X’inhu l-Parlament Ewropew? 

Il-Parlament Ewropew (PE) huwa l-parlament tal-Unjoni Ewropea u wieħed mis-seba’ istituzzjonijiet tal-UE. Bħala l-assemblea leġiżlattiva tal-UE eletta direttament, hija l-vuċi ta’ 450 miljun Ewropew. Il-pajjiżi tal-UE jorganizzaw elezzjonijiet kull ħames snin biex jeleġġu Membri tal-Parlament Ewropew.


Il-Membri tal-PE jemendaw u japprovaw il-leġiżlazzjoni tal-UE b’mod konġunt mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (li jirrappreżenta l-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE). Il-Parlament u l-Kunsill iridu wkoll jiddeċiedu dwar il-baġit tal-UE. Istituzzjonijiet oħra tal-UE, bħall-Kummissjoni Ewropea, jagħtu kont tal-operat tagħhom lill-Parlament Ewropew.


Il-Membri tal-PE jeleġġu wkoll il-President tal-Kummissjoni Ewropea u għandhom rwol importanti fl-iskrutinju tal-Kummissarji nnominati permezz ta’ seduti ta’ smigħ individwali. Imbagħad jagħżlu jekk japprovawx il-Kulleġġ tal-Kummissarji – terminu użat biex nirreferu għas-27 Kummissarju b’mod kollettiv – permezz ta’ vot ta’ approvazzjoni.


Fatti u ċifri dwar il-Parlament Ewropew


Biex jiżgura t-trasparenza, il-Parlament Ewropew jiġbor sett komprensiv ta’ statistika biex isegwi x-xejriet matul iż-żmien. L-istatistika turi data attwali u storika dwar il-partiti nazzjonali u l-gruppi politiċi fil-Parlament, bħall-għadd ta’ Membri tal-PE, l-għadd ta’ Stati Membri, l-għadd ta’ gruppi politiċi u partiti, u l-għadd ta’ delegazzjonijiet nazzjonali. Tinkludi wkoll grafika interattiva li tagħti dettalji dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew f’data partikolari.