Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

30 ta’ Ottubru 2026

30 ta' Ottubru 2026

Komunikazzjoni esterna

Il-President tal-BĊE Lagarde tħalli l-kariga fis-7 ta’ Frar 2027

Fid-29 ta’ Ottubru 2026, il-President tal-BĊE Christine Lagarde infurmat lill-Kunsill Governattiv u lill-President tal-Kunsill Ewropew António Costa li kienet se tħalli l-kariga tagħha fis-7 ta’ Frar 2027. Stqarrija għall-istampa relatata ġie ippubblikata fuq is-sit web tal-BĊE fl-istess jum.

Infrastrutturi tas-suq u pagamenti

Ftehimiet ta’ Parteċipazzjoni fil-Munita T2 (CPAs) mas-Sveriges Riksbank u d-Danmarks Nationalbank

Fil-21 ta’ Ottubru 2026 il-Kunsill Governattiv approva t-T2 CPA fuq l-użu ta’ Servizzi T2 mis-Sveriges Riksbank, wara valutazzjoni pożittiva mill-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq dwar l-onboarding tas-Sveriges Riksbank mat-T2. Il-Kunsill Governattiv approva wkoll T2 CPA aġġornat dwar l-użu ta’ Servizzi T2 mid-Danmarks Nationalbank sabiex jimplimenta tibdil applikabbli għas-CPAs kollha li ġew introdotti matul l-onboarding tas-Sveriges Riksbank. Iż-żewġ ftehimiet ġew iffirmati sussegwentement mill-partijiet rispettivi.

Parir dwar il-leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar l-għoti tas-setgħa lill-awtorità kompetenti skont ir-regolament dwar l-abbuż tas-suq biex timponi projbizzjoni fuq l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet maniġerjali f’istituzzjonijiet ta’ kreditu

Fl-1 ta’ Ottubru 2026, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2026/30 wara talba tal-Ministru għall-Finanzi u l-Pensjonijiet Belġjan, inkarigat mil-Lotterija Nazzjonali u mill-Istituzzjonijiet Kulturali Federali.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-istruttura ta’ governanza u r-regoli dwar il-konflitt ta’ interess tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru

Fit-8 ta Ottubru 2026 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2026/31 wara talba mis-Central Bank of Cyprus, fi ftehim mal-Ministeru tal-Finanzi ta’ Ċipru.

Opinjoni tal-BĊE dwar id-dritt li jintużaw flus kontanti, l-aċċess għall-flus kontanti, mezzi elettroniċi ta’ pagament, u servizzi ta’ pagament bla ħlas

Fit-8 ta’ Ottubru 2026 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2026/32 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tas-Slovenja.

Governanza korporattiva

Emendi għall-istrumenti legali li għandhom x’jaqsmu mal-qafas għall-kontabilità u r-rapportar finanzjarju tal-Eurosistema

Fit-22 ta’ Ottubru 2026, il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2026/28 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2024/2941 dwar il-qafas legali għall-kontabilità u r-rapportar finanzjarju fis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (BĊE/2011/31). Il-Linja Gwida li temenda, se tiġi ppubblikata fil-EUR-Lex eventwalment, ittejjeb it-trasparenza dwar il-prestazzjoni finanzjarja tal-Eurosistema permezz ta’ format ta’ rapportar ġdid għall-karta tal-bilanċ konsolidata tal-Eurosistema li teħtieġ tibdil għall-kategorizzazzjoni tal-kontenut taħt il-partiti “Varji”, “Riżervi”, “Telf akkumulat riportat” u “Profitt/(telf) għas-sena”.

Ħatra ta’ President tal-Kumitat Legali (LEGCO)

Fid-29 ta’ Ottubru 2026, il-Kunsill Governattiv ħatar lil Petra Senkovic, Direttur Ġenerali Servizzi Legali tal-BĊE mill-1 ta’ Novembru 2026, bħala President tal-LEGCO minn dik id-data. Is-sinjura Senkovic se tieħu post Chiara Zilioli, li se tirtira mill-BĊE. Din il-ħatra hija sal-31 ta’ Diċembru 2028, biex tikkoinċidi mal-mandati tal-presidenti ta’ kumitati oħrajn tal-Eurosistema/SEBĊ, li nħatru f’Novembru 2025 għall-perjodu ta’ tliet snin minn Jannar 2026 sa Diċembru 2028.

Kooperazzjoni internazzjonali u Ewropea

Estensjoni tal-Programm ta' kooperazzjoni tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-banek ċentrali fil-Balkani tal-Punent tal-Moldova u l-Ukraina

Fit-8 ta’ Ottubru 2026, il-Kunsill Governattiv appoġġa l-estensjoni tat-tielet fażi ta’ kooperazzjoni li għaddejja bejn is-SEBĊ u l-Balkani tal-Punent sabiex jiġu inklużi l-banek ċentrali tal-Moldova u l-Ukraina, u approva d-dokumentazzjoni legali u kuntrattwali relatata. Dan il-programm ta’ kooperazzjoni, ikkoordinat mid-Deutsche Bundesbank u ffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea taħt l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III) Qafas ta’ Programmazzjoni għall-perjodu 2021-27, jinvolvi 21 bank ċentrali nazzjonali tas-SEBĊ u t-tielet fażi bdiet fl-2026 għall-perjodu ta’ tliet snin. Bħala riżultat, il-programm tal-Fażi III tal-Balkani tal-Punent se jikkonsisti minn żewġ komponenti reġjonali: il-“Komponent Reġjonali Moldova u l-Ukraina” u l-“Komponent Reġjonali WB6” għall-programm li għadu għaddej għall-Balkani tal-Punent.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja