Ir-relazzjoni tal-UE mar-reġjun tal-Paċifiku għandha dimensjonijiet politiċi, ekonomiċi u ta’ żvilupp. L-UE hija t-tieni l-akbar sieħeb kummerċjali tar-reġjun tal-Paċifiku.
L-Awstralja u New Zealand huma s-sħab tal-istess fehma tal-UE, li qed jiffaċċjaw sfidi ġeostrateġiċi komuni u jippromwovu l-multilateraliżmu u ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli. F’Ġunju 2018, tnedew negozjati għal ftehim ta’ kummerċ ħieles komprensiv bejn l-UE u l-Awstralja u l-ħmistax-il ċiklu ta’ negozjati sar f’April 2023. L-UE ffirmat ftehim ta’ kummerċ ħieles ma’ New Zealand f’Lulju 2023.
Skont il-Ftehim ta’ Samoa, l-UE għandha sħubija mal-15-il Pajjiż Gżira tal-Paċifiku li tiffoka fuq l-iżvilupp, is-sajd u t-tibdil fil-klima. Għandha wkoll sħubijiet mat-tliet Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej tal-Paċifiku.

Il-bażi legali

  • It-Titolu V (l-azzjoni esterna tal-UE) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE);
  • it-Titoli I-III u V (il-politika kummerċjali komuni; il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja; il-ftehimiet internazzjonali) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);
  • il-Ftehim Qafas bejn l-UE u l-Awstralja;
  • il-Ftehim ta’ Sħubija dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u New Zealand (PARC);
  • il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP), min-naħa l-oħra (il-Ftehim ta’ Samoa)

L-UE u r-reġjun tal-Paċifiku

L-UE u r-reġjun tal-Paċifiku għandhom relazzjoni li ilha ħafna, valuri komuni u rabtiet ekonomiċi u kummerċjali b’saħħithom. L-UE żviluppat sħubijiet fir-reġjun mal-Awstralja, ma’ New Zealand, mal-15-il Pajjiż Gżira tal-Paċifiku u mat-tliet Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej tal-Paċifiku.

L-UE, l-Awstralja u New Zealand huma sħab tal-istess fehma b’valuri u interessi komuni. L-UE żviluppat relazzjonijiet mill-qrib fil-livell tal-gvern u fis-settur privat maż-żewġ pajjiżi f’firxa kbira ta’ oqsma, bħat-tibdil fil-klima u t-tnaqqis fir-riskju ta’ diżastri, il-kummerċ dinji bbażat fuq ir-regoli, is-sigurtà u l-iżvilupp, ir-riċerka teknoloġika u d-drittijiet tal-bniedem.

Ir-relazzjoni tal-UE mal-gżejjer tal-Paċifiku tradizzjonalment kienet ibbażata fuq il-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-qafas tas-sħubija bejn l-UE u l-membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP). F’dawn l-aħħar snin, din ir-relazzjoni estendiet ruħha għal setturi oħra bħall-ambjent, il-governanza tajba, l-enerġija, it-tibdil fil-klima, is-sajd u d-drittijiet tal-bniedem.

A. L-Awstralja u New Zealand

1. L-Awstralja

L-UE u l-Awstralja għandhom sħubija li ilha stabbilita li tmur lura għas-snin sittin. Il-bażi tar-relazzjoni attwali hija l-Ftehim Qafas bejn l-UE u l-Awstralja tal-2017, b’enfasi fuq id-djalogu politiku, il-kwistjonijiet ta’ sigurtà, il-kooperazzjoni internazzjonali, l-ekonomija u l-kummerċ, il-ġustizzja, il-kultura u l-edukazzjoni, l-enerġija u l-ambjent. Il-Ftehim daħal fis-seħħ f’Ottubru 2022.

L-Awstralja hija sieħeb kummerċjali importanti għall-UE. Fl-2022, l-UE kienet it-tielet l-akbar sieħeb kummerċjali bidirezzjonali tal-Awstralja fil-merkanzija, u dan il-kummerċ kien jammonta għal EUR 56.4 biljun. L-Awstralja hija t-tmintax l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE, u l-kategoriji ewlenin tal-esportazzjoni tal-UE huma l-makkinarju u s-sustanzi kimiċi. L-esportazzjonijiet ewlenin tal-Awstralja lejn l-UE huma l-minerali, il-materjali mhux maħduma u l-oġġetti manifatturati.

L-UE u l-Awstralja ilhom mill-2018 jinnegozjaw ftehim ta’ kummerċ ħieles komprensiv li jiffaċilita l-iskambji kummerċjali tagħhom. Il-ħmistax-il ċiklu ta’ negozjati sar f’April 2023 fi Brussell, iżda l-partijiet ma rnexxilhomx jilħqu ftehim, b’mod partikolari dwar il-prodotti agrikoli. Fil-31 ta’ Awwissu 2023, il-kuntatti dwar il-kummerċ ħieles reġgħu bdew b’telekonferenza bejn il-Ministru għall-Kummerċ tal-Awstralja, Don Farrell, u l-Kummissarju tal-UE għall-Kummerċ, Valdis Dombrovskis.

Il-laqgħa l-aktar reċenti tal-mexxejja tal-Awstralja u tal-UE saret f’Novembru 2022, u kellha enfasi fuq il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-perspettiva strateġika li qed tinbidel fir-reġjun Indo-Paċifiku, il-promozzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u ordni multilaterali bbażata fuq ir-regoli, it-tibdil fil-klima, l-ambjent u l-bijodiversità, il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, l-enerġija, it-trasformazzjoni diġitali u suġġetti oħra ta’ interess komuni.

Fl-2024, l-UE kkonfermat il-kooperazzjoni politika u ekonomika ta’ livell għoli tagħha kemm mal-Awstralja kif ukoll ma’ New Zealand. Iż-żewġ naħat jorganizzaw laqgħat regolari fil-livell ministerjali u parlamentari, fejn jiddiskutu t-tħassib dwar is-sigurtà u l-azzjoni konġunta fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali. Madankollu, in-negozjati tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Awstralja ma tkomplewx. Fl-1 ta’ April 2024, Kadri Simson, il-Kummissarju Ewropew għall-Enerġija, f’Sydney ltaqgħet ma’ Chris Bowen, il-Ministru tal-Awstralja għat-Tibdil fil-Klima u l-Enerġija, u ma’ Madeleine King, il-Ministru tal-Awstralja għar-Riżorsi u għat-Tramuntana tal-Awstralja. Fit-8 ta’ April 2024 il-Kummissarju Simson reġgħet iltaqgħet mal-Ministru King f’Canberra, u fit-28 ta’ Mejju l-ministri tal-UE u tal-Awstralja (Madeleine King u Don Farrell) iffirmaw Memorandum ta’ Qbil dwar materjali strateġiċi. Il-kooperazzjoni parlamentari diretta reġgħet bdiet malajr wara l-elezzjonijiet Ewropej, u fit-2 ta’ Diċembru 2024, it-43 laqgħa interparlamentari UE-Awstralja saret fi Brussell.

2. New Zealand

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u New Zealand bħalissa huma rregolati mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni, li ġie ffirmat f’Ottubru 2016 u daħal fis-seħħ f’Lulju 2022. Il-Ftehim ta’ Sħubija dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni jiffaċilita impenn bilaterali billi jsaħħaħ id-djalogu politiku u jtejjeb il-kooperazzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet ekonomiċi u kummerċjali u firxa wiesgħa ta’ oqsma oħra, fosthom l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-kultura, il-migrazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità, u l-kooperazzjoni ġudizzjarja. L-ewwel laqgħa tal-Kumitat Konġunt wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni saret fi Frar 2023 u t-tieni waħda saret fis-27 ta’ Mejju 2024 fi Brussell. Huma ffukaw fuq il-politika barranija, speċjalment fil-kuntest tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-espansjoni taċ-Ċina, is-sigurtà, il-kummerċ, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem u kwistjonijiet ta’ ġustizzja. Il-mexxejja laqgħu l-konklużjoni tan-negozjati għall-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles u l-assoċjazzjoni ta’ New Zealand mal-programm ta’ riċerka Orizzont Ewropa u l-iffirmar ta’ ftehim għall-iskambju ta’ data personali. New Zealand u l-UE qablu li japprofondixxu l-kooperazzjoni tagħhom dwar it-tibdil fil-klima, inkluż permezz ta’ Djalogu ta’ Livell Għoli dwar il-klima u l-agrikoltura, fi ħdan id-Djalogu Strateġiku Internazzjonali dwar l-Agrikoltura.  Dawk l-impenji ġew diskussi wkoll fis-17 ta’ Ottubru 2024 fi Brussell, fit-18-il Tfassil ta’ Politika Interattiva bejn l-UE u New Zealand.

L-UE hija t-tielet l-akbar sieħeb kummerċjali ta’ New Zealand, wara ċ-Ċina u l-Awstralja. Fl-2022, il-kummerċ bidirezzjonali fil-merkanzija bejn l-UE u New Zealand ammonta għal EUR 9.1 biljun. L-esportazzjonijiet ewlenin ta’ New Zealand lejn l-UE kienu jikkonsistu f’ikel u materjali mhux maħduma.

B. Pajjiżi oħra tal-Paċifiku

Il-15-il Pajjiż Gżira tal-Paċifiku[1] għandhom erja kkombinata ta’ 528 000 km² u huma parti mill-OSAKP. Ir-relazzjonijiet mal-Pajjiżi Gżejjer tal-Paċifiku huma ffukati fuq il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-governanza tal-oċeani u t-tibdil fil-klima.

L-istrateġija tal-UE vis-à-vis il-Pajjiżi Gżejjer tal-Paċifiku hija stabbilita fil-komunikazzjoni konġunta tal-2012 bit-titolu “Lejn Sħubija għall-Iżvilupp imġedda bejn l-UE u l-Paċifiku” u ġiet aġġornata bl-istrateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fir-reġjun Indo-Paċifiku fl-2021. Dak iż-żmien kienet mibnija fuq il-qafas tal-Ftehim ta’ Cotonou mal-pajjiżi tal-OSAKP. F’Novembru 2023, l-UE u l-OSAKP iffirmaw uffiċjalment Ftehim ta’ Sħubija ġdid – il-Ftehim ta’ Samoa. L-aspetti ewlenin tal-ftehim il-ġdid jinkludu l-kooperazzjoni dwar il-kummerċ u l-investiment, l-iżvilupp u r-reġjonalizzazzjoni. Dan ikopri għadd kbir ta’ oqsma bħalma huma l-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir, id-drittijiet tal-bniedem u l-paċi u s-sigurtà bil-għan li tiġi promossa l-integrazzjoni reġjonali. L-applikazzjoni proviżorja tal-ftehim bdiet fl-1 ta’ Jannar 2024. Dan iservi bħala l-qafas legali l-ġdid u jirregola r-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u d-79 membru tal-OSAKP għal perjodu ta’ 20 sena.

Il-ftehim ta’ sħubija l-ġdid huwa mibni fuq pedament komuni, li jistabbilixxi l-valuri u l-prinċipji li jlaqqgħu liż-żewġ partijiet flimkien. Barra minn hekk, dan jintroduċi tliet protokolli reġjonali speċifiċi għall-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku bil-għan li tiġi promossa l-integrazzjoni reġjonali. Il-protokolli reġjonali jippermettu l-istabbiliment ta’ strutturi awtonomi li se jsegwu b’mod indipendenti r-relazzjonijiet mal-UE u t-tliet reġjuni differenti involuti. Il-ftehim jipprevedi wkoll dimensjoni parlamentari b’saħħitha b’Assemblea Parlamentari Konġunta permanenti li twettaq rwol konsultattiv ċar. Barra minn hekk, biex tiġi riflessa d-dimensjoni reġjonali b’saħħitha tal-ftehim il-ġdid, dan jinkludi wkoll tliet assemblej parlamentari reġjonali, li se joperaw b’mod awtonomu u se jkollhom rwol konsultattiv ċar. Il-pożizzjoni tal-Parlament ġiet espressa fi tliet riżoluzzjonijiet (tal-4 ta’ Ottubru 2016; tal-14 ta’ Ġunju 2018 u tat-28 ta’ Novembru 2019), fejn huwa laqa’ l-istruttura ġenerali proposta għall-kooperazzjoni bejn l-OSAKP u l-UE u tenna l-importanza tad-dimensjoni parlamentari tas-sħubija. L-EU hija l-ħames l-akbar sieħeb kummerċjali tar-reġjun tal-OSAKP, b’kummerċ li fl-2023 ammonta għal EUR 3.9 biljun. Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomikabejn l-UE u l-Paċifiku ġie rratifikat mill-Parlament f’Jannar 2011 u minn Papua New Guinea f’Mejju 2011. Il-Gvern ta’ Fiġi beda japplika l-ftehim f’Lulju 2014. Samoa aderiet mal-ftehim u bdiet tapplikah f’Diċembru 2018. Il-Gżejjer Solomon aderew ukoll mal-ftehim u bdew japplikawh f’Mejju 2020. L-adeżjoni ta’ Tonga, Nieu u Tuvalu mal-ftehim ta’ sħubija ekonomika ġiet approvata mill-Parlament Ewropew f’Diċembru 2024.

L-UE hija t-tielet l-akbar donatur ta’ għajnuna għall-iżvilupp lill-pajjiżi tal-OSAKP wara l-Awstralja u l-Ġappun. L-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE għall-Paċifiku għas-snin 2021-2027 tammonta għal madwar EUR 750 miljun (inklużi l-Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej tal-Paċifiku).

L-Istrument il-ġdid ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (Ewropa Globali) sar l-istrument ta’ finanzjament ewlieni għall-kooperazzjoni u l-iżvilupp tal-UE ma’ pajjiżi sħab fl-ambitu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-perjodu tal-2021 sal-2027. Dan integra, fost strumenti oħra, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), li preċedentement kien jinsab barra mill-baġit tal-UE. L-integrazzjoni tal-FEŻ fil-baġit tal-Unjoni ssaħħaħ is-setgħat ta’ skrutinju tal-Parlament u tgħin biex jissaħħu l-leġittimità pubblika u l-viżibbiltà politika tal-assistenza esterna tal-UE kollha kemm hi.

Il-Pajjiżi Gżejjer tal-Paċifiku jiffaċċjaw sfidi kbar relatati mal-iżvilupp u l-klima. Fir-rigward tat-tibdil fil-klima, l-UE u l-Istati Gżejjer Żgħar tal-Paċifiku li qed Jiżviluppaw appoġġjaw l-istabbiliment tal-Ftehim ta’ Pariġi fil-21 Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP 21) fl-2015. It-23 sessjoni (COP 23), li saret f’Bonn, il-Ġermanja, mis-6 sas-17 ta’ Novembru 2017, kienet ippreseduta minn Fiġi.

Il-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku (PIF), li huwa grupp politiku ta’ 18-il membru, huwa interlokutur għall-UE għall-finanzjament għall-iżvilupp u għan-negozjati kummerċjali. Il-grupp jinkludi: l-Awstralja, il-Gżejjer Cook, il-Mikroneżja, Fiġi, Kiribati, Nauru, New Zealand, Niue, Palau, Papua New Guinea, il-Gżejjer Marshall, Samoa, il-Gżejjer Solomon, Tonga, Tuvalu, Vanuatu, New Caledonia u l-Polineżja Franċiża. New Caledonia u l-Polineżja Franċiża, flimkien ma’ Wallis u Futuna, jiffurmaw it-tliet Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej tal-Paċifiku tal-UE fir-reġjun.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Ir-relazzjonijiet tal-Parlament mal-parlament Awstraljan u dak ta’ New Zealand imorru lura għall-1979, meta ġiet stabbilita d-Delegazzjoni għar-Relazzjonijiet mal-Awstralja u New Zealand (DANZ). Minn dak iż-żmien, id-DANZ kienet involuta f’laqgħat interparlamentari regolari mal-parlament Awstraljan u dak ta’ New Zealand biex jitrawmu relazzjonijiet maż-żewġ pajjiżi u jiġu diskussi kwistjonijiet ta’ interess komuni bħall-agrikoltura, l-enerġija, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, l-iżvilupp u l-kooperazzjoni ekonomika, ix-xjenza u t-teknoloġija, il-kummerċ, il-promozzjoni tas-sigurtà globali u reġjonali fir-reġjun Asja-Paċifiku, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, u d-drittijiet tal-bniedem. It-42 laqgħa interparlamentari bejn l-UE u l-Awstralja, jiġifieri dik l-aktar reċenti, saret f’Diċembru 2022 fi Brussell. Barra minn hekk, Brussell ospitat ukoll is-27 laqgħa interparlamentari bejn l-UE u New Zealand fi Frar 2023.

Il-Parlament huwa rappreżentat fir-relazzjonijiet tiegħu mal-pajjiżi l-oħra tal-Paċifiku mid-Delegazzjoni għall-Assemblea Parlamentari Paċifiku-UE (DPAC), li hija magħmula minn għadd ugwali ta’ rappreżentanti għall-UE u għall-Paċifiku. Il-kompitu ewlieni tad-delegazzjoni huwa li tħejji l-laqgħat tal-Assemblea Parlamentari Paċifiku-UE, tevalwa u ssegwi l-attivitajiet tal-Parlament, torganizza laqgħat ma’ personalitajiet ta’ livell għoli tal-Paċifiku, u tiddiskuti kwistjonijiet topiċi marbuta mal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Samoa. L-ewwel sessjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta OSAKP-UE (ukoll bil-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti Afrikani u tal-Karibew) saret f’Luanda, l-Angola fil-21 ta’ Frar 2024 bit-tema “Bidu ġdid għar-Relazzjonijiet OSAKP-UE: Lejn Sħubija Mmexxija min-Nies”. Fil-marġini ta’ din il-laqgħa, saret il-laqgħa kostitwenti tal-Assemblea Parlamentari Paċifika-UE.

 

[1]Il-15-il Pajjiż Gżira tal-Paċifiku huma: Fiġi, Papua New Guinea u Timor Leste, li flimkien jammontaw għal 90% tal-massa tal-art u tal-popolazzjoni tar-reġjun, u 12-il Stat Gżira Żgħira li qed Tiżviluppa: il-Gżejjer Cook, Kiribati, il-Mikroneżja, Nauru, Niue, Palau, il-Gżejjer Marshall, Samoa, il-Gżejjer Solomon, Tonga, Tuvalu u Vanuatu.

Jonas Kraft