Kif l-UE qed tiġġieled l-abbuż sesswali tat-tfal online

Il-Parlament Ewropew irid jistabbilixxi regoli effettivi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online filwaqt li jipproteġi l-privatezza.

Il-proliferazzjoni ta’ materjali online ta’ tfal waqt, jew li jidhru li huma waqt, att sesswali qed tiżdied, b’mod partikolari ta’ materjali li juru tfal iżgħar. Fl-2023, kien hemm aktar minn 36.2 miljun rapport ta’ suspett ta’ abbuż sesswali tat-tfal online, l-ogħla ċifra storikament.

 

L-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-abbuż sesswali tat-tfal

 

L-UE adottat strateġija dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal. Bħala parti minn dan l-impenn, il-Kummissjoni għandha l-għan li tibni fuq ir-regoli eżistenti mill-2011. F’Novembru 2023, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili tal-Parlament adotta rapport dwar proposta għal regolament li għandu l-għan li jipprevjeni u jiġġieled l-abbuż sesswali tat-tfal.

 

Regoli provviżorji mill-2021 jippermettu lill-kumpaniji diġitali li jfittxu kontenut li jkun qed jiġi ppubblikat fuq il-pjattaformi tagħhom għal materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal. Ir-regoli jipprovdu eżenzjoni temporanja minn ċerti regoli tal-UE dwar il-privatezza elettronika. Il-proposta li qed jaħdem fuqha l-Parlament tfittex li tistabbilixxi regoli permanenti dwar kif il-kumpaniji jistgħu jidentifikaw materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online.

 

Proposta separata għal direttiva mressqa mill-Kummissjoni Ewropea fl-2024 tindirizza t-theddid emerġenti marbut mal-iżviluppi teknoloġiċi bħall-livestreaming u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali fil-ħolqien ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal.

Is-salvagwardja tal-privatezza

 

Il-Parlament Ewropew irid jilħaq bilanċ bejn is-salvagwardja tat-tfal fl-isfera diġitali u r-rispett tad-drittijiet fundamentali bħad-dritt għall-privatezza. Il-pożizzjoni tal-Membri tal-PE dwar ir-regolament dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal ma tapprovax l-iskannjar mifrux fuq l-internet jew il-monitoraġġ ġenerali tal-komunikazzjonijiet privati jew il-ħolqien ta’ backdoors f’apps biex jiddgħajjef l-kriptaġġ.

 

Id-dmirijiet tal-fornituri: valutazzjoni u mitigazzjoni tar-riskju

 

Skont ir-regolament propost, il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jew ta’ komunikazzjoni interpersonali jkunu obbligati jwettqu valutazzjoni tar-riskju tal-preżenza potenzjali ta’ kontenut sesswali li jinvolvi lit-tfal fuq is-servizzi tagħhom. Ladarba l-fornituri jkunu identifikaw il-livell ta’ riskju, huma jridu jimplimentaw miżuri ta’ mitigazzjoni biex jindirizzawh.

 

Ir-regolament jipprovdi lista estensiva ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni potenzjali li l-fornituri jistgħu jagħżlu li jimplimentaw. Dawn jinkludu l-prinċipju tas-sikurezza mid-disinn (l-iżvilupp ta’ prodotti jew servizzi b’mod li tiġi evitata ħsara potenzjali), il-kontrolli obbligatorji tal-ġenituri, l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ rappurtar tal-utenti, u l-użu ta’ sistemi ta’ verifika tal-età meta jkun hemm riskju ta’ solleċitazzjoni tat-tfal.

 

Ir-regolament jintroduċi wkoll miżuri ta’ mitigazzjoni obbligatorji speċifiċi għal servizzi mmirati direttament lejn it-tfal, pjattaformi użati primarjament għat-tixrid ta’ kontenut pornografiku, u ċerti servizzi ta’ chat fil-logħob.

 

Il-fornituri tas-servizzi jkollhom l-awtonomija li jagħżlu t-teknoloġiji li jużaw biex jissodisfaw l-obbligi ta’ detezzjoni tagħhom. Ir-regoli jipprevedu proċedura simplifikata għal negozji iżgħar.

 

Ordnijiet ta’ detezzjoni bħala miżura tal-aħħar istanza

 

Jekk il-fornituri jonqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom, awtorità ġudizzjarja tkun tista’ toħroġ ordni ta’ detezzjoni biss bħala l-aħħar alternattiva. Din l-ordni tobbliga lill-fornitur juża ċerti teknoloġiji biex jidentifika materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal magħruf u ġdid.

 

L-ordnijiet ta’ detezzjoni jintużaw biss jekk ikun hemm suspett raġonevoli li l-utenti jew il-gruppi individwali jkunu marbuta ma’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal. L-ordnijiet ikunu limitati biż-żmien, u jkunu eskużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom il-komunikazzjoni kriptata minn tarf sa tarf u l-messaġġi. Dan l-approċċ għandu l-għan li jiżgura li jinżammu l-privatezza u s-sigurtà tal-utenti tas-servizzi diġitali.

 

Appoġġ għall-vittmi

 

Il-proposta għal regolament dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal tinkludi l-istabbiliment ta’ Ċentru tal-UE għall-Protezzjoni tat-Tfal. Iċ-ċentru jirċievi, jiffiltra, jivvaluta u jibgħat rapporti ta’ kontenut ta’ abbuż sesswali tat-tfal lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u lill-Europol. Dan jappoġġa wkoll lill-awtoritajiet nazzjonali, iwettaq investigazzjonijiet u joħroġ multi.

 

Il-proposta tal-Kummissjoni tinkludi drittijiet speċifiċi għall-vittmi biex jitolbu informazzjoni dwar materjal online li jidhru fih u d-dritt li jitolbu t-tneħħija ta’ dan il-kontenut. Il-Parlament jespandi dawn id-drittijiet biex jinkludi d-dritt li wieħed jirċievi appoġġ u assistenza miċ-Ċentru tal-UE għall-Protezzjoni tat-Tfal kif ukoll mill-awtoritajiet fil-livell nazzjonali.

 

L-estensjoni tar-regoli temporanji

 

Il-Parlament approva l-mandat ta’ negozjar tiegħu lejn l-aħħar ta’ Novembru 2023 u huwa lest li jidħol f’negozjati mal-pajjiżi tal-UE biex jiddetermina t-test finali tal-liġi.

 

Ir-regoli temporanji li jeżentaw kumpaniji diġitali mir-regoli tal-privatezza elettronika meta jfittxu materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal kellhom jiskadu f'Awwissu 2024. Biex jiġi evitat vakwu legali, il-Parlament u l-Kunsill qablu fi Frar 2024 li jestendu d-deroga sa April 2026. Fl-istess ħin, il-Membri tal-PE saħqu li l-estensjoni hija soluzzjoni ta’ darba u huma meħtieġa regoli permanenti inklużi miżuri ta’ prevenzjoni. Dan il-ftehim proviżorju ġie adottat formalment mill-Parlament f’April 2024.

 

Fl-istess ħin, il-koleġiżlaturi għandhom l-għan li jilħqu ftehim dwar il-qafas legali fit-tul u jevitaw estensjonijiet ulterjuri għad-deroga temporanja.

Ir-rispons tal-UE għal riskji teknoloġiċi ġodda

 

Biex jindirizza t-theddida li qed tevolvi tal-abbuż sesswali tat-tfal online, il-Parlament qed javvanza wkoll leġiżlazzjoni li tindirizza l-użu ħażin ta’ teknoloġiji ġodda u emerġenti f’tali reati.

 

F’Ġunju 2025, il-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar proposta li tikkriminalizza b’mod espliċitu l-użu ta’ sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali żviluppati jew adattati primarjament għall-abbuż sesswali tat-tfal, kif ukoll ix-xandir dirett u t-tixrid online ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal.

 

Il-proposta ssaħħaħ ukoll il-kapaċitajiet tal-infurzar tal-liġi billi tippermetti operazzjonijiet taħt kopertura u l-użu ta’ tekniki ta’ sorveljanza moħbija, bħal “honeypots” diġitali, li huma ambjenti jew profili online qarrieqa użati mill-infurzar tal-liġi biex jattiraw u jidentifikaw lit-trasgressuri.

 

Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jgħammru lill-awtoritajiet biex jirrispondu b’mod aktar effettiv għal forom dejjem aktar sofistikati ta’ abbuż online. Il-pass li jmiss huwa li l-Parlament jibda negozjati mal-Kunsill biex jiffinalizza l-leġiżlazzjoni.