X’tipi ta’ finanzjament huma disponibbli?
L-UE tipprovdi finanzjament għal firxa ta’ proġetti u programmi. Hi tapplika regoli stretti, għal kontroll strett fuq kif jintużaw il-fondi u biex tiżgura li l-flus jintefqu b'mod trasparenti u responsabbli.
Il-finanzjament tal-UE jiġi f’ħafna forom differenti:
- għotjiet – tipikament, in-nies japplikaw għal għotjiet billi jissottomettu ideat għal proġetti wara “sejħa għal proposti”
- sussidji mmaniġġjati mill-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali
- self, garanziji u ekwità bħala forom ta’ assistenza finanzjarja biex jappoġġjaw il-politika u l-programmi tal-UE
- self lil Stati Membri tal-UE u pajjiżi li mhumiex fl-UE
- premjijiet għar-rebbieħa tal-kompetizzjonijiet ta’ Orizzont Ewropa.
Ġestjoni tal-fondi tal-UE
Il-programmi ffinanzjati mill-baġit tal-UE jistgħu jiġu mmaniġġjati bi tliet modi differenti:
- il-ġestjoni diretta: il-finanzjament tal-UE hu mmaniġġjat direttament mill-Kummissjoni Ewropea
- il-ġestjoni kondiviża: il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali jimmaniġġjaw il-finanzjament b’mod konġunt
- il-ġestjoni indiretta: il-finanzjament hu mmaniġġjat minn organizzazzjonijiet sħab jew awtoritajiet oħrajn ġewwa jew barra l-UE
Ġestjoni diretta
Il-ġestjoni diretta tal-finanzjament tal-UE tfisser li l-Kummissjoni Ewropea hi direttament responsabbli għall-passi kollha fl-implimentazzjoni tal-programm. Il-Kummissjoni:
- tniedi s-sejħiet għall-proposti
- tevalwa l-proposti sottomessi
- tiffirma l-ftehimiet ta’ għotja
- timmonitorja l-implimentazzjoni tal-proġett
- tivvaluta r-riżultati
- tħallas il-pagamenti
Tista’ tapplika għal dan it-tip ta’ finanzjament billi twieġeb għal sejħiet għal proposti.
Ara s-sejħiet għal proposti b’ġestjoni diretta fuq il-portal tal-finanzjament u l-offerti (SEDIA).
Hemm arranġamenti speċjali għall-fondi taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li jfittxu li jappoġġjaw it-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tal-pajjiżi tal-UE wara l-pandemija tal-COVID-19 bħala parti mill-istrument għall-irkupru NextGenerationEU. Il-gvernijiet tal-UE jħejju pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, u jirċievu pagamenti ladarba jkunu laħqu l-miri deskritti fil-pjan.
Ġestjoni kondiviża
Il-ġestjoni kondiviża tal-finanzjament tal-UE tfisser li r-responsabbiltà għat-tmexxija ta’ programm partikolari hi kondiviża b’mod konġunt bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali fil-pajjiżi tal-UE. Madwar 70% tal-programmi tal-UE huma mmexxija b’dan il-mod.
L-amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali fil-pajjiżi tal-UE jagħżlu liema proġetti għandhom jiffinanzjaw u huma responsabbli għall-ġestjoni ta’ kuljum tagħhom. Il-Kummissjoni taħdem flimkien mal-pajjiżi tal-UE biex tiżgura li l-proġetti jitlestew b’suċċess, u l-flus jintefqu tajjeb.
Il-politika ta’ koeżjoni u l-agrikoltura huma l-oqsma ewlenin fejn tintuża l-ġestjoni kondiviża – prinċipalment permezz tal-fondi li ġejjin:
- Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali – żvilupp reġjonali u urban
- Il-Fond ta' Koeżjoni – għal reġjuni anqas żviluppati
- Il-Fond Soċjali Ewropew Plus – inklużjoni soċjali u governanza tajba
- Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) – appoġġ għar-reġjuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika.
- Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali
- Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd
Siti web nazzjonali (“portals uniċi”) għall-fondi ta’ ġestjoni kondiviża
Awtoritajiet ta’ finanzjament reġjonali u nazzjonali
Ġestjoni indiretta
Il-ġestjoni indiretta tal-finanzjament tal-UE tfisser li l-programmi ta’ finanzjament jiġu implimentati parzjalment jew kompletament minn partijiet terzi, bħal awtoritajiet nazzjonali jew organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-finanzjament jieħu l-forma ta’ sussidji, li tapplika għalihom fil-livell nazzjonali.
Il-biċċa l-kbira tal-baġit tal-UE għall-għajnuna umanitarja u l-iżvilupp internazzjonali hu implimentat taħt ġestjoni indiretta.
Il-programmi ta’ ġestjoni indiretta jammontaw għal madwar 10% tal-baġit globali tal-UE.
Għal informazzjoni dwar fejn tapplika għal dan it-tip ta’ finanzjament, ara l-Proċess ta’ applikazzjoni – ġestjoni indiretta