Niffrankaw l-enerġija: Azzjoni tal-UE biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija

L-iffrankar tal-enerġija huwa essenzjali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE fuq l-enerġija. Skopri x'qed jagħmlu l-membri tal-PE biex inaqqsu l-konsum.

Impjant kbir ta' enerġija ċirkolari ta' pannelli solari fi Spanja
Impjant kbir ta' enerġija ċirkolari ta' pannelli solari fi Spanja

L-effiċjenza fl-enerġija tfisser li tuża inqas enerġija biex tipproduċi l-istess riżultat. Dan jippermetti l-iffrankar tal-enerġija u t-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-impjanti tal-enerġija.

 

Il-liġijiet dwar l-effiċjenza fl-enerġija mill-2018 ġew riveduti biex jgħinu lill-UE tilħaq miri klimatiċi ambizzjużi ġodda stabbiliti taħt il-Patt Ekoloġiku Ewropew tal-2021. Se jikkontribwixxu wkoll biex titnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili li jiġu fil-biċċa l-kbira mir-Russja, kif stabbilit fil-pjan RepowerEU.

 

L-UE ħadmet b'mod parallel fuq regoli biex tiżdied l-enerġija rinnovabbli.

Miri ġodda għall-effiċjenza enerġetika

 

It-titjib fl-effiċjenza fl-enerġija jista’ jnaqqas mhux biss l-emissjonijiet tas-CO2, iżda wkoll il-kont annwali tal-UE ta’ €330 biljun għall-importazzjonijiet tal-enerġija.

 

Miri ġodda adottati mill-Parlament f’Lulju 2023 jistabbilixxu tnaqqis kollettiv fil-konsum tal-enerġija ta’ mill-inqas 11.7 % fil-livell tal-UE sal-2030 (meta mqabbel mal-projezzjonijiet tax-Xenarju ta’ Referenza tal-2020). Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiffrankaw medja ta’ 1.5 % fis-sena. L-iffrankar tal-enerġija għandu jibda b’1.3 % fis-sena sa tmiem l-2025, u progressivament jilħaq 1.9 % sa tmiem l-2030.

 

Biex jintlaħqu dawn il-miri, il-miżuri lokali, reġjonali u nazzjonali se jkopru setturi differenti: l-amministrazzjoni pubblika, il-bini, in-negozji, iċ-ċentri tad-data, eċċ. Il-Membri tal-PE insistew fuq objettivi speċifiċi li jistgħu jintlaħqu:

 

  • Is-settur pubbliku għandu jnaqqas il-konsum finali tal-enerġija tiegħu b’1.9 % kull sena
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li mill-inqas 3 % tal-bini pubbliku jiġi rinnovat kull sena f'bini b’enerġija kważi żero jew f'bini b’emissjonijiet żero.
  • Hemm rekwiżiti ġodda għal sistemi ta’ tisħin distrettwali effiċjenti.

 

Mekkaniżmu robust ta’ monitoraġġ u infurzar ser jiżgura li l-Istati Membri jilħqu l-miri tagħhom.

 

It-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija tal-bini

 

Il-bini fl-UE huwa responsabbli għal 40 % tal-konsum tal-enerġija u 36 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

 

Qasam importanti għat-titjib huwa t-tisħin u t-tkessiħ tal-bini u l-misħun domestiku li jammontaw għal 80% tal-konsum tal-enerġija fid-djar.

 

F’Marzu 2024, il-Parlament adotta aġġornament tar-regoli dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija li għandhom l-għan li joħolqu settur tal-bini newtrali għall-klima sal-2050.

 

Il-bini l-ġdid kollu għandu jilħaq emissjonijiet żero mill-2030; filwaqt li mill-2028, dan għandu jkun il-każ għal bini ġdid okkupat jew proprjetà ta’ awtoritajiet pubbliċi.

 

Il-pajjiżi tal-UE se jkollhom inaqqsu l-konsum annwali medju fis-settur tal-bini tagħhom b’mill-inqas 16 % sal-2030 u b’20 % għal 22 % sal-2035.

 

Ir-regoli jipprevedu wkoll li l-bojlers awtonomi li jaħdmu bil-fjuwils fossili ma jistgħux jiġu ssussidjati mill-2025. Madankollu, sistemi ibridi li jikkombinaw bojler ma’ soluzzjoni oħra aktar ekoloġika bħal installazzjoni solari jew pompa tas-sħana, xorta jistgħu jirċievu appoġġ finanzjarju. It-tisħin u t-tkessiħ bis-saħħa tal-fjuwils fossili kollha għandhom jitneħħew gradwalment sal-2040.

Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija: "Irridu nkunu aktar ambizzjużi."

Ir-rinnovazzjoni tal-bini fl-UE

 

Il-pajjiżi tal-UE se jkollhom jirrinnovaw is-16 % tal-bini mhux residenzjali bl-agħar prestazzjoni sal-2030 u s-26 % tal-bini mhux residenzjali bl-agħar prestazzjoni sal-2033.

 

Iċ-ċertifikat tal-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini għandu jkun validu għal 10 snin. Għal bini b’ċertifikat taħt il-livell C, is-sidien tiegħu għandhom jiġu mistiedna jirċievu parir dwar ir-rinnovazzjoni.

 

Iċ-ċertifikat għandu jinkludi wkoll rakkomandazzjonijiet għat-titjib kosteffettiv tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u t-tnaqqis tal-emissjonijiet operattivi ta’ gassijiet serra kif ukoll għat-titjib tal-kwalità ambjentali interna ta’ bini jew unità ta’ bini.

 

Bini li jipproduċi l-enerġija solari tiegħu stess

 

Ir-regoli aġġornati dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija jinkoraġġixxu l-użu progressiv ta’ installazzjonijiet solari f’bini pubbliku u mhux residenzjali, fejn dan ikun teknikament u ekonomikament possibbli. Sal-2030, il-bini residenzjali l-ġdid kollu għandu jkollu installazzjonijiet solari.

 

F’Novembru 2023, daħlet fis-seħħ verżjoni riveduta tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli li għamlitha obbligatorja għall-pajjiżi tal-UE li jiżguraw li l-permessi għall-installazzjoni ta’ tagħmir tal-enerġija solari fuq il-bini joħorġu fi żmien xahar.

 

Miżuri biex jgħinu jbaxxu l-kontijiet tal-enerġija

 

Bini ineffiċjenti ħafna drabi huwa marbut mal-faqar enerġetiku u mal-problemi soċjali. Il-familji vulnerabbli għandhom it-tendenza li jonfqu proporzjonalment aktar fuq l-enerġija u għalhekk huma esposti għal prezzijiet dejjem jiżdiedu.

 

Ir-rinnovazzjonijiet jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija u jikkontribwixxu biex in-nies joħorġu mill-faqar tal-enerġija. Peress li x-xogħol tal-bini jiswa ħafna flus, il-Parlament irid jiżgura li l-impatt ta’ dawk l-ispejjeż ikun limitat għal familji vulnerabbli.

 

Skont ir-regoli l-ġodda dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, il-pajjiżi se jkollhom jipprovdu aċċess għall-finanzjament għal familji vulnerabbli permezz tal-pjanijiet nazzjonali ta’ rinnovazzjoni.

 

Diversi strumenti għandhom jappoġġaw dawn il-miżuri, inkluż il-Fond Soċjali għall-Klima, il-pakkett RePowerEU li għandu l-għan li jgħin lill-UE titbiegħed mid-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili Russi, u l-pjattaforma l-ġdida għal teknoloġiji strateġiċi għall-Ewropa (STEP) li għandha l-għan li tappoġġa teknoloġiji nodfa.

 

Bini eżentat

 

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jeskludu mill-ambitu tar-regoli tal-prestazzjoni tal-enerġija tipi speċifiċi ta’ bini:

 

  • bini protett għall-mertu arkitettoniku jew storiku speċjali tiegħu,
  • bini agrikolu u tekniku,
  • knejjes,
  • bini temporanju,
  • bini li huwa proprjetà tal-forzi armati jew tal-gvern ċentrali u li jservi għal skopijiet ta’ difiża nazzjonali.

 

Finanzjament ta' sforzi nazzjonali fl-indirizzar tad-dipendenza fuq l-enerġija

 

Fi Frar 2023, il-leġiżlazzjoni RePowerEU daħlet fis-seħħ.

 

Hi tirrikjedi li pajjiżi li jirċievu fondi addizzjonali permezz ta' pjanijiet aġġornati ta' rkupru u ta’ reżiljenza jkunu meħtieġa li jinkludu miżuri biex jiffrankaw l-enerġija, jipproduċu enerġija nadifa u jiddiversifikaw il-provvisti.

 

L-għan għal dawn il-pjanijiet ta' rkupru nazzjonali huwa li jappoġġaw l-indipendenza mill-fjuwils fossili Russi kif ukoll it-tranżizzjoni ekoloġika. Miżuri oħra jipprevedu:

 

  • investiment biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku għal unitajiet domestiċi vulnerabbli, kumpaniji żgħar u ta' daqs medju u mikro-intrapriżi
  • aktar fondi tal-istati membri għal proġetti tal-enerġija transkonfinali u ta’ diversi pajjiżi

 

L-effiċjenza enerġetika ta' apparat domestiku

 

Fl-2017, il-Parlament approva tikketti tal-enerġija simplifikati għall-apparat domestiku, bħal lampi, televiżjonijiet u vacuum cleaners, biex ikun aktar faċli għall-konsumatur biex iqabbel l-effiċjenza tal-enerġija tagħhom.

 

Ir-regolamenti dwar it-tikkettar tal-enerġija u l-ekodisinn ġabu ffrankar stmat ta’ madwar €120 biljun fuq il-kontijiet tal-enerġijafl-2023, u jistgħu jiżdiedu għal madwar €162 biljun fl-2030. Il-Kummissjoni Ewropea trid taġġorna dawn ir-regoli bħala parti mill-Patt għal Industrija Nadifa propost fi Frar 2025.