EU Inc.: x’inhu t-28 reġim?
L-intraprendituri tal-UE jeħtieġu regoli sempliċi biex il-kumpaniji tagħhom jirnexxu. Il-format ta’ kumpanija “EU Inc.” għandu jgħin lin-negozji jibdew u jikbru.
Il-bidu ta’ negozju ta’ suċċess bil-potenzjal li jikber lil hinn mill-fruntieri jeħtieġ ambjent tan-negozju ġeneruż u sempliċi. Biex tagħti spinta lill-kompetittività u l-prosperità tal-UE, din tal-aħħar ħarġet bi proposta għal sett uniku ta’ regoli biex ikun aktar faċli għal dak li jkun biex jibda negozju u jkabbru b’mod li jinfirex mal-UE kollha. Dan is-sett ta’ regoli ma jkunx jissostitwixxi r-regoli nazzjonali eżistenti tas-27 pajjiż tal-UE, iżda pjuttost jipprovdi alternattiva aktar sempliċi magħhom. Huwa għalhekk li l-idea hija magħrufa wkoll bħala t-28 reġim.
X’inhi l-EU Inc.?
Il-kunċett ta’ EU Inc. huwa format ta’ negozju kompletament diġitali li jista’ jiġi stabbilit online fi żmien 48 siegħa għal spiża massima ta’ EUR 100, mingħajr ebda rekwiżiti kapitali minimi. L-EU Inc. hi mfassla biex tiffaċilita l-proċess biex tibda negozju innovattiv. B’hekk, kwalunkwe negozju tal-UE jkun jista’ jagħżel dan il-format ta’ negozju b’responsabbiltà limitata u jistabbilixxih fi kwalunkwe pajjiż tal-UE. Mill-anqas membru wieħed tal-bord tad-diretturi jeħtieġ li jkun residenti fl-UE.
Niġbdu l-investiment u t-talent lejn l-UE
Biex jattiraw u jimmotivaw impjegati bi kwalifiki għoljin u b’talent, skont il-format EU Inc. l-intraprendituri jkunu jistgħu jistabbilixxu pjan ta’ opzjoni ta’ stokk għall-impjegati biex jaqsmu s-suċċess tal-kumpanija man-nies li jaħdmu għalih. L-investiment fil-kumpanija jkun aktar faċli peress li tkun tista’ tistabbilixxi diversi tipi ta’ ishma rreġistrati b’mod diġitali. Sabiex l-intraprendituri jkunu jistgħu jqumu fuq saqajhom malajr wara falliment ta’ negozju, negozji ġodda innovattivi jkollhom aċċess għal proċeduri ta’ insolvenza rapidi u kompletament diġitali.
L-EU Inc. meta se ssir realtà?
Wara r-rapport tal-Parlament Ewropew f’Jannar 2026 li appella għal qafas ġdid biex jgħin lill-kumpaniji innovattivi jikbru, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-proposta tagħha f’Marzu. Il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri issa qed jaħdmu fuq din il-proposta biex isibu l-aħjar mod biex jgħinu lill-intraprendituri tal-UE. Huma jittamaw li jkunu jistgħu jaqblu dwar il-forma finali tal-leġiżlazzjoni sa tmiem l-2026.