Il-Kredenzjali Diġitali Ewropej għat-Tagħlim 

Kredenzjali Diġitali Ewropew għat-Tagħlim (EDC) hu verżjoni diġitali verifikabbli ta’ Kredenzjali li toħroġ organizzazzjoni lill-istudenti tagħha biex tiddokumenta t-tagħlim tagħhom. Dan jinkludi diplomi, ċertifikati ta’ taħriġ, mikrokredenzjali, ċertifikati ta’ parteċipazzjoni, u oħrajn. Il-Kredenzjali jistgħu jinħarġu bil-lingwi kollha tal-UE u tal-Europass u jiġu ffirmati b’siġill elettroniku (forma ta’ firma diġitali ta’ istituzzjoni jew organizzazzjoni fdata). 

Peress li huma diġitali, il-kredenzjali tista’ tgħaddi kopja tagħhom malajr u faċilment lill-impjegaturi prospettivi, tużahom biex tapplika għal aktar taħriġ, jew tippreżentahom għal proċeduri ta’ rikonoxximent, mingħajr ma jkollok għalfejn tiskennja jew tikkopja d-diploma stampata tiegħek. L-EDCs fihom għadd ta’ kontrolli tal-verifika ħalli min jara l-Kredenzjali jkun jista’ jafda l-oriġini tiegħu u jivverifika l-validità u l-awtentiċità tiegħu.

Jekk istituzzjoni toħroġlok EDC, dan tirċevih iddepożitat direttament fil-Kartiera tal-Europass tiegħek (jiġifieri fil-Librerija tal-Europass tiegħek) jew inkella bl-email u tkun tista’ ttella’ dak il-Kredenzjali fil-Kartiera tal-Europass tiegħek (jew f’xi kartiera konformi oħra). 

Il-Kartiera tal-Europass tiegħek hi spazju fil-kont tal-Europass tiegħek fejn tista’ taħżen l-EDCs tiegħek b’mod sigur u li minnu tista’ taqsam faċilment il-Kredenzjali tiegħek direttament ma’ ħaddieħor jew tinkludihom fl-applikazzjonijiet tiegħek flimkien mas-CV, mal-ittra ta’ akkumpanjament, u ma’ dokumenti pertinenti oħra. 

Importanti li: 

  • Il-Kredenzjali tiegħek taħżnu fil-Kartiera tal-Europass jew f’kartiera konformi oħra, jew
  • Il-Kredenzjali tiegħek ittellgħu regolarment fl-EDC Viewer

Hekk tiżgura li l-EDC tiegħek jibqa’ validu maż-żmien. Għal aktar informazzjoni, żur it-taqsima “Informazzjoni importanti dwar il-ħżin tal-EDC tiegħek”. 

Kif nuża l-Kredenzjali Diġitali Ewropej għat-Tagħlim tiegħi? 

Bil-Europass tista’: taħżen, tara, tinnaviga, u taqsam l-EDC tiegħek ma’ ħaddieħor.

Naħżen l-EDC tiegħi

Meta istituzzjoni toħroġlok EDC, inti tirċievi notifika fl-indirizz tal-email li tkun tajt lill-istituzzjoni. F’dak l-email issib link dirett għall-kartiera tiegħek fejn tista’ ssib u tara l-EDC tiegħek, jew inkella l-Kredenzjali tiegħek issibu mehmuż mal-email flimkien ma’ struzzjonijiet dwar kif tiftħu. 

Jekk il-Kredenzjali tiegħek ikun ġie ddepożitat direttament fil-Kartiera tal-Europass tiegħek, m’għandek għalfejn tagħmel xejn iżjed. Il-Kredenzjali tiegħek tkun tista’ taċċessah mil-link tal-email jew billi tilloggja fil-kont tal-Europass tiegħek u żżur it-taqsima “Ċertifikati u diplomi” fil-Librerija tal-Europass tiegħek. 

Jekk għadek ma rreġistrajtx kont tal-Europass bl-indirizz tal-email fejn intbagħatlek l-EDC, tista’ tirċievi wkoll email li tiddikjara li nħolqotlok Kartiera tal-Europass temporanja. Biex tiftaħ din il-kartiera temporanja, għandek bżonn toħloq kont tal-Europass bl-istess indirizz tal-email fejn irċevejt l-EDC tiegħek. Ladarba toħloq il-kont tiegħek, tkun tista’ ssib il-Kredenzjali tiegħek fit-taqsima “Il-Librerija Tiegħi”. Jekk tagħżel li ma taċċessax il-kartiera tiegħek, din titħassar awtomatikament wara 6 xhur. 

Jekk il-Kredenzjali rċevejtu mehmuż u tixtieq taħżnu b’mod sigur f’kartiera diġitali (u għad m’għandekx kont tal-Europass), l-ewwel trid toħloq kont tal-Europass

Imbagħad imxi mal-passi t’hawn taħt: 

  1. Żur il-Librerija tal-Europass tiegħek 
  2. Inżel ’l isfel sakemm issib it-taqsima “Ċertifikati u diplomi”. Din hi wkoll il-Kartiera tal-Europass tiegħek. 
  3. Agħfas fuq “żid” fir-rokna ta’ fuq tal-lemin tat-taqsima. 
  4. Sib u tella’ l-fajl bil-Kredenzjali li tkun irċevejt bl-email. 

Hekk il-Kredenzjali tiegħek ikun inħażen fil-Kartiera tal-Europass tiegħek. L-EDCs tiegħek tista’ tagħżel ukoll li taħżinhom offline.

My library screenshot

Informazzjoni importanti dwar il-ħżin tal-EDC tiegħek 

Tajjeb tkun taf li l-EDC tiegħek hu ffirmat b’siġill elettroniku, li għandu perjodu tal-validità speċifiku. Jekk il-Kredenzjali tiegħek tkun ħżintu fil-Kartiera tal-Europass tiegħek, il-validità tal-kredenzjali tiegħek tiġġedded awtomatikament. Iżda jekk taħżnu biss offline, minn żmien għal żmien tkun trid terġa’ ttellgħu fl-EDC Viewer biex tiżgura li l-validità tal-firma tal-Kredenzjali tiegħek tiġġedded qabel ma tiskadi. Għalhekk aħna nirrakkomandaw li l-EDCs tiegħek taħżinhom fil-Kartiera tal-Europass. Jekk il-Kredenzjali tiegħek ittellgħu fil-Viewer f’xi żmien qrib l-iskadenza tiegħu, tinfetaħlek pop-up biex tinfurmak li l-Kredenzjali tiegħek se jiskadi dalwaqt. Biex tkompli tara l-Kredenzjali tiegħek, imbagħad tkun trid testendi l-validità tal-Kredenzjali tiegħek billi tagħżel “iva”. Hekk tinħoloqlok awtomatikament verżjoni ġdida tal-Kredenzjali tiegħek b’data tal-validità estiża. Iżda biex tiżgura li fil-futur tkun tista’ taċċessa din il-verżjoni l-ġdida tal-Kredenzjali tiegħek, trid tniżżel kopja tagħha u tissejvjaha.  

EDC Viewer screenshot

Kif nara l-EDC tiegħi

L-EDC tiegħek tista’ tagħżel li tiftħu mill-Kartiera tal-Europass tiegħek billi tagħfas fuq l-istampa ċkejkna tiegħu li tieħdok minnufih fl-EDC Viewer, jew inkella tista’ ttella’ l-fajl oriġinali tal-Kredenzjali (li tkun irċevejt bl-email jew li tkun ħżint offline) direttament fl-EDC Viewer. Fl-EDC Viewer, trid tagħfas fuq il-buttuna s-safra “Applowdja l-Kredenzjali” u tagħżel il-fajl tal-Kredenzjali li tkun niżżilt mill-email tan-notifika oriġinali. 

Innota li dan il-Kredenzjali jista’ jinqara biss minn magna, u l-estensjoni tiegħu hi .jsonld. Għalhekk ma tistax tiftħu b’applikazzjoni oħra ħlief bil-Kartiera tal-Europass u bil-Viewer, jew b’xi alternattiva kompatibbli speċifikata mill-istituzzjoni tiegħek.

Ninnaviga fl-EDC tiegħi

Il-Kredenzjali Diġitali Ewropej għat-Tagħlim fihom tliet saffi differenti: 

  1. Viżwalizzazzjoni fil-qosor: din turik tipikament il-Kredenzjali tiegħek, u normalment ikun fiha l-informazzjoni minima dwar il-Kredenzjali tiegħek: ismek, isem il-Kredenzjali u informazzjoni oħra li jkun inkluda min ħariġlek il-Kredenzjali.
  2. Il-kontrolli tal-awtentikazzjoni u tal-verifika: dawn il-kontrolli jagħtuk informazzjoni dwar il-validità u l-affidabbiltà tal-format tekniku tal-Kredenzjali tiegħek u l-awtentiċità tiegħu. Dan is-saff jagħtik informazzjoni wkoll dwar: 
    a.    Min issiġilla l-Kredenzjali (jiġifieri l-entità ġuridika li tkun ħarġitlek il-Kredenzjali).
    b.    Jekk hemmx xi akkreditazzjoni valida marbuta miegħu (akkreditazzjoni hi forma addizzjonali ta’ kontroll tal-kwalità li tista’ ssir referenza għaliha mill-istituzzjonijiet fit-tagħlim formali jekk ikunu jixtiequ jagħmlu dan. Iżda l-Kredenzjali xorta jkun validu mingħajr akkreditazzjoni). 
    ċ.    Jekk xi ħadd ikunx bagħbas il-Kredenzjali, jiġifieri editja l-kontenut tal-fajl. F’dan il-każ, is-siġill ikun tkisser u dawn il-kontrolli tal-verifika ma jirnexxux. Għalhekk kull min jara l-Kredenzjali tiegħek jinduna li l-kontenut tal-Kredenzjali ma jistax jibqa’ jiġi fdat.
  3. Il-kontenut: il-kontenut strutturat tal-Kredenzjali jidher f’taqsimiet li jkun fihom informazzjoni dwar min ħareġ u min kiseb il-Kredenzjali, u tagħrif dwar il-kisbiet, l-attivitajiet tat-tagħlim, l-assessjar jew l-intitolamenti li għalihom tkun ingħatat il-Kredenzjali. 
     

Fuq ix-xellug tal-EDC Viewer, hemm buttuni li tista’ tagħżel biex taċċessa u tinnaviga bejn dawn it-tipi differenti ta’ informazzjoni. Hemm tista’ tara l-kontenut kollu tal-Kredenzjali. Apparti d-data personali tiegħek (bħala minimu ismek), hawn jaf issib deskrizzjonijiet tal-kors li tkun għamilt, il-gradi u l-eżiti tat-tagħlim miksuba, u informazzjoni oħra li l-organizzazzjoni li toħroġlok il-Kredenzjali tagħżel li żżid. B’din l-informazzjoni addizzjonali tkun tista’ turi dettalji dwar it-tagħlim miksub lill-impjegaturi prospettivi tiegħek jew lil partijiet esterni oħra, li min-naħa tagħhom ikunu jistgħu jivverifikaw l-għarfien u l-ħiliet tiegħek. 

EDC page screenshot

Naqsam l-EDC ma’ ħaddieħor 

L-EDCs tfasslu b’tali mod biex jagħmluhielek faċli taqsamhom ma’ ħaddieħor, inkluż ma’ impjegaturi prospettivi, fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ meta tapplika għal xi opportunità tat-tagħlim, jew ma’ partijiet oħrajn, eż. għal skopijiet ta’ rikonoxximent. Qatt m’għandek taqsam ma’ ħaddieħor il-fajl oriġinali nnifsu tal-Kredenzjali (jiġifieri l-fajl li tkun irċevejt bl-email jew li tkun niżżilt mill-kartiera tiegħek, bil-format JSON-LD). Il-verżjoni oriġinali tal-Kredenzjali tiegħek għandha tħalliha aċċessibbli biss għalik. Jekk trid taqsam il-Kredenzjali tiegħek ma’ ħaddieħor trid: 

  1. Toħloq link speċifiku tal-Kredenzjali tiegħek minn xi Kartiera tal-Europass jew mill-EDC Viewer. Il-link li tista’ taqsmu ma’ ħaddieħor jieħdok fl-istess viżwalizzazzjoni li tara meta taċċessa l-Kredenzjali tiegħek bil-Viewer, iżda din id-darba ma jħallikx terġa’ taqsmu ma’ ħaddieħor.  
  2. Tiġġenera dokument PDF bil-Kredenzjali tiegħek mill-EDC Viewer. Il-PDF iġġenerat ikun dokument b’żewġ paġni li jipprovdi previżjoni tal-Kredenzjali, ħarsa ġenerali lejn il-kontrolli tal-verifika, u link u kodiċi QR li jeħduk fl-EDC Viewer biex tkun tista’ tara l-Kredenzjali kollu. 
     
EDC page with share and export buttons highlighted

Innota li l-link li tista’ taqsam ma’ ħaddieħor jew il-PDF tista’ tiġġenerahom biss wara li taċċessa l-Kredenzjali tiegħek mill-Kartiera tal-Europass tiegħek. 

Meta tiġġenera l-links li tista’ taqsam ma’ ħaddieħor jew id-dokument PDF, dejjem tintalab tispeċifika l-iskadenza. Dan biex ikun żgurat li inti tibqa’ dejjem fil-kontroll tad-data tiegħek stess. Meta tistabbilixxi l-iskadenza tkun qed tiżgura li ħaddieħor ikun jista’ jaċċessa u jivverifika l-validità tal-Kredenzjali tiegħek iżda ma jkunx jista’ jżomm id-data tiegħek għandu għal aktar minn kemm trid inti. Il-perjodu tal-validità tal-link dirett li tista’ taqsam ma’ ħaddieħor jew tal-link li jkun hemm fil-PDF tista’ ġġeddu jew tqassru mill-kont tal-Europass tiegħek.

Kif nista’ nikseb Kredenzjali Diġitali Ewropej għat-Tagħlim? 

L-EDCs, l-istess bħall-Kredenzjali tradizzjonali, toħroġhom l-istituzzjoni tat-tagħlim tiegħek, jew jinħarġu f’isimha. Dik l-istituzzjoni tista’ tkun fornitur tat-taħriġ, università jew xi organizzazzjoni oħra. Biex tara jekk tistax tirċievi d-diploma tiegħek jew xi ċertifikat ieħor bħala EDC, nistednuk tikkuntattja lill-istituzzjoni rilevanti direttament. 

 

Mistoqsijiet dwar l-EDC tiegħi

Il-kontenut tal-Kredenzjali ma jistax jitbiddel. Jekk sibt xi żball jew ineżattezza fil-Kredenzjali tiegħek, dan irid jinħareġ mill-ġdid. Jekk għandek xi mistoqsija dwar il-kontenut tal-Kredenzjali Diġitali Ewropej għat-Tagħlim tiegħek, nistednuk tikkuntattja lill-istituzzjoni li ħarġitu.

Innota li la t-tim tal-Europass u lanqas it-tim tal-EDC ma jistgħu jagħtu aktar dettalji fuq il-kontenut tal-Kredenzjali. Lanqas ma jistgħu ibiddlu xi informazzjoni li jkollok fil-Kredenzjali. Jekk m’intix ċert(a) fuq l-organizzazzjoni li ħarġitlek il-Kredenzjali, agħfas fuq “Emittent” fil-Viewer tal-Kredenzjali. 

Jekk qed issib xi diffikultajiet bil-Kartiera tal-Europass tiegħek jew biex tara l-Kredenzjali, nistednuk tikkuntattja lill-Helpdesk tal-Europass u tiddeskrivi fid-dettall il-problema eżatta.