-domiċilju tal-konvenut (jiġifieri tat-trasportatur tal-ajru).

F’diversi sentenzi, il-Qorti kkonfermat li anki fil-każ ta’ titjiriet konnessi li jikkonsistu fi prenotazzjoni waħda kkonfermata għall-vjaġġ kollu u maqsuma f’diversi partijiet, il-passiġġieri jistgħu jressqu azzjoni jew fil-post tat-tluq jew fil-post tal-wasla. B’mod speċifiku, il-Qorti ddeċidiet li skont ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012, tista’ titressaq azzjoni quddiem il-qorti nazzjonali tal-post tal-wasla tat-tieni parti jekk it-trasport fuq iż-żewġ titjiriet kien operat minn żewġ trasportaturi tal-ajru differenti u l-azzjoni għal kumpens tkun ibbażata fuq irregolarità li seħħet fuq l-ewwel waħda minn dawn it-titjiriet, operata mit-trasportatur tal-ajru li miegħu l-passiġġieri kkonċernati ma jkollhomx relazzjonijiet kuntrattwali (168).

Bl-istess mod, tista’ titressaq azzjoni quddiem il-qorti nazzjonali tal-post tat-tluq tal-ewwel parti tal-vjaġġ jekk it-talba għal kumpens tirriżulta mill-kanċellazzjoni tal-aħħar parti tal-vjaġġ u titressaq kontra t-trasportatur tal-ajru inkarigat minn din l-aħħar parti tal-vjaġġ (169).

Madankollu, fil-każ ta’ titjiriet konnessi li jikkonsistu f’żewġ partijiet jew iktar li fuqhom it-trasport jitwettaq minn trasportaturi tal-ajru separati, ma tistax titressaq azzjoni quddiem il-qorti nazzjonali tal-post tal-wasla tal-ewwel parti tal-vjaġġ jekk it-talba għal kumpens tirriżulta esklużivament minn dewmien tal-ewwel parti tal-vjaġġ ikkawżat minn tluq tard u titressaq kontra t-trasportatur tal-ajru li qed jopera din l-ewwel parti tal-vjaġġ (170).

Dwar il-kwistjoni tad-destinatarju korrett għal proċedimenti legali, il-Qorti ddeċidiet li qorti ta’ Stat Membru ma għandhiex ġuriżdizzjoni biex tisma’ tilwima dwar talba għal kumpens kontra linja tal-ajru stabbilita fi Stat Membru ieħor għar-raġuni li din il-kumpanija għandha fergħa fil-ġuriżdizzjoni territorjali tal-qorti invokata jekk din il-fergħa ma kinitx involuta fir-relazzjoni legali bejn il-linja tal-ajru u l-passiġġier ikkonċernat (171).

Dwar il-kwistjoni dwar jekk trasportatur tal-ajru jistax jipprojbixxi fit-termini u l-kundizzjonijiet tiegħu li l-passiġġieri jagħtu mandat lil parti terza biex tagħmel talbiet f’isimhom, il-Qorti ċċarat li l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 jipprekludi l-inklużjoni, f’kuntratt ta’ trasport, ta’ klawżola li tipprojbixxi t-trasferiment tad-drittijiet li jgawdu l-passiġġieri tal-ajru kontra t-trasportatur tal-ajru li qed jopera skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (172).

Jekk titjira kienet parti minn kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, skont ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012, passiġġier jista’ jressaq azzjoni għal kumpens kontra trasportatur tal-ajru li qed jopera, anki jekk ma jkun ġie konkluż l-ebda kuntratt bejn il-passiġġier u t-trasportatur tal-ajru (173).

Fir-rigward tal-ġuriżdizzjoni għal talbiet skont il-Konvenzjoni ta’ Montreal, il-Qorti ċċarat dan li ġej: filwaqt li l-ġuriżdizzjoni territorjali għal talba għal kumpens skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 għandha tiġi vvalutata skont ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012, il-ġuriżdizzjoni għal talba supplimentari għal dannu ulterjuri fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Montreal għandha tiġi vvalutata skont din il-Konvenzjoni (174).

9.2.   Limitu ta’ żmien għat-tressiq ta’ azzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004

Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 ma jistabbilixxix limiti ta’ żmien għat-tressiq ta’ azzjoni quddiem il-qrati nazzjonali. Din il-kwistjoni hija soġġetta għal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ kull Stat Membru dwar il-limitazzjoni għall-azzjoni. Il-limitazzjoni ta’ sentejn għall-azzjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Montreal mhijiex rilevanti għat-talbiet imressqa skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 u ma taffettwax il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri minħabba li l-miżuri ta’ kumpens stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 261/2004 jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni peress li għandhom l-għan li jindirizzaw inkonvenjenza mġarrba mill-passiġġieri, filwaqt li jibqgħu addizzjonali għas-sistema għad-danni stabbilita mill-Konvenzjoni. Għaldaqstant, l-iskadenzi jistgħu jvarjaw bejn l-Istati Membri (175).

10.   RESPONSABBILTÀ TAT-TRASPORTATUR TAL-AJRU SKONT IL-KONVENZJONI TA’ MONTREAL

Il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli tat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, komunement magħrufa bħala l-“Konvenzjoni ta’ Montreal”, ġiet miftiehma f’Montreal fit-28 ta’ Mejju 1999. L-UE hija parti kontraenti għal din il-Konvenzjoni u xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ġew inkorporati fid-dritt tal-UE bir-Regolament (KE) Nru 2027/97, li għandu l-għan li jipproteġi d-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru fl-UE flimkien mar-Regolament (KE) Nru 261/2004.

(a)

Il-kompatibbiltà tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 mal-Konvenzjoni ta’ Montreal:

Il-Qorti (176) ikkonfermat li r-rekwiżiti biex jiġi pprovdut kumpens għad-dewmien mal-wasla u biex tingħata assistenza fil-każ ta’ dewmien fit-tluq huma kompatibbli mal-Konvenzjoni ta’ Montreal. F’dan ir-rigward, il-Qorti kkunsidrat li t-telf ta’ ħin inerenti għad-dewmien tat-titjira jikkostitwixxi “inkonvenjenza” aktar milli “dannu”, li l-Konvenzjoni ta’ Montréal għandha l-għan li tindirizza. Dan ir-raġunament kien ibbażat fuq is-sejba li dewmien eċċessiv l-ewwel jikkawża inkonvenjenza li hija kważi identika għal kull passiġġier u r-Regolament (KE) Nru 261/2004 jipprevedi kumpens standardizzat u immedjat, filwaqt li l-Konvenzjoni ta’ Montreal tipprevedi rimedju li jirrikjedi valutazzjoni każ b’każ tal-portata tad-dannu kkawżat u konsegwentement jista’ jkun biss is-suġġett ta’ kumpens mogħti sussegwentement fuq bażi individwali. Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 jopera fi stadju aktar bikri mill-Konvenzjoni ta’ Montreal. Għalhekk, l-obbligu li jiġu kkumpensati passiġġieri li t-titjiriet tagħhom iddewmu skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, iżda jibqa’ addizzjonali għas-sistema għad-danni stabbilita minnha.

(b)

Ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 japplika biss għall-passiġġieri li jtiru ma’ “trasportatur tal-ajru”, jiġifieri kumpanija tat-trasport bl-ajru b’liċenzja operattiva valida (177) skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1), il-punt (b), ta’ dak ir-Regolament.

(c)

Skont l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, passiġġier huwa persuna li tkun ġiet ittrasportata abbażi ta’ “kuntratt ta’ trasport” skont it-tifsira tal-Artikolu 3 ta’ din il-Konvenzjoni anki jekk ma jkunx inħareġ dokument individwali jew kollettiv tat-trasport (178).

(d)

Il-kunċett ta’ “aċċident” skont it-tifsira tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, li jistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ trasportatur tal-ajru għal dannu mġarrab fil-każ ta’ mewt jew korriment ta’ passiġġier, ġie interpretat mill-Qorti f’diversi deċiżjonijiet, pereżempju f’dawn il-każijiet:

(i)

Tixrid ta’ kafè - sitwazzjonijiet li jseħħu abbord inġenju tal-ajru li fih oġġett użat għas-servizz tal-passiġġieri jikkawża ħsara lil ġisem il-passiġġier, bħal tixrid ta’ kafè jaħraq, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk dawn is-sitwazzjonijiet jirriżultawx minn periklu tipikament assoċjat mal-avjazzjoni (179), jistgħu jikkostitwixxu “aċċident”.

(ii)

Waqgħa fit-taraġ - sitwazzjoni fejn, għal ebda raġuni li tista’ tiġi aċċertata, il-passiġġieri jaqgħu fuq taraġ mobbli armat għall-iżbark ta’ passiġġieri ta’ inġenju tal-ajru u li huma stess jikkostitwixxu “aċċident” skont it-tifsira tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, inkluż jekk it-trasportatur tal-ajru kkonċernat ma jkunx naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu ta’ diliġenza u ta’ sikurezza f’dan ir-rigward (180).

(iii)

Inżul bis-saħħa - il-kunċett ta’ “aċċident” ma jkoprix inżul li jkun seħħ skont il-proċeduri operattivi u l-limitazzjonijiet applikabbli għall-inġenju tal-ajru inkwistjoni, inklużi t-tolleranzi u l-marġnijiet stipulati fir-rigward tal-fatturi tal-prestazzjoni li għandhom impatt sinifikanti fuq l-inżul, u filwaqt li jitqiesu r-regoli tal-kummerċ u l-aħjar prattika fil-qasam tal-operat tal-inġenju tal-ajru, anki jekk il-passiġġier ikkonċernat jipperċepixxi dan l-inżul bħala avveniment mhux previst (181).

(iv)

Ħsara psikoloġika kkawżata lil passiġġier minn “aċċident” skont it-tifsira tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal li ma hijiex marbuta ma’ “ħsara fuq il-persuna” skont it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni trid tiġi kkumpensata bl-istess mod bħal tali ħsara fuq il-persuna, jekk il-passiġġieri juru l-eżistenza ta’ effett avvers fuq l-integrità psikoloġika tagħhom ta’ tali gravità jew intensità li taffettwa l-istat ta’ saħħa ġenerali tagħhom u li ma tistax tiġi solvuta mingħajr trattament mediku (182).

(v)

L-ewwel għajnuna inadegwata amministrata abbord inġenju tal-ajru lil passiġġier li aggrava l-korrimenti fuq il-persuna kkawżati minn “aċċident” skont it-tifsira tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal trid titqies li tifforma parti integrali minn dan l-aċċident (183).

(e)

L-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 3(3) tal-Konvenzjoni u għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal kumpens u l-limiti għar-responsabbiltà ta’ trasportatur tal-ajru tal-1 288 Dritt Speċjali tal-Prelevament (SDR, Special Drawing Rights) fil-każ ta’ qerda, telf, dannu jew dewmien tal-bagalji japplikaw ukoll għal passiġġier li jitlob dan il-kumpens minħabba t-telf, il-qerda, il-ħsara jew id-dewmien tal-bagalji rreġistrati f’isem passiġġier ieħor, jekk il-bagalji fil-fatt kien fihom l-affarijiet personali tal-ewwel passiġġier. Għalhekk, kull passiġġier affettwat mill-qerda, mit-telf, mid-dannu jew mid-dewmien tal-bagalji rreġistrati taħt isem ħaddieħor għandu jkun intitolat għal kumpens sal-limitu ta’ 1 288 SDR jekk il-passiġġieri jkunu jistgħu jagħtu prova li l-affarijiet tagħhom kienu fil-fatt jinsabu fil-bagalji rreġistrati. Huwa f’idejn kull passiġġier ikkonċernat li jagħti prova ta’ dan b’mod sodisfaċenti quddiem imħallef nazzjonali, li jkun jista’ jqis il-fatt li l-passiġġieri huma membri tal-istess familja, xtraw il-biljetti tagħhom flimkien jew ivvjaġġaw flimkien (184).

(f)

Is-somma stabbilita fl-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal — li hija l-limitu tar-responsabbiltà tat-trasportatur tal-ajru fil-każ ta’ qerda, telf jew dewmien jew dannu lill-bagalji rreġistrati li ma kinux is-suġġett ta’ dikjarazzjoni speċjali ta’ interess fil-konsenja — tikkostitwixxi ammont massimu ta’ kumpens. Ma tikkostitwixxix rata fissa, u l-passiġġier ma għandu l-ebda dritt awtomatiku għal dan l-ammont (185).

(g)

L-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal — li jistabbilixxi l-limitu tar-responsabbiltà ta’ trasportatur tal-ajru għad-dannu li jirriżulta, fost affarijiet oħra, mit-telf ta’ bagalji — jinkludi dannu kemm materjali kif ukoll morali (186). Dan l-Artikolu japplika wkoll f’każ ta’ qerda, telf, dannu jew dewmien fil-ġarr ta’ siġġijiet tar-roti jew tagħmir ieħor tal-mobbiltà jew apparat ta’ assistenza li jiġu rreġistrati kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (a), tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006. F’dan il-każ, ir-responsabbiltà tat-trasportatur tal-ajru hija limitata għall-ammont imsemmi fil-paragrafu preċedenti, sakemm il-passiġġier ma jkunx għamel, fiż-żmien meta l-bagalji rreġistrati ġew mgħoddija lit-trasportatur tal-ajru, dikjarazzjoni speċjali ta’ interess fil-konsenja fid-destinazzjoni u jkun ħallas somma supplimentari jekk il-każ ikun jeħtieġ hekk.

(h)

Dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 19, 22 u 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, il-Qorti (187) kkunsidrat li trasportatur tal-ajru jista’ jkun responsabbli skont il-Konvenzjoni fil-konfront ta’ impjegatur fil-każ ta’ dannu kkawżat minn dewmien f’titjira li fiha l-impjegati tiegħu kienu passiġġieri. Għalhekk, il-Konvenzjoni għandha tiġi interpretata bħala li tapplika mhux biss għad-dannu kkawżat lill-passiġġieri nfushom, iżda wkoll għad-dannu mġarrab minn impjegatur li miegħu tkun saret tranżazzjoni għat-trasport internazzjonali ta’ passiġġier. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti żiedet li t-trasportaturi tal-ajru huma, madankollu, iggarantiti li r-responsabbiltà tagħhom ma tistax tiġi applikata għal aktar mil-limitu applikabbli għal kull passiġġier kif stabbilit mill-Konvenzjoni mmultiplikat bin-numru ta’ impjegati/passiġġieri kkonċernati.

(i)

Ilment irid jsir bil-miktub fit-termini msemmija fl-Artikolu 31(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, u fin-nuqqas ta’ dan ma tista’ tittieħed l-ebda azzjoni kontra t-trasportatur tal-ajru. Dan ir-rekwiżit jiġi ssodisfat jekk l-ilment jiġi rreġistrat fis-sistema ta’ informazzjoni tat-trasportatur tal-ajru mir-rappreżentant tiegħu, jekk il-passiġġier ikun jista’ jikkontrolla l-akkuratezza tat-test tal-ilment, kif imniżżel bil-miktub u mdaħħal f’dik is-sistema, u jista’, fejn xieraq, jibdlu jew jissupplimentah, jew saħansitra jissostitwixxih, qabel l-iskadenza tal-perjodu stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Konvenzjoni. Fl-aħħar nett, it-tressiq ta’ lment ma huwiex suġġett għal rekwiżiti sostantivi addizzjonali minbarra dak li t-trasportatur tal-ajru jiġi avżat dwar id-dannu mġarrab (188).

(j)

F’każ ta’ talba għal kumpens għal danni li jaqgħu taħt l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, il-passiġġier għandu għażla bejn diversi qrati stabbiliti fl-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni stess: il-qorti tad-domiċilju tat-trasportatur, il-qorti tal-post prinċipali tan-negozju tat-trasportatur, il-qorti tal-post fejn it-trasportatur ikollu post tan-negozju li permezz tiegħu jkun sar il-kuntratt, jew il-qorti fil-post tad-destinazzjoni. F’dan il-każ, ma jimpurtax jekk dan il-post ikunx jinsab fl-UE, peress li l-ġuriżdizzjoni hija bbażata fuq il-Konvenzjoni, li l-UE hija parti għaliha.


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/261/oj).

(2)  Pjan Direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti (COM(2011) 144 final), ara l-paġna 23. (https://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0144:FIN:MT:PDF).

(3)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet (COM(2011) 174 final) (http://eurlex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0174:FIN:MT:PDF).

(4)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-funzjonamet u l-applikazzjoni tad-drittijiet stabbiliti ta’ persuni li jivvjaġġaw bl-ajru (2011/2150(INI)) (http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&language=MT&reference=P7-TA-2012-99).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 tad-9 ta’ Ottubru 1997 dwar ir-responsabbiltà ta’ trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ inċidenti (ĠU L 285, 17.10.1997, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/2027/oj).

(6)  Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbilità ta’ trasportaturi bl-ajru, fejn jidħol it-trasport bl-ajru tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom (COM(2013) 130 final tat-13.3.2013).

(7)   2013/0072(COD).

(8)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa (COM(2015) 598 final tas-7.12.2015).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbiltà ta’ trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ inċidenti (ĠU L 285, 17.10.1997, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/2027/oj).

(10)  Steer Davies Gleave, Evaluation of Regulation 261/2004 – Final report – Main report, Frar 2010.

(11)  Id-Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanja l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u r-Regolament (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbiltà ta’ trasportaturi bl-ajru fir-rigward tat-trasport ta’ passiġġieri u l-bagalji tagħhom bl-ajru, Brussell (SWD(2013) 62 final tat-13.3.2013) u l-Proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 261/2004 (COM(2013) 130 final).

(12)  Referenzi ċari għall-każijiet rilevanti tal-Qorti jiġu sistematikament imsemmijin fit-test; jekk ma jkunx hemm referenza bħal din, din tikkorrispondi għall-interpretazzjoni tar-Regolament mill-Kummissjoni.

(13)  Ara l-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(14)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE tal-5 ta’ April 2001 dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru (il-Konvenzjoni ta’ Montreal) (ĠU L 194, 18.7.2001, p. 38, ELI: http://data.europa.eu/eli/convention/2001/539/oj).

(15)  Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1215/oj).

(16)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur (COM(2020) 789 final tad-9.12.2020).

(17)  Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 261/2004, (KE) Nru 1107/2006, (UE) Nru 1177/2010, (UE) Nru 181/2011 u (UE) 2021/782 fir-rigward tal-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri fl-Unjoni (COM(2023) 753 final tad-29.11.2023).

(18)  Ara l-Anness II tat-TFUE (http://ec.europa.eu/archives/lisbon_treaty/index_mt.htm).

(19)  L-Artikolu 355(5)(a) tat-TFUE.

(20)  Ir-Regolament huwa applikabbli għall-Iżlanda u għan-Norveġja skont il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u għall-Iżvizzera skont il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (1999).

(21)  Il-Kawża C-173/07, Emirates Airlines, ECLI:EU:C:2008:400, il-punt 40.

(22)  Il-Kawża C-173/07, Emirates Airlines, ECLI:EU:C:2008:400, il-punt 53.

(23)  Il-Kawża C-537/17, Wegener, ECLI:EU:C:2018:361, il-punt 18; Il-Kawża C-191/19, Air Nostrum, ECLI:EU:C:2020:339, il-punt 26; Il-Kawża C-451/20, Airhelp, ECLI:EU:C:2022:123, il-punt 25; Il-Kawża C-436/21, flightright, ECLI:EU:C:2022:762, il-punt 20.

(24)  Il-Kawża C-537/17, Wegener, ECLI:EU:C:2018:361, il-punt 25.

(25)  Il-Kawża C-502/18, České aerolinie, ECLI:EU:C:2019:604, il-punti 20 sa 26.

(26)  Il-Kawża C-502/18, České aerolinie, ECLI:EU:C:2019:604, il-punt 33.

(27)  Il-Kawża C-367/20, KLM Royal Dutch Airlines, ECLI:EU:C:2020:909, il-punt 33.

(28)  Il-Kawża C-561/20, United Airlines, ECLI:EU:C:2022:266, il-punt 44.

(29)  Il-Kawża C-436/21, flightright, ECLI:EU:C:2022:762, il-punt 28.

(30)  Il-Kawża C-436/21, flightright, ECLI:EU:C:2022:762, il-punt 31.

(31)  Il-Kawża C-451/20, Airhelp, ECLI:EU:C:2022:123, il-punt 41.

(32)  Il-Kawża C-367/20, KLM Royal Dutch Airlines, ECLI:EU:C:2020:909, il-punti 18 u 25.

(33)  Il-Kawża C-257/14, van der Lans, ECLI:EU:C:2015:618, il-punt 28.

(34)  Il-Kawża C-316/20, SATA International – Azores Airlines, ECLI:EU:C:2020:966, il-punt 19.

(35)  Il-Kawża C-686/20, Vueling Airlines, ECLI:EU:C:2021:859, il-punt 31.

(36)  Il-Kawża C-756/18, easyJet Airline, ECLI:EU:C:2019:902, il-punt 25.

(37)  Il-Kawża C-474/22, Laudamotion GmbH, ECLI:EU:C:2024:73, il-punt 21.

(38)  Il-Kawża C-756/18, easyJet Airline, ECLI:EU:C:2019:902, il-punti 28, 29, 30 u 33.

(39)  Il-Kawża C-474/22, Laudamotion GmbH, ECLI:EU:C:2024:73, il-punt 34.

(40)  Ara wkoll id-definizzjoni ta’ “trasportatur tal-ajru li qed jopera” fl-Artikolu 2, il-punt b.

(41)  Il-Kawża C-532/17, Wirth, ECLI:EU:C:2018:527, il-punt 26.

(42)  Il-Kawża C-292/18, Breyer, ECLI:EU:C:2018:99, il-punt 28.

(43)  Id-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU L 326, 11.12.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/2302/oj). Skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2015/2302, ir-referenzi għad-Direttiva 90/314/KEE fir-Regolament iridu jinqraw bħala referenzi għad-Direttiva (UE) 2015/2302.

(44)  Madankollu, rigward id-“dritt ta’ rimedju”, ara l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 u l-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2015/2302.

(45)  Il-Kawża C-163/18, Aegean Airlines, ECLI:EU:C:2019:585, il-punt 44.

(46)  Il-Kawża C-215/18, Primera Air Scandinavia, ECLI:EU:C:2020:235, il-punt 38.

(47)  Il-Kawża C-22/11, Finnair, ECLI:EU:C:2012:604, il-punt 26.

(48)  Il-Kawża C-238/22, LATAM Airlines Group, ECLI:EU:C:2023:815, il-punt 28.

(49)  Il-Kawża C-238/22, LATAM Airlines Group, ECLI:EU:C:2023:815, il-punt 39.

(50)   ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29 (ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1993/13/oj);

ara wkoll il-Kawża C-290/16, Air Berlin vs VZBV, ECLI:EU:C:2017:523, il-punti 46 sa 49.

(51)  Il-Kawża C-584/18, Blue Air – Airline Management Solutions, ECLI:EU:C:2020:324, il-punti 92 u 94.

(52)  Il-Kawża C-584/18, Blue Air – Airline Management Solutions, ECLI:EU:C:2020:324, il-punt 103.

(53)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1107/oj).

(54)  Il-Linji Gwida Interpretattivi dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru, SWD(2012) 171 final tal-11.6.2012 [iridu jiġu aġġornati wara l-adozzjoni tal-linji gwida riveduti].

(55)  Il-Kawża C-83/10, Sousa Rodríguez u Oħrajn, ECLI:EU:C:2011:652, il-punt 29.

(56)  Il-Kawża C-32/16, Wunderlich, ECLI:EU:C:2016:753, il-punt 27.

(57)  Il-Kawżi Magħquda C-402/07 u C-432/07, Sturgeon u Oħrajn, ECLI: EU: 2009:716, il-punti 37 u 38.

(58)  Il-Kawżi Magħquda C-146/20, C-188/20, C-196/20 u C-270/20, Azurair u Oħrajn, ECLI:EU:C:2021:1038, il-punt 87.

(59)  Il-Kawża C-263/20, Airhelp, ECLI:EU:C:2021:1039, il-punt 35; Il-Kawża C-395/20, Corendon Airlines, ECLI:EU:C:2021:1041, il-punt 23.

(60)  Il-Kawża C-83/10, Sousa Rodríguez u Oħrajn, ECLI:EU:C:2011:652, il-punt 28.

(61)  Il-Kawża C-826/19, Austrian Airlines, ECLI:EU:C:2021:318, il-punt 44.

(62)  Il-Kawża C-253/21, TUIfly GmbH, ECLI:EU:C:2021:840, il-punt 27.

(63)  Ara t-Taqsima 5 dwar ċirkostanzi straordinarji.

(64)  Il-Kawżi Magħquda C-402/07 u C-432/07, Sturgeon u Oħrajn, ECLI:EU:C:2009:716, il-punt 69. Ara wkoll il-Kawżi Magħquda C-581/10 u C-629/10, Nelson u Oħrajn, ECLI:EU:C:2012:657, il-punt 40, u l-Kawża C-413/11, Germanwings, ECLI:EU:C:2013:246, il-punt 19.

(65)  Il-Kawża C-452/13, Germanwings, ECLI:EU:C:2014:2141, il-punt 27.

(66)  Il-Kawżi Magħquda C-146/20, C-188/20, C-196/20 u C-270/20, Azurair u Oħrajn, ECLI:EU:C:2021:1038, il-punt 68.

(67)  Il-Kawża C-654/19, FP Passenger Service, ECLI:EU:C:2020:770, il-punt 25.

(68)  Il-Kawża C-826/19, Austrian Airlines, ECLI:EU:C:2021:318, il-punt 49.

(69)  Il-Kawża C-315/15, Pešková u Peška, ECLI:EU:C:2017:342, il-punt 54.

(70)  Il-Kawża C-255/15, Mennens, ECLI:EU:C:2016:472, il-punti 32 u 43.

(71)  Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2005/29/oj).

(72)  Il-Kawżi Magħquda C-146/20, C-188/20, C-196/20 u C-270/20, Azurair u Oħrajn, ECLI:EU:C:2021:1038, il-punt 108.

(73)  L-informazzjoni pprovduta lill-passiġġieri fuq il-lista tal-korpi nazzjonali tal-infurzar fl-UE tista’ tirreferi għas-sit web tal-Kummissjoni, li fih id-dettalji kollha ta’ kuntatt tal-korpi nazzjonali tal-infurzar.

(74)  Il-Kawżi Magħquda C-402/07 u C-432/07, Sturgeon u Oħrajn, ECLI:EU:C:2009:716, il-punt 69.

(75)  Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/83/oj).

(76)  Il-prezz tal-biljett jiġi rimborżat għall-parti jew għall-partijiet tal-vjaġġ li ma tkunx/jkunux saret/saru, u għall-parti jew għall-partijiet li tkun/jkunu diġà saret/saru jekk it-titjira ma għad għandha l-ebda skop fir-rigward tal-pjan tal-ivvjaġġar oriġinali tal-passiġġier. Fil-prinċipju, jekk il-passiġġieri jagħżlu li jirritornaw lejn l-ajruport tat-tluq tagħhom, il-parti jew il-partijiet tal-vjaġġ li tkun/jkunu diġà saret/saru ma jkollha/jkollhom l-ebda skop fir-rigward tal-pjan tal-ivvjaġġar oriġinali.

(77)  Il-prezz tal-biljett li jrid jittieħed inkunsiderazzjoni għall-iskopijiet tad-determinazzjoni tar-rimborż dovut mit-trasportatur tal-ajru lil passiġġier fl-avveniment ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira jinkludi d-differenza bejn l-ammont imħallas minn dak il-passiġġier u l-ammont riċevut mit-trasportatur tal-ajru, li jikkorrispondi għal kummissjoni miġbura minn persuna li taġixxi bħala intermedjarju bejn dawn iż-żewġ partijiet, sakemm din il-kummissjoni ma tkunx ġiet stabbilita mingħajr l-għarfien tat-trasportatur tal-ajru (Kawża C-601/17, Harms, ECLI:EU:C:2018:702, il-punt 20).

(78)  Il-Kawża C-354/18, Rusu, ECLI:EU:C:2019:637, il-punt 56.

(79)  Il-Kawża C-354/18, Rusu, ECLI:EU:C:2019:637, il-punt 62.

(80)  Il-Kawża C-601/17, Harms, ECLI:EU:C:2018:702, il-punt 12.

(81)  Il-Kawża C-76/23, Cobult, ECLI:EU:C:2024:253, il-punt 20.

(82)  Il-Kawża C-76/23, Cobult, ECLI:EU:C:2024:253, il-punt 22.

(83)  Il-Kawża C-76/23, Cobult, ECLI:EU:C:2024:253, il-punti 29, 34 u 37.

(84)  Il-Kawża C-74/19, Transportes Aéros Portugueses, ECLI:EU:C:2020:460, il-punt 59.

(85)  Il-Kawża C-74/19, Transportes Aéros Portugueses, ECLI:EU:C:2020:460, il-punt 61.

(86)  Il-Kawża C-832/18, Finnair, ECLI:EU:C:2020:204, il-punti 31 u 33.

(87)  Il-Kawża C-49/22, Austrian Airlines, ECLI:EU:C:2023:454, il-punt 33.

(88)  Il-Kawża C-49/22, Austrian Airlines, ECLI:EU:C:2023:454, il-punt 50.

(89)  Il-Kawża C-12/11, McDonagh, ECLI:EU:C:2013:43, il-punt 66.

(90)  Il-Kawża C-530/19, Niki Luftfahrt, ECLI:EU:C:2020:635, il-punt 24.

(91)  Il-Kawża C-530/19, Niki Luftfahrt, ECLI:EU:C:2020:635, il-punt 40.

(92)  Il-Kawża C-12/11, McDonagh, ECLI:EU:C:2013:43, il-punt 30.

(93)  Il-Kawżi Magħquda C-146/20, C-188/20, C-196/20 u C-270/20, Azurair u Oħrajn, ECLI:EU:C:2021:1038, il-punt 108.

(94)  Il-Kawża C-356/19, Delfly, ECLI:EU:C:2020:633, il-punt 34.

(95)  Il-Kawża C-22/11, Finnair, ECLI:EU:C:2012:604, il-punt 40.

(96)  Il-Kawża C-321/11, Rodríguez Cachafeiro u Martínez-Reboredo Varela-Villamor, ECLI:EU:C:2012:609, il-punt 36.

(97)  Il-Kawża C-302/16, Krijgsman, ECLI:EU:C:2017:359, il-punt 31; Il-Kawża C-263/20, Airhelp, ECLI:EU:C:2021:1039, il-punt 56.

(98)  Il-Kawża C-307/21, Ryanair DAC, ECLI:EU:C:2022:729, il-punt 30.

(99)  Il-Kawżi Magħquda C-402/07 u C-432/07, Sturgeon u Oħrajn, ECLI:EU:C:2009:716, il-punt 54.

(100)  Il-Kawżi Magħquda C-402/07 u C-432/07, Sturgeon u Oħrajn, ECLI:EU:C:2009:716, il-punt 69.

(101)  Il-Kawża C-11/11, Folkerts, ECLI:EU:C:2013:106, il-punt 47.

(102)  Il-Kawża C-191/19, Air Nostrum, ECLI:EU:C:2020:339, il-punt 34.

(103)  Il-Kawża C-826/19, Austrian Airlines, ECLI:EU:C:2021:318, il-punt 49.

(104)  Il-Kawża C-826/19, Austrian Airlines, ECLI:EU:C:2021:318, il-punt 66.

(105)  Il-Kawża C-826/19, Austrian Airlines, ECLI:EU:C:2021:318, il-punt 73.

(106)  Il-Kawżi Magħquda C-402/07 u C-432/07, Sturgeon u Oħrajn, ECLI:EU:C:2009:716, il-punt 63.

(107)  Il-Kawżi Magħquda C-402/07 u C-432/07, Sturgeon u Oħrajn, ECLI:EU:C:2009:716, il-punt 63.

(108)  Il-Kawżi Magħquda C-146/20, C-188/20, C-196/20 u C-270/20, Azurair u Oħrajn, ECLI:EU:C:2021:1038, il-punt 94.

(109)  Il-Kawża C-11/11, Folkerts, ECLI:EU:C:2013:106, il-punt 18.

(110)  Il-Kawża C-559/16, Bossen, ECLI:EU:C:2017:644, il-punt 33.

(111)  Il-Kawża C-939/19, flightright, ECLI:EU:C:2020:316, il-punt 22; il-Kawża C-592/20, British Airways, ECLI:EU:C:2021:312, il-punt 36.

(112)  Il-Kawża C-130/18, flightright GmbH, ECLI:EU:C:2018:496, il-punt 23.

(113)  Il-Kawża C-130/18, flightright GmbH, ECLI:EU:C:2018:496, il-punt 23.

(114)  Il-Kawża C-54/23, WY vs Laudamotion GmbH u Ryanair DAC, ECLI:EU:C:2024:74, il-punt 24.

(115)  Il-Kawża C-83/10, Sousa Rodríguez u Oħrajn, ECLI:EU:C:2011:652, il-punt 46.

(116)  Il-Kawża C-354/18, Rusu, ECLI:EU:C:2019:637, il-punt 47.

(117)  Il-Kawża C-153/19, DER Touristik GmbH, ECLI:EU:C:2020:412, il-punt 36.

(118)  Il-Kawża C-549/07, Wallentin-Hermann, ECLI:EU:C:2008:771, il-punt 17, u l-ġurisprudenza kkwotata.

(119)  Il-Kawża C-549/07, Wallentin-Hermann, ECLI:EU:C:2008:771, il-punt 22.

(120)  Il-Kawża C-549/07, Wallentin-Hermann, ECLI:EU:C:2008:771, il-punt 23; il-Kawża C-12/11, McDonagh, ECLI:EU:C:2013:43, il-punt 29; il-Kawża C-257/14, van der Lans, ECLI:EU:C:2015:618, il-punt 36; u każijiet sussegwenti.

(121)  Il-Qorti għamlet din id-distinzjoni għall-ewwel darba fil-Kawża C-28/20, Airhelp Ltd, ECLI:EU:C:2021:226, il-punt 39.

(122)  Il-Kawża C-28/20, Airhelp Ltd, ECLI:EU:C:2021:226, il-punt 41.

(123)  Il-Kawża C-549/07, Wallentin-Hermann, ECLI:EU:C:2008:771, il-punt 25.

(124)  Il-Kawża C-257/14, van der Lans, ECLI:EU:C:2015:618, il-punti 40, 41 u 42.

(125)  Il-Kawża C-832/18, Finnair, ECLI:EU:C:2020:204, il-punt 43.

(126)  Il-Kawża C-411/23, D., ECLI:EU:C:2024:498, il-punt 42; ara wkoll il-Kawża C-385/23, Finnair, ECLI:EU:C:2024:497, il-punti 37 u 39.

(127)  Il-Kawża C-394/14, Siewert, ECLI:EU:C:2014:2377, il-punti 19 u 20.

(128)  Il-Kawżi Magħquda C-156/22, C-157/22 u C-158/22, TAP Portugal, ECLI:EU:C:2023:393, il-punt 26.

(129)  Il-Kawża C-28/20, Airhelp Ltd, ECLI:EU:C:2021:226, il-punt 37.

(130)  Il-Kawża C-28/20, Airhelp Ltd, ECLI:EU:C:2021:226, il-punt 44.

(131)  Il-Kawża C-195/17, Krüsemann u Oħrajn, ECLI:EU:C:2018:258, il-punt 48.

(132)  Il-Kawża C-613/20, Eurowings, ECLI:EU:C:2021:820, il-punt 34.

(133)  Il-Kawża C-287/20, Ryanair DAC, ECLI:EU:C:2022:1, il-punt 33.

(134)  Il-Kawża C-28/20, Airhelp Ltd, ECLI:EU:C:2021:226, il-punt 45.

(135)  Il-Kawża C-315/15, Pešková u Peška, ECLI:EU:C:2017:342, il-punt 24.

(136)  Il-Kawża C-315/15, Pešková u Peška, ECLI:EU:C:2017:342, il-punt 25.

(137)  Il-Kawża C-302/22, Freebird Airlines Europe Ltd., ECLI:EU:C:2022:748, il-punt 23.

(138)  Il-Kawża C-264/20, Airhelp, ECLI:EU:C:2021:26, il-punt 26.

(139)  Il-Kawża C-659/21, Orbest, ECLI:EU:C:2022:254, il-punt 27.

(140)  Il-Kawża C-501/17, Germanwings, ECLI:EU:C:2019:288, il-punt 34.

(141)  Il-Kawża C-159/18, Moens, ECLI:EU:C:2019:535, il-punt 22.

(142)  Il-Kawża C-308/21, SATA International – Azores Airlines, ECLI:EU:C:2022:533, il-punt 28.

(143)  Il-Kawża C-74/19, Transport Aéreos Portugueses, ECLI:EU:C:2020:460, il-punt 48.

(144)  Il-Kawża C-12/11, McDonagh, ECLI:EU:C:2013:43, il-punt 34.

(145)  Il-Kawża C-28/20, Airhelp Ltd, ECLI:EU:C:2021:226, il-punti 42 u 43.

(146)  Il-Kawża C-405/23, Touristic Aviation Services Limited, ECLI:EU:C:2024:408, il-punt 30.

(147)  Il-Kawża C-74/19, Transportes Aéreos Portugueses, EU:C:2020:460, il-punt 36, u l-ġurisprudenza kkwotata.

(148)  Il-Kawża C-294/10, Eglītis u Ratnieks, ECLI:EU:C:2011:303, il-punt 37.

(149)  Il-Kawża C-264/20, Airhelp, ECLI:EU:C:2021:26, il-punt 33.

(150)  Il-Kawża C-549/07, Wallentin-Hermann, ECLI:EU:C:2008:771, il-punt 43.

(151)  Il-Kawża C-74/19, Transportes Aéreos Portugueses, EU:C:2020:460, il-punt 55.

(152)  Il-Kawża C-826/19, Austrian Airlines, ECLI:EU:C:2021:318, il-punt 57.

(153)  Il-Kawża C-12/11, McDonagh, ECLI:EU:C:2013:43, il-punt 30, u l-punt 4.3.3 tal-Linji Gwida Interpretattivi.

(154)  Dawn ir-regoli huma proposti, ara l-proposta COM(2013) 130 final u l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri f’kuntest multimodali (COM(2023) XXX tad-29.11.2023).

(155)  Ir-Regolament (UE) 2021/782 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU L 172, 17.5.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/782/oj).

(156)  L-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2021/782.

(157)  Ara f’dan ir-rigward ir-Regolament (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1177/oj) u r-Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/181/oj).

(158)  L-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004.

(159)  Il-Kawża C-139/11, Cuadrench Moré, ECLI:EU:C:2012:741, il-punt 33.

(160)  Il-Kawżi Magħquda C-145/15 u C-146/15, Ruijssenaars u Oħrajn, ECLI:EU:C:2016:187, il-punti 32, 36 u 38.

(161)  Il-Kawża C-597/20, LOT, ECLI:EU:C:2022:735, il-punt 26.

(162)  Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/11/oj).

(163)  Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/2394/oj).

(164)  Id-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 409, 4.12.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2020/1828/oj).

(165)   https://www.eccnet.eu.

(166)  Il-Kawża C-204/08, Rehder, ECLI:EU:C:2009:439, il-punt 28.

(167)  Il-Kawża C-204/08, Rehder, ECLI:EU:C:2009:439, il-punt 47.

(168)  Il-Kawżi Mmagħquda C-274/16, C-447/16 u C-448/16, flightright, ECLI:EU:C:2018:160, il-punt 78.

(169)  Il-Kawża C-606/19, flightright, ECLI:EU:C:2020:101, il-punt 36.

(170)  Il-Kawża C-20/21, LOT Polish Airlines, ECLI:EU:C:2022:71, il-punt 27.

(171)  Il-Kawża C-464/18, Ryanair, ECLI:EU:C:2019:311, il-punt 36.

(172)  Il-Kawża C-11/23, Eventmedia Soluciones SL, ECLI:EU:C:2024:194, il-punt 26.

(173)  Il-Kawża C-215/18, Primera Air Scandinavia, ECLI:EU:C:2020:235, il-punt 38.

(174)  Il-Kawża C-213/18, Guaitoli u Oħrajn, ECLI:EU:C:2019:927, il-punt 44.

(175)  Il-Kawża C-139/11, Cuadrench Moré, ECLI:EU:C:2012:741, il-punt 33.

(176)  Il-Kawża C-344/04, IATA u ELFAA, ECLI:EU:C:2006:10, il-punti 43, 45, 46 u 47; Il-Kawżi Magħquda C-402/07 u C-432/07, Sturgeon u Oħrajn, ECLI:EU:C:2009:716, il-punt 51.

(177)  Il-Kawża C-240/14, Prüller-Frey, ECLI:EU:C:2015:567, il-punt 29.

(178)  Il-Kawża C-6/14, Wucher Helicopter, ECLI:EU:C:2015:122, il-punti 36, 37 u 38.

(179)  Il-Kawża C-532/18, Niki Luftfahrt, ECLI:EU:C:2019:1127, il-punt 43.

(180)  Il-Kawża C-589/20, Austrian Airlines, ECLI:EU:C:2022:424, il-punt 24.

(181)  Il-Kawża C-70/20, Altenrhein Luftfahrt, ECLI:EU:C:2021:379, il-punt 43.

(182)  Il-Kawża C-111/21, Laudamotion, ECLI:EU:C:2022:808, il-punt 33.

(183)  Il-Kawża C-510/21, DB vs Austrian Airlines, ECLI:EU:C:2023:550, il-punt 28.

(184)  Il-Kawża C-410/11, Espada Sanchez, ECLI:EU:C:2012:747, il-punt 35.

(185)  Il-Kawża C-86/19, Vueling Airlines, ECLI:EU:C:2020:538, il-punt 35.

(186)  Il-Kawża C-63/09, Walz, ECLI:EU:C:2010:251, il-punt 39.

(187)  Il-Kawża C-429/14, Air Baltic Corporation, ECLI:EU:C:2016:88, il-punti 29 u 49.

(188)  Il-Kawża C-258/16, Finnair, ECLI:EU:C:2018:252, il-punti 31, 37, 47 u 54.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5687/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top