L-Istat tal-UE 2025: segwi d-dibattitu fil-Parlament Ewropew

L-UE qed tagħmel xogħol tajjeb? Il-Membri tal-PE se jirrevedu l-isfidi attwali u l-pjanijiet biex jindirizzawhom mal-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen fl-10 ta' Settembru.

Ritratt tal-Emiċiklu tal-Parlament Ewropew fi Strażburgu
Segwi fl-10 ta' Settembru fid-9:00 id-dibattitu dwar l-istat tal-Unjoni Ewropea

X'inhu d-dibattitu dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea?

 

Id-dibattiti dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea jsiru fl-ewwel sessjoni plenarja tal-Parlament wara s-sajf f'Settembru. Dawn huma okkażjoni għall-Membri tal-Parlament Ewropew biex jiskrutinizzaw il-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea dwar kwistjonijiet ewlenin u jqajmu mistoqsijiet li jikkonċernaw lill-Ewropej.

 

Dan se jkun l-ewwel diskors dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea ta’ Ursula von der Leyen minn meta ġiet eletta mill-ġdid bħala President tal-Kummissjoni f’Lulju 2024, u l-Kummissjoni l-ġdida tagħha li ġiet approvata mill-Parlament f’Novembru 2024.

 

Għaliex id-dibattitu dwar l-Istat tal-UE huwa importanti?

 

Id-dibattitu sar wara sajf li fih l-UE fittxet li tilħaq ftehim mal-Istati Uniti dwar it-tariffi kummerċjali u ttaffi t-tħassib dwar l-impatt tagħhom fuq l-ekonomija.

 

L-UE u l-istati membri kienu qed jagħmlu pressjoni għal paċi sostenibbli u ġust għall-Ukrajna filwaqt li l-pajjiżi tal-UE għamlu pjanijiet biex jużaw il-fondi ta' €150 biljun disponibbli fil-livell tal-UE biex jagħtu spinta lill-kapaċitajiet ta' difiża tagħhom.

 

Il-mewġiet tas-sħana u n-nirien fil-foresti rekord madwar l-UE enfasizzaw ir-riskji li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima.

 

Suġġetti bħall-kompetittività fit-tul tal-UE u r-rispons għas-sitwazzjoni kritika f’Gaża x’aktarx li joħorġu wkoll matul id-dibattitu.

 

Kif issegwi d-dibattitu dwar l-Istat tal-UE

 

Id-dibattitu se jixxandar dirett fuq is-sit web tal-Parlament nhar l-Erbgħa 10 ta' Settembru mid-9.00 CET. L-interpretazzjoni se tkun disponibbli bl-24 lingwa uffiċjali kollha tal-UE kif ukoll bil-lingwa tas-sinjali internazzjonali.

 

Tista’ ssegwih ukoll live fuq Facebook, LinkedIn, YouTube jew TikTok u tingħaqad mad-diskussjoni mal-hashtag #SOTEU hemmhekk jew fuq il-kanali l-oħra tal-media soċjali tagħna, inklużi X, Instagram u WhatsApp.

 

Issib ritratti u filmati tal-avveniment fiċ-ċentru multimedjali tal-Parlament.