Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0599

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jimplimenta l-klawżola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra

/* KUMM/2011/0599 finali - 2011/0263 (COD) */

52011PC0599

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jimplimenta l-klawżola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra /* KUMM/2011/0599 finali - 2011/0263 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

Il-proposta tikkonċerna l-inkorporazzjoni tal-klawżola ta' salvagwardja u l-Mekkaniżmu ta' Stabbilizzazzjoni previsti fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Amerika Ċentrali fil-liġi tal-Unjoni Ewropea.

Kuntest ġenerali

Fit-23 ta' April 2007 l-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati ma' ċerti pajjiżi tal-Amerika Ċentrali, li rriżultaw fi Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Amerika Ċentrali. Il-Ftehim ġie inizjalat fit-22 ta' Marzu 2011.

Il-ftehim jinkludi klawżola ta' salvagwardja bilaterali li tipprovdi għall-possibilità li terġa' tiddaħħal ir-rata ta' dazju doganali tal-MFN meta bħala konsegwenza ta' liberalizzazzjoni kummerċjali jseħħu importazzjonijiet bi kwantitajiet daqstant ikbar min-normal, u b'tali kundizzjonijiet li jikkawżaw (jew jheddu li jikkawżaw) dannu serju lill-Industrija tal-Unjoni li tipproduċi prodott simili jew prodott f'kompetizzjoni diretta miegħu.

Barra minn hekk, il-ftehim jinkorpora wkoll Mekkaniżmu ta' Stabbilizzazzjoni għall-Banana li skontu, sal-1 ta' Jannar 2020, id-dazji doganali preferenzjali jistgħu jiġu sospiżi meta jintlaħaq ċertu volum ta' importazzjoni annwali.

Sabiex dawn il-miżuri jkunu operattivi, din il-klawżola ta' salvagwardja trid tiġi inkorporata fil-liġi tal-Unjoni Ewropea tal-inqas għaliex l-aspetti proċedurali tal-impożizzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja kif ukoll id-drittijiet tal-partijiet interessati, bħad-dritt ta' difiża, jeħtieġ li jiġu speċifikati.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U STIMI TAL-IMPATT

Din il-proposta għal Regolament ta' implimentazzjoni ġejja direttament mit-test tal-Ftehim innegozjat mal-Amerika Ċentrali. Għaldaqstant, ma hemm l-ebda bżonn ta' konsultazzjoni separata mal-partijiet interessati u lanqas ta' stima tal-impatt. B'mod ġenerali hija bbażata fuq regolamenti ta' implimentazzjoni eżistenti.

3.           ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Taqsira tal-azzjoni proposta

Il-proposta mehmuża għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tikkostitwixxi l-istrument ġuridiku għall-implimentazzjoni tal-klawżola ta' salvagwardja u l-Mekkaniżmi ta' Stabbilizzazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali.

Bażi ġuridika

L-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

2011/0263 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jimplimenta l-klawżola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta’ att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja[1],

Billi:

(1) Fit-23 ta' April 2007 l-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati ma' ċerti pajjiżi tal-Amerika Ċentrali ("l-Amerika Ċentrali") għal Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra ("il-Ftehim") f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

(2) Dawk in-negozjati ġew konklużi u l-Ftehim ġie inizjalat fit-22 ta' Marzu 2011 u, b'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru .../2011/UE ta' ...[2] il-Ftehim ġie ffirmat f'isem l-Unjoni Ewropea nhar ..., bil-kundizzjoni li jiġi konkluż iktar 'il quddiem. Nhar (...), il-Ftehim kiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew. Imbagħad, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru.../2011 ta' ...[3] dwar il-konklużjoni tal-Ftehim.

(3) Jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri għall-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim li jikkonċernaw il-klawżola ta' salvagwardja bilaterali u għall-applikazzjoni tal-Mekkaniżmu ta' Stabbilizzazzjoni għall-Banana li kien hemm qbil dwaru mal-Amerika Ċentrali.

(4) It-termini "dannu serju", "theddida ta' dannu serju" u "perjodu tranżitorju" kif imsemmija fl-Artikoli 104 u 105 tal-Ftehim għandhom jiġu ddefiniti.

(5) Miżuri ta' salvagwardja għandhom jitqiesu biss jekk il-prodott ikkonċernat jiġi importat fl-Unjoni fi kwantitajiet daqstant ikbar min-normal, f'termini assoluti jew relattivi għall-produzzjoni tal-Unjoni, u b'tali kundizzjonijiet li jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, dannu serju lill-produtturi tal-Unjoni ta' prodotti simili jew li jkunu f'kompetizzjoni diretta kif stabbilit fl-Artikolu 104 tal-Ftehim.

(6) Il-miżuri ta' salvagwardja għandhom ikunu minn fost dawk it-tipi msemmija fl-Artikolu 104(2) tal-Ftehim.

(7) Il-kompiti tat-twettiq ta' investigazzjonijiet u, jekk ikun meħtieġ, l-impożizzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja għandhom isiru bl-aktar mod trasparenti possibbli.

(8) Għandu jkun hemm dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-ftuħ tal-proċedimenti. Il-Kummissjoni għandha tirċievi tagħrif, inkluża l-evidenza disponibbli, mill-Istati Membri dwar kwalunkwe xejriet fl-importazzjonijiet li jkunu jistgħu jeħtieġu l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja.

(9) Jekk ikun hemm biżżejjed evidenza prima facie biex ikun iġġustifikat il-ftuħ ta' proċediment, il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż kif stipulat fl-Artikolu 111(3) tal-Ftehim f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(10) Għandu jkun hemm dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-ftuħ ta’ investigazzjonijiet, l-aċċess għat-tagħrif miġbur u l-ispezzjonijiet li jitwettqu mill-partijiet interessati fuq dak it-tagħrif, dwar is-seduti ta' smigħ għall-partijiet involuti u dwar l-opportunitajiet għal dawk il-partijiet biex iressqu l-fehmiet tagħhom kif stipulat fl-Artikolu 111(3) tal-Ftehim.

(11) Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Amerika Ċentrali bil-miktub bil-ftuħ ta' investigazzjoni u tgħarraf lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni bir-riżultati tal-investigazzjonijiet kif stipulat fl-Artikolu 116 tal-Ftehim.

(12) Huwa wkoll meħtieġ, skont l-Artikolu 112 tal-Ftehim, li jiġu stabbiliti l-limiti ta' żmien għall-ftuħ tal-investigazzjonijiet u għall-kunsiderazzjonijiet dwar jekk il-miżuri humiex xierqa jew le, bil-ħsieb li jiġi żgurat li dawn il-kunsiderazzjonijiet isiru malajr, sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati.

(13) Għandu jkun hemm investigazzjoni qabel l-applikazzjoni ta' xi miżura ta' salvagwardja, bir-riżerva li l-Kummissjoni titħalla tapplika miżuri provviżorji f'ċirkostanzi kritiċi kif imsemmi fl-Artikolu 106 tal-Ftehim.

(14) Il-miżuri ta' salvagwardja għandhom jiġu applikati biss sa fejn, u għal tant żmien, kif jista' jinħtieġ biex ma jsirx dannu serju u jiġi ffaċilitat l-aġġustament. It-tul ta’ żmien massimu tal-miżuri ta’ salvagwardja għandu jkun iddeterminat u għandhom jiġu stipulati dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-estensjoni u r-reviżjoni ta’ dawn il-miżuri, kif imsemmi fl-Artikolu 105 tal-Ftehim.

(15) L-implimentazzjoni tal-klawżola ta' salvagwardja bilaterali tal-Ftehim tesiġi kundizzjonijiet uniformi għall-adozzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja provviżorji u definittivi, għall-impożizzjoni ta' miżuri ta' sorveljanza minn qabel, għat-tmiem ta' investigazzjoni mingħajr miżuri u għas-sospensjoni temporanja tad-dazju doganali preferenzjali stabbilit skont il-Mekkaniżmu ta' Stabbilizzazzjoni għall-Banana li kien hemm qbil dwaru mal-Amerika Ċentrali. Dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni b'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[4].

(16) Jixraq li l-proċedura konsultattiva tintuża għall-adozzjoni tal-miżuri ta' sorveljanza u dawk provviżorji minħabba l-effetti ta' dawn il-miżuri u l-loġika sekwenzjali tagħhom f'rabta mal-adozzjoni tal-miżuri ta' salvagwardja definittivi. Meta dewmien fl-impożizzjoni tal-miżuri jkun jikkawża dannu li jkun diffiċli li jissewwa jeħtieġ li l-Kummissjoni titħalla tadotta minnufih il-miżuri provviżorji applikabbli.

(17) Dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-prodotti li joriġinaw fl-Unjoni jew fl-Amerika Ċentrali,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu I – Dispożizzjoni ta' salvagwarjdja

Artikolu 1 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a) "prodotti" tfisser oġġetti li joriġinaw fl-Unjoni jew f'pajjiż tal-Amerika Ċentrali. Prodott suġġett għal investigazzjoni jista' jkopri linja tariffarja waħda jew iktar jew sottosegment tagħhom skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi tas-suq, jew kwalunkwe segmentazzjoni tal-prodott li tkun applikata b'mod komuni fl-industrija tal-Unjoni;

(b) "partijiet interessati” tfisser il-partijiet milquta mill-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat;

(c) "industrija tal-Unjoni" tfisser il-produtturi tal-Unjoni ta' prodotti simili jew ta' prodotti f'kompetizzjoni diretta bħala unità waħda u li jkunu joperaw fit-territorju tal-Unjoni, jew dawk il-produtturi tal-Unjoni li l-produttività kollettiva tagħhom ta' prodotti simili jew ta' prodotti f'kompetizzjoni diretta tikkostitwixxi proporzjon ewlieni tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' dawk il-prodotti. Fil-każi fejn prodott simili jew f’kompetizzjoni diretta jkun biss wieħed minn fost diversi prodotti magħmulin mill-produtturi li jikkostitwixxu l-industrija tal-Unjoni, l-industrija għandha tkun definita bhala l-operazzjonijiet speċifiċi li huma involuti fil-produzzjoni tal-prodott simili jew tal-prodott f’kompetizzjoni diretta;

(d) "dannu serju" tfisser ħsara ġenerali sinifikanti fil-pożizzjoni tal-produtturi tal-Unjoni;

(e) "theddida ta’ dannu serju" tfisser dannu serju li jkun imminenti b'mod ċar. Determinazzjoni tal-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu serju għandha tkun ibbażata fuq fatti verifikabbli u mhux sempliċement fuq allegazzjoni, konġentura jew possibilità remota. It-tbassir, l-istimi u l-analiżijiet magħmulin fuq il-bażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 4(5), għandhom, inter alia, jiġu kkunsidrati sabiex tiġi determinata l-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu serju;

(f) "perjodu tranżitorju" tfisser 10 snin mid-data ta' applikazzjoni tal-Ftehim għal kwalunkwe prodott li l-Iskeda għat-Tneħħija tat-Tariffi tistipulalu perjodu għat-tneħħija tat-tariffi ta' inqas minn 10 snin. Għall-prodotti li l-Iskeda għat-Tneħħija tat-Tariffi tistipulalhom perjodu għat-tneħħija tat-tariffi ta' 10 snin jew iktar, "perjodu tranżitorju" tfisser il-perjodu għat-tneħħija tat-tariffi għall-prodott stipulat f'dik l-Iskeda, bi 3 snin miżjuda fuqu.

(g) "pajjiż tal-Amerika Ċentrali" tfisser il-Kosta Rika, El Salvador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, in-Nikaragwa jew il-Panama.

Artikolu 2 Prinċipji

1. Miżura ta' salvagwardja tista' tiġi imposta b'konformità ma' dan ir-Regolament fejn prodott li joriġina f'pajjiż tal-Amerika Ċentrali, bħala riżultat tat-tnaqqis jew it-tneħħija tad-dazji fuq dan il-prodott, jiġi importat fl-Unjoni fi kwantitajiet tant ikbar min-normal, f'termini assoluti jew relattivi mal-produzzjoni tal-Unjoni, u taħt kundizzjonijiet tali li jikkawżaw jew jheddu li jikkawżaw dannu serju lill-industrija tal-Unjoni li tipproduċi prodott simili jew li qiegħed f'kompetizzjoni diretta.

2. Il-miżuri ta' salvagwardja jistgħu jieħdu waħda mill-forom li ġejjin:

(a) is-sospensjoni ta’ tnaqqis ulterjuri tar-rata tad-dazju doganali fuq il-prodott ikkonċernat stipulat fl-Iskeda tal-Parti tal-UE stipulat fl-Anness I (Tneħħija tad-Dazji Doganali) mal-Ftehim;

(b) żieda tar-rata ta' dazju doganali fuq il-prodott ikkonċernat sa livell li ma jaqbiżx l-inqas minn dawn:

– ir-rata applikata ta' dazju doganali tan-nazzjon l-aktar iffavorit ("MFN") fuq il-prodott li tkun effettiva fiż-żmien meta tittieħed il-miżura; jew

– ir-rata applikata ta' dazju doganali tal-MFN fuq il-prodott li tkun fis-seħħ lejlet id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

3. L-ebda waħda mill-miżuri ma għandhom japplikaw fil-limiti tal-kwoti tariffarji preferenzjali bla dazju mogħtija minn dan il-Ftehim.

Artikolu 3 Il-ftuħ tal-proċedimenti

1. Investigazzjoni għandha tinfetaħ fuq talba ta' Stat Membru, minn kwalunkwe persuna ġuridika jew kwalunkwe assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika, li tkun qed taġixxi f'isem l-industrija tal-Unjoni, jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess jekk il-Kummissjoni jidhrilha li hemm biżżejjed evidenza prima facie, kif stabbilit abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 4(5), li tiġġustifika tali ftuħ.

2. It-talba għall-ftuħ ta' investigazzjoni għandha tinkludi evidenza li l-kundizzjonijiet biex tiġi imposta l-miżura ta' salvagwardja stipulata fl-Artikolu 2(1) ikunu ġew sodisfatti. It-talba għandha ġeneralment tinkludi t-tagħrif li ġej: ir-rata u l-ammont taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat f'termini assoluti u relattivi, is-sehem tas-suq domestiku meħud minn importazzjonijiet miżjuda, u l-bidliet fil-livelli ta' bejgħ, produzzjoni, produttività, użu tal-kapaċità, qligħ u telf, u impjiegi.

3. Investigazzjoni tista' tinfetaħ ukoll fil-każ li jkun hemm żieda qawwija tal-importazzjonijiet ikkonċentrati fi Stat Membru wieħed jew f'għadd ta' Stati Membri, bil-kundizzjoni li jkun hemm biżżejjed evidenza prima facie li l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ikunu ġew sodisfatti, kif stabbilit abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 4(5).

4. Stat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni f'każ li x-xejriet fl-importazzjonijiet minn pajjiż fl-Amerika Ċentrali jidhru li jirrikjedu miżuri ta' salvagwardja. Dan it-tagħrif għandu jinkludi l-evidenza disponibbli kif stabbilita abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 4(5). Il-Kummissjoni għandha tgħaddi dan it-tagħrif lill-Istati Membri kollha.

5. Meta, wara l-konsultazzjoni, ikun jidher li hemm biżżejjed evidenza prima facie kif stabbilita abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 4(5) li tiġġustifika ftuħ ta' proċediment, il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-ftuħ għandu jseħħ fi żmien xahar mit-talba jew mill-wasla tat-tagħrif skont il-paragrafu 1.

6. L-avviż imsemmi fil-paragrafu 5 għandu:

(c) jagħti taqsira tat-tagħrif li wasal, u jesiġi li t-tagħrif rilevanti kollu jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni;

(d) jiddikjara l-perjodu li fih il-partijiet interessati jistgħu jgħarrfu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jippreżentaw it-tagħrif, jekk iridu li dawn il-fehmiet u t-tagħrif jitqiesu matul l-investigazzjoni;

(e) jiddikjara l-perjodu li fih il-partijiet interessati jistgħu japplikaw biex jinstemgħu oralment mill-Kummissjoni b'konformità mal-Artikolu 4(9).

Artikolu 4 L-investigazzjoni

7. Wara l-ftuħ tal-proċediment, il-Kummissjoni għandha tibda investigazzjoni. Il-perjodu stipulat fil-paragrafu 3 għandu jibda dakinhar li d-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-investigazzjoni tkun ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

8. Il-Kummissjoni tista' titlob li l-Istati Membri jipprovdu t-tagħrif u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jissodisfaw din it-talba. Jekk dan it-tagħrif ikun ta’ interess ġenerali u ma jkunx kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 11, għandu jiżdied mal-fajls mhux kunfidenzjali kif previst fil-paragrafu 8.

9. L-investigazzjoni għandha tiġi konkluża, fejn ikun possibbli, fi żmien sitt xhur mill-ftuħ tagħha. Dan il-limitu ta' żmien jista' jiġi estiż b'perjodu addizzjonali ta' tliet xhur f'ċirkostanzi eċċezzjonali bħall-involviment ta' numru aktar għoli mis-soltu ta' partijiet jew sitwazzjonijiet kumplessi tas-suq. Il-Kummissjoni għandha tavża lill-partijiet interessati kollha bi kwalunkwe estensjoni ta’ dan it-tip u tispjega r-raġunijiet li wasslu għal din l-estensjoni.

10. Il-Kummissjoni għandha titlob it-tagħrif kollu li jidhrilha li jkun meħtieġ biex tkun tista' tiddetermina dwar il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1), u, fejn jidhrilha li jkun xieraq, tfittex li tivverifika dan it-tagħrif.

11. Fl-investigazzjoni l-Kummissjoni għandha tagħmel stima tal-fatturi rilevanti kollha ta' natura oġġettiva u kwantifikabbli li għandhom influwenza fuq il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni, b'mod partikolari, ir-rata u l-ammont taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat f'termini assoluti u relattivi, is-sehem tas-suq domestiku meħud mill-importazzjonijiet miżjuda, it-tibdil fil-livelli tal-bejgħ, tal-produzzjoni, tal-produttività, tal-użu tal-kapaċità, tal-qligħ u tat-telf, u tal-impjiegi. Din il-lista mhix eżawrjenti u l-Kummissjoni tista’ tqis fatturi oħra rilevanti meta tkun qed tiddetermina l-eżistenza ta’ dannu serju jew theddida ta’ dannu serju, bħalma huma il-ħażniet, il-prezzijiet, ir-redditu fuq il-kapital użat, il-likwidità, u fatturi oħra li jkunu qed jikkawżaw jew għandhom mnejn ikkawżaw dannu serju, jew jheddu li jikkawżaw dannu serju lill-industrija tal-Unjoni.

12. Il-partijiet interessati li jkunu ppreżentaw ruħhom skont l-Artikolu 3(6)(b) u r-rappreżentanti tal-pajjiż tal-Amerika Ċentrali kkonċernat jistgħu, fuq talba bil-miktub, jispezzjonaw it-tagħrif kollu li jkun tpoġġa għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni b'konnessjoni mal-investigazzjoni għajr id-dokumenti interni mħejjija mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni li dan it-tagħrif ikun rilevanti għall-preżentazzjoni tal-każ tagħhom u mhux kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 11 u li jintuża mill-Kummissjoni fl-investigazzjoni. Il-partijiet interessati li jkunu ppreżentaw ruħhom jistgħu jikkomunikaw il-fehmiet tagħhom dwar it-tagħrif lill-Kummissjoni. Dawk il-fehmiet għandhom jiġu kkunsidrati meta jkunu mirfuda b’biżżejjed evidenza prima facie.

13. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li d-dejta u l-istatistika kollha li jintużaw għall-investigazzjoni jkunu disponibbli, jinftiehmu, trasparenti u verifikabbli.

14. Il-Kummissjoni, hekk kif jitwaqqaf il-qafas tekniku neċessarju, għandha tiżgura l-aċċess bl-internet protett b'password għall-fajl mhux kunfidenzjali ("pjattaforma onlajn"), li hija għandha ġġestixxi u li permezz tiegħu għandu jitqassam it-tagħrif kollu rilevanti u mhux kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 11. Il-partijiet interessati fl-investigazzjoni, kif ukoll l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew għandhom jingħataw aċċess għal din il-pjattaforma onlajn.

15. Il-Kummissjoni għandha tisma’ lill-partijiet interessati, b'mod partikolari meta jkunu għamlu applikazzjoni bil-miktub fil-perjodu stipulat fl-avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fejn juru li fil-verità x’aktarx ikunu sejrin jintlaqtu mir-riżultat tal-investigazzjoni u li jeżistu raġunijiet speċjali biex jinstemgħu oralment.

Il-Kummissjoni għandha tisma’ lil dawn il-partijiet f’okkażjonijiet oħra jekk ikun hemm raġunijiet speċjali biex dawn jerġgħu jinstemgħu.

16. Meta t-tagħrif ma jitressaqx fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-Kummissjoni, jew l-investigazzjoni tiġi mxekkla b'mod sinifikanti, jistgħu jinsiltu riżultati abbażi tal-fatti disponibbli. Fejn il-Kummissjoni ssib li xi parti interessata jew parti terza tkun ipprovdiet tagħrif falz jew qarrieqi, ma għandhiex tagħti kas ta’ dan it-tagħrif u tista’ tagħmel użu mill-fatti disponibbli.

17. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika l-pajjiż mill-Amerika Ċentrali kkonċernat bil-miktub bil-ftuħ ta' investigazzjoni.

Artikolu 5 Miżuri ta’ sorveljanza preventivi

18. Fejn it-tendenza fl-importazzjonijiet ta' prodott li joriġina f'pajjiż mill-Amerika Ċentrali tkun tali li dawn jistgħu jwasslu għal waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 u 3, l-importazzjonijiet ta' dak il-prodott jistgħu jkunu soġġetti għal miżuri ta' sorveljanza preventiva.

19. Il-miżuri ta' sorveljanza preventiva għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni b'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 12(2).

20. Il-miżuri ta’ sorveljanza preventiva għandu jkollhom perjodu ta’ validità limitat. Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor, dawn ma jibqgħux validi fi tmiem it-tieni perjodu ta' sitt xhur wara l-ewwel sitt xhur mill-introduzzjoni tal-miżuri.

Artikolu 6 Impożizzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja provviżorji

21. Miżuri ta' salvagwardja provviżorji għandhom jiġu applikati f'ċirkostanzi kritiċi fejn dewmien jikkawża dannu li jkun diffiċli li jissewwa, skont determinazzjoni preliminari abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 4(5) li hemm biżżejjed evidenza prima facie li l-importazzjonijiet ta' prodott li joriġina minn pajjiż tal-Amerika Ċentrali jkunu żdiedu bħala riżultat tat-tnaqqis jew l-eliminazzjoni ta' dazju doganali skont l-Iskeda ta' Eliminazzjoni Tariffarja tal-Unjoni Ewropea stabbilita fl-Anness I (Tneħħija tad-Dazji Doganali) mal-Ftehim, u li dawn l-importazzjonijiet jikkawżaw dannu serju, jew theddida ta' dan, lill-industrija tal-Unjoni.

Il-miżuri provviżorji għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni b’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 12(2). F’każijiet ta’ raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, inkluż il-każ imsemmi fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta’ salvagwardja provviżorji applikabbli minnufih b’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(4).

22. Fejn Stat Membru jitlob intervent immedjat mill-Kummissjoni u fejn il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta tirċievi t-talba.

23. It-tul ta' żmien tal-miżuri provviżorji m'għandux jaqbeż il-200 jum.

24. Jekk il-miżuri ta' salvagwardja provviżorji jitħassru minħabba li l-investigazzjoni turi li ma ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(1), kull dazju doganali miġbur bħala riżultat ta' dawn il-miżuri provviżorji għandu jintradd lura awtomatikament.

25. Il-miżuri msemmija f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw għal kull prodott li jitqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni libera wara li jidħlu fis-seħħ. Madankollu, dawn il-miżuri ma għandhomx jipprevjenu r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti li diġà jinsabu fi triqithom lejn l-Unjoni bil-kundizzjoni li d-destinazzjoni tagħhom ma tkunx tista’ tinbidel.

Artikolu 7 Terminazzjoni tal-investigazzjoni u proċediment mingħajr miżuri

26. Meta l-fatti kif finalment stabbiliti juru li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(1) ma jkunux sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni biex jintemmu l-investigazzjoni u l-proċediment b'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 12(3).

27. Il-Kummissjoni għandha tippubblika, waqt li tqis kif dovut il-protezzjoni tat-tagħrif kunfidenzjali fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 11, rapport fejn tippreżenta s-sejbiet tagħha u l-konklużjonijiet motivati li tkun waslet għalihom dwar kull konsiderazzjoni rilevanti ta' fatt u ta' liġi.

Artikolu 8 Impożizzjoni ta' miżuri definittivi

28. Meta l-fatti kif finalment stabbiliti juru li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(1) ikunu sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tirreferi l-kwistjoni lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni b'konformità mal-Artikolu 116 tal-Ftehim. Meta ma tkun saret l-ebda rakkomandazzjoni mill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jew ma tkun intlaħqet l-ebda soluzzjoni sodisfaċenti fi żmien 30 jum minn meta ġietlu rreferita l-kwistjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni biex jiġu imposti miżuri ta' salvagwardja definittivi b'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 12(3).

29. Il-Kummissjoni għandha tippubblika, waqt li tqis kif dovut il-protezzjoni tat-tagħrif kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 11, rapport li jkun fih taqsira tal-fatti materjali u l-kunsiderazzjonijiet rilevanti għad-determinazzjoni.

Artikolu 9 Tul ta’ żmien u reviżjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja

30. Miżura ta' salvagwardja għandha tibqa' fis-seħħ biss għall-perjodu taż-żmien meħtieġ biex jitranġa jew ma jitħalliex li jsir dannu serju u jkun jista' jsir l-aġġustament. Dak il-perjodu ma għandux jaqbeż is-sentejn, għajr jekk jiġi estiż skont il-paragrafu 3.

31. Miżura ta' salvagwardja għandha tibqa' fis-seħħ, sakemm joħroġ ir-riżultat tar-reviżjoni skont il-paragrafu 3, tul kwalunkwe perjodu ta' estensjoni.

32. Il-perjodu inizjali ta' tul ta' żmien ta' miżura ta' salvagwardja jista' jiġi eċċezzjonalment estiż b'mhux iktar minn sentejn kemm-il darba jiġi ddeterminat li l-miżura ta' salvagwardja tibqa' meħtieġa biex jitranġa jew ma jitħalliex isir dannu serju u li jkun hemm evidenza li l-industrija tal-Unjoni tkun qed taġġusta ruħha.

33. Kull estensjoni skont il-paragrafu 3 għandha tiġi ppreċeduta minn investigazzjoni fuq talba ta' Stat Membru, minn kwalunkwe persuna ġuridika jew kwalunkwe assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika, li tkun qed taġixxi f'isem l-industrija tal-Unjoni, jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess jekk ikun hemm biżżejjed evidenza prima facie li l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3 jkunu sodisfatti, abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 4(5).

34. Il-ftuħ ta' investigazzjoni għandu jiġi ppubblikat skont l-Artikolu 3(5) u 3(6). L-investigazzjoni u kull deċiżjoni li tirrigwarda estensjoni skont il-paragrafu 3 għandhom isiru skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4, 7 u 8.

35. It-tul ta' żmien totali ta' miżura ta' salvagwardja ma jistax jaqbeż l-erba' snin, inkluża kwalunkwe miżura provviżorja.

36. Miżura ta' salvagwardja ma għandhiex tiġi applikata wara l-iskadenza tal-perjodu tranżitorju, għajr bil-kunsens tal-pajjiż ikkonċernat tal-Amerika Ċentrali.

37. L-ebda miżura ta' salvagwardja ma għandha tiġi applikata għall-importazzjoni ta' prodott li kien diġà suġġett qabel għal din il-miżura, sakemm ma jkunx għadda perjodu li jammonta għal nofs dak li kien hemm waqt l-applikazzjoni tal-miżura ta' salvagwardja għall-perjodu li jippreċedih bl-eżatt.

Artikolu 10

Reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni Ewropea

38. Meta kwalunkwe prodott li jkun joriġina f'pajjiż tal-Amerika Ċentrali jkun qed jiġi importat fi kwantitajiet daqstant ikbar min-normal u b'tali kundizzjonijiet li jikkawżaw jew jheddu li jikkawżaw deterjorament serju fil-qagħda ekonomika ta' reġjun mill-aktar imbiegħda jew iktar imsemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, tista' tiġi imposta miżura ta' salvagwardja, b'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan il-kapitolu.

Artikolu 11

Kunfidenzjalità

39. It-tagħrif li jasal skont dan ir-Regolament għandu jintuża biss għall-għan li għalih ikun intalab.

40. La tagħrif ta' natura kunfidenzjali u la ebda tagħrif li jintbagħat fuq bażi kunfidenzjali skont dan ir-Regolament ma għandu jiġi żvelat mingħajr il-permess speċifiku ta' min jipprovdi dan it-tagħrif.

41. Kull talba għall-kunfidenzjalità għandha tagħti r-raġunijiet għaliex it-tagħrif ikun kunfidenzjali. Madankollu, jekk min jipprovdi t-tagħrif ma jixtieqx la li jagħmlu pubbliku u lanqas li jawtorizza l-iżvelar tiegħu f’termini ġenerali jew f’għamla ta’ taqsira u jekk ikun jidher li t-talba għall-kunfidenzjalità ma tkunx iġġustifikata, dan it-tagħrif jista’ jitwarrab.

42. It-tagħrif għandu f’kull każ jitqies bħala kunfidenzjali jekk l-iżvelar tiegħu x’aktarx li jkollu effett negattiv sinifikanti fuq min jipprovdih jew fuq is-sors ta’ dan it-tagħrif.

43. Il-paragrafi 1 sa 4 ma għandhomx jipprekludu r-referenza mill-awtoritajiet tal-Unjoni għal tagħrif ġenerali u b’mod partikolari għar-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati d-deċiżjonijiet meħuda skont dan ir-Regolament. Dawk l-awtoritajiet għandhom, madankollu, iqisu l-interess leġittimu tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi kkonċernati li ma jiġux żvelati s-sigrieti kummerċjali tagħhom.

Artikolu 12 Proċedura ta' kumitat

44. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 tas-26 ta' Frar 2009 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet[5]. Dak il-Kumitat għandu jkun Kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

45. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

46. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

47. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu.

Kapitolu II – Mekkaniżmu ta' Stabbilizzazzjoni għall-banana

Artikolu 13

Mekkaniżmu ta' Stabbilizzazzjoni għall-Banana

48. Għall-banana li toriġina fl-Amerika Ċentrali skont l-intestatura 0803.00.19 tan-Nomenklatura Magħquda (Banana friska, esklużi l-pjantaġġini) u elenkati fil-kategorija "ST" fl-Iskeda tal-Parti tal-UE stabbilita fl-Anness I (Tneħħija tad-Dazji Doganali) mal-Ftehim, għandu japplika mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni sal-1 ta' Jannar 2020.

49. Volum ta' importazzjoni annwali separat ta' skattar huwa stabbilit għall-importazzjonijiet minn pajjiż tal-Amerika Ċentrali għall-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 kif indikat fit-tabella fl-Anness ma' dan ir-Regolament. L-importazzjoni tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 bir-rata tad-dazju doganali preferenzjali għandha, flimkiem mal-prova tal-oriġini stabbilita fl-Anness III (Definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti tal-oriġini" u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva) tal-Ftehim mal-Amerika Ċentrali, tkun suġġetta għall-preżentazzjoni ta' ċertifikat ta' esportazzjoni maħruġ mill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-pajjiż tal-Amerika Ċentrali minn fejn jiġu esportati l-prodotti. Ladarba jintlaħaq il-volum tal-iskattar matul is-sena kalendarja korrispondenti, il-Kummissjoni, b'konformità mal-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 12(3), tista' tissospendi temporanjament id-dazji doganali preferenzjali matul l-istess sena għal perjodu taż-żmien li ma jaqbiżx it-tliet xhur, u li ma jmurx lil hinn minn tmiem is-sena kalendarja.

50. F'każ li l-Kummissjoni tiddeċiedi li tissospendi d-dazju doganali preferenzjali applikabbli, il-Kummissjoni għandha tapplika l-iżgħar mir-rati bażi tad-dazju doganali jew ir-rata MFN tad-dazju li tkun tapplika fiż-żmien meta tittieħed din l-azzjoni.

51. F’każ li l-Kummissjoni tapplika l-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3, hija għandha immedjatament tidħol f’konsultazzjonijiet mal-pajjiż affettwat biex tanalizza u tivvaluta s-sitwazzjoni abbażi tad-dejta fattwali disponibbli.

52. Il-miżuri msemmijin fil-paragrafi 2 u 3 jistgħu jkunu applikabbli biss waqt il-perjodu li jintemm fil-31 ta' Diċembru 2019.

Kapitolu III - Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 14 Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-data ta’ applikazzjoni tal-Ftehim kif previst fl-Artikolu 353 tiegħu. Għandu jiġi ppubblikat avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jispeċifika d-data ta’ applikazzjoni tal-Ftehim.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

Anness

Tabella li tirrigwarda l-volumi ta' importazzjonijiet ta' skattar għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' Stabbilizzazzjoni għall-banana stipulata fl-Appendiċi 3 tal-Anness I tal-Ftehim

Sena || Volum ta' importazzjoni ta' skattar, f’tunnellati

Il-Kosta Rika || Il-Panama || Il-Ħonduras || Il-Gwatemala || In-Nikaragwa || El Salvador

Sal-31 ta' Diċembru 2010 || 1 025 000 || 375 000 || 50 000 || 50 000 || 10 000 || 2 000

1.1-31.12.2011 || 1 076 250 || 393 750 || 52 500 || 52 500 || 10 500 || 2 100

1.1-31.12.2012 || 1 127 500 || 412 500 || 55 000 || 55 000 || 11 000 || 2 200

1.1-31.12.2013 || 1 178 750 || 431 250 || 57 500 || 57 500 || 11 500 || 2 300

1.1-31.12.2014 || 1 230 000 || 450 000 || 60 000 || 60 000 || 12 000 || 2 400

1.1-31.12.2015 || 1 281 250 || 468 750 || 62 500 || 62 500 || 12 500 || 2 500

1.1-31.12.2016 || 1 332 500 || 487 500 || 65 000 || 65 000 || 13 000 || 2 600

1.1-31.12.2017 || 1 383 750 || 506 250 || 67 500 || 67 500 || 13 500 || 2 700

1.1-31.12.2018 || 1 435 000 || 525 000 || 70 000 || 70 000 || 14 000 || 2 800

1.1-31.12.2019 || 1 486 250 || 543 750 || 72 500 || 72 500 || 14 500 || 2 900

1.1.2020 u wara || mhux applikabbli || mhux applikabbli || mhux applikabbli || mhux applikabbli || mhux applikabbli || mhux applikabbli

[1]               Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Frar 2011 (għadha mhijiex ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill ta' ....

[2]              

[3]              

[4]               ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

[5]               ĠU L 84, 31.3.2009, p. 1.

Top