L-Att tal-UE dwar l-IA: l-ewwel regolamentazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali

L-użu tal-intelliġenza artifiċjali fl-UE huwa regolat mill-Att dwar l-IA, l-ewwel liġi komprensiva tad-dinja dwar l-IA. Tgħallem kif tipproteġik.

Raġel iħares lejn figura ġġenerata diġitalment b'lingwa tal-programmar fl-isfond
Din l-illustrazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali hija ġġenerata mill-AI

Bħala parti mill-istrateġija diġitali tagħha, l-UE riedet tirregola l-intelliġenza artifiċjali (IA) biex tiżgura kundizzjonijiet aħjar għall-iżvilupp u l-użu ta’ din it-teknoloġija innovattiva. L-IA tista’ ġġib magħha ħafna benefiċċji, bħal kura tas-saħħa aħjar; trasport aktar sigur u aktar nadif; manifattura aktar effiċjenti; u enerġija orħos u aktar sostenibbli.

 

Ir-regolamentazzjoni tal-IA fl-Ewropa: l-ewwel qafas komprensiv

 

F'April 2021, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet l-ewwel liġi tal-UE dwar l-intelliġenza artifiċjali, li tistabbilixxi sistema ta' klassifikazzjoni tal-IA bbażata fuq ir-riskju. Is-sistemi tal-IA li jistgħu jintużaw f'applikazzjonijiet differenti jiġu analizzati u kklassifikati skont ir-riskju li joħolqu għall-utenti. Il-livelli differenti ta’ riskju jfissru bejn wieħed u ieħor rekwiżiti ta’ konformità mal-IA.

Dak li ried il-Parlament fil-leġiżlazzjoni dwar l-IA

 

Il-prijorità tal-Parlament kienet li jiżgura li s-sistemi tal-IA użati fl-UE jkunu sikuri, trasparenti, traċċabbli, mhux diskriminatorji u favur l-ambjent. Is-sistemi tal-IA għandhom jiġu ssorveljati min-nies, aktar milli mill-awtomatizzazzjoni, biex jiġu evitati riżultati dannużi.

 

Il-Parlament ried ukoll jistabbilixxi definizzjoni teknoloġika u uniformi għall-IA li tista’ tiġi applikata għal sistemi futuri tal-IA.

L-Att dwar l-IA: regoli differenti għal livelli ta’ riskju differenti

 

Ir-regoli l-ġodda jistabbilixxu obbligi għall-fornituri u għall-utenti skont il-livell tal-klassifikazzjoni tar-riskji tal-IA. Filwaqt li ħafna sistemi tal-IA jippreżentaw riskju minimu, jeħtieġ li jiġu vvalutati.

 

Riskju mhux aċċettabbli

 

Applikazzjonijiet tal-IA pprojbiti fl-UE jinkludu:

 

  • Il-manipulazzjoni konjittiva tal-imġiba ta’ persuni jew gruppi vulnerabbli speċifiċi, pereżempju ġugarelli attivati bil-vuċi li jinkoraġġixxu mġiba perikoluża fit-tfal.
  • IA b’punteġġ għaċ-ċittadini (social scoring): il-klassifikazzjoni tal-persuni abbażi tal-imġiba, l-istatus soċjoekonomiku, jew il-karatteristiċi personali.
  • L-identifikazzjoni bijometrika u l-kategorizzazzjoni tan-nies.
  • Is-sorveljanza bijometrika f’ħin reali fl-UE, bħar-rikonoxximent tal-wiċċ fi spazji pubbliċi.

 

Xi eċċezzjonijiet jistgħu jkunu permessi għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi. Sistemi ta’ identifikazzjoni bijometrika remota “fil-ħin reali” se jkunu permessi f’għadd limitat ta’ każijiet serji, filwaqt li sistemi ta’ identifikazzjoni bijometrika remota “f’ħin aktar tard”, fejn l-identifikazzjoni sseħħ wara dewmien sinifikanti, se jitħallew biex jitħarrku reati serji u biss wara l-approvazzjoni tal-qorti.

 

Riskju għoli

 

Is-sistemi tal-IA li għandhom impatt negattiv fuq is-sikurezza jew id-drittijiet fundamentali se jitqiesu bħala ta’ riskju għoli u se jinqasmu f’żewġ kategoriji.

 

  1. Sistemi tal-IA li jintużaw fi prodotti li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza tal-prodotti. Dan jinkludi l-ġugarelli, l-avjazzjoni, il-karozzi, it-tagħmir mediku u l-liftijiet
  2. Sistemi tal-IA li jaqgħu f'oqsma speċifiċi li se jkollhom jiġu rreġistrati f’bażi tad-data tal-UE:

 

  • il-ġestjoni u t-tħaddim tal-infrastruttura kritika
  • edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali
  • l-impjieg, il-ġestjoni tal-ħaddiema u l-aċċess għall-impjieg indipendenti
  • l-aċċess għal u t-tgawdija ta’ servizzi privati essenzjali u servizzi u benefiċċji pubbliċi
  • l-infurzar tal-liġi
  • il-ġestjoni tal-migrazzjoni, l-ażil u l-kontroll tal-fruntieri
  • l-assistenza fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni legali tal-liġi.

 

Is-sistemi kollha tal-IA b’riskju kbir se jiġu valutati qabel ma jitqiegħdu fis-suq u matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. Iċ-ċittadini se jkollhom id-dritt li jressqu lmenti dwar is-sistemi tal-IA lill-awtoritajiet nazzjonali maħtura.

 

Rekwiżiti ta' trasparenza

 

L-IA ġenerattiva, bħal ChatGPT, mhux se tiġi kklassifikata bħala ta' riskju għoli, iżda se jkollha tikkonforma mar-rekwiżiti ta' trasparenza u l-liġi tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur:

 

  • id-divulgazzjoni li l-kontenut ġie ġġenerat mill-IA
  • it-tfassil tal-mudell biex ma jkunx jista’ jiġġenera kontenut illegali
  • il-pubblikazzjoni ta’ sommarji ta’ data bid-drittijiet tal-awtur użata għat-taħriġ

 

Il-mudelli tal-IA bi skop ġenerali b’impatt għoli li jistgħu joħolqu riskju sistemiku, bħall-mudell tal-IA aktar avvanzat GPT-4, ikollhom jgħaddu minn evalwazzjonijiet bir-reqqa u jirrapportaw kwalunkwe inċident serju lill-Kummissjoni.

 

Kontenut li jiġi ġġenerat jew modifikat bl-għajnuna tal-IA - stampi, files tal-awdjo jew tal-video (eż. deepfakes), jeħtieġ li jiġi ttikkettjat b'mod ċar li huma ġġenerati bl-użu tal-IA sabiex l-utenti jkunu konxji meta jiltaqgħu ma' tali kontenut.

 

Inħeġġu l-innovazzjoni u n-negozji ġodda tal-IA fl-Ewropa

 

Il-liġi għandha l-għan li tappoġġa l-innovazzjoni tal-IA u n-negozji ġodda fl-Ewropa, filwaqt li tippermetti lill-kumpaniji jiżviluppaw u jittestjaw mudelli tal-IA bi skop ġenerali qabel ma jinfetħu għall-pubbliku.

 

Din hija r-raġuni għaliex tirrikjedi li l-awtoritajiet nazzjonali jipprovdu lill-kumpaniji b’ambjent ta’ ttestjar għall-IA li jissimula kundizzjonijiet qrib id-dinja reali. Dan se jgħin lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) jikkompetu fis-suq dejjem jikber tal-intelliġenza artifiċjali tal-UE.

 

L-implimentazzjoni

 

Il-Parlament waqqaf grupp ta' ħidma biex jissorvelja l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-Att dwar l-IA. Il-Membri tal-PE jridu jiżguraw li r-regoli adottati dwar l-IA jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-settur diġitali fl-Ewropa.

 

Il-grupp jikkoopera mal-uffiċċju tal-IA tal-UE tal-Kummissjoni Ewropea, li ġie stabbilit biex jiċċara d-dispożizzjonijiet ewlenin tal-att.

Skeda ta’ żmien għall-konformità mal-Att tal-UE dwar l-IA

 

F’Ġunju 2024, l-UE adottat l-ewwel regoli tad-dinja dwar l-IA. L-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali se jkun applikabbli bis-sħiħ 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ, iżda xi partijiet se jkunu applikabbli qabel:

 

  • Il-projbizzjoni tas-sistemi tal-IA li joħolqu riskji inaċċettabbli bdiet tapplika fit-2 ta’ Frar 2025
  • Il-kodiċijiet ta’ prattika se japplikaw disa’ xhur wara d-dħul fis-seħħ
  • Ir-regoli dwar is-sistemi tal-IA bi skop ġenerali li jeħtieġ li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ trasparenza se japplikaw 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ

 

Is-sistemi ta’ riskju għoli se jkollhom aktar żmien biex jikkonformaw mar-rekwiżiti peress li l-obbligi li jikkonċernawhom se jsiru applikabbli 36 xahar wara d-dħul fis-seħħ.

 

 Aktar dwar l-azzjoni diġitali tal-UE: