Ngħaqqdu l-isforzi tagħna flimkien biex inraħħsu l-ħajja
Iċ-ċittadini Ewropej għandu jkollhom moħħhom mistrieħ u mhux ikunu inkwetati dwar il-ġejjieni tagħhom. Għal dan l-għan, jeħtieġu aċċess għal impjiegi ta’ kwalità, akkomodazzjoni, enerġija, u trasport bi prezzijiet aċċessibbli, u ikel ta’ kwalità għolja u li ma jagħmlilhomx ħsara. Iżda jibqa’ l-fatt li, għal ħafna Ewropej, l-għoli tal-ħajja sar sors ta’ tħassib. L-ispejjeż għall-akkomodazzjoni, għall-enerġija, jew għat-trasport qed jagħmlu pressjoni fuq bwiethom.
Il-ħajja għolja affettwat il-kapaċità tan-negozji li jattiraw u jżommu t-talent. Laqtet ukoll lis-servizzi pubbliċi, minħabba li l-infermieri jew il-ħaddiema tat-tifi tan-nar mhux se jmorru jaħdmu f’postijiet fejn il-kirjiet huma għoljin wisq għalihom u ma jibqgħalhomx f’idejhom biżżejjed flus għall-ħajja.
Huwa għalhekk li qed nieħdu azzjoni. Flimkien mal-pajjiżi u r-reġjuni tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll man-negozji u l-partijiet ikkonċernati l-oħrajn kollha, il-Kummissjoni qed taħdem fuq kull front biex tikkontribwixxi għal ħajja ta’ kuljum aktar faċli għan-nies fl-UE.
L-ewwel nett, qed naħdmu biex nagħtu spinta lill-kompetittività, sabiex in-negozji u l-industriji tagħna jkunu jistgħu joffru aktar impjiegi u impjiegi ta’ kwalità aħjar, b’introjtu adegwat. U qed niffukaw ukoll speċifikament fuq l-oqsma ewlenin li jaffettwaw l-ispejjeż ta’ kuljum:
- l-akkomodazzjoni
- l-enerġija
- it-trasport
- l-ikel
L-għan huwa li lill-Ewropej ngħinuhom isibu postijiet fejn jgħixu, jaħdmu, u jrabbu l-familji tagħhom bi prezzijiet li jkunu jifilħu għalihom, mingħajr ma jkunu anzjużi dwar il-ġejjieni.

Kif se naslu għal sitwazzjoni fejn in-nies ikunu jistgħu jlaħħqu mal-ħajja?
L-isforzi tagħna biex inraħħsu l-ħajja huma msejsin fuq tliet inizjattivi ewlenin:
L-akkomodazzjoni
Id-dar hija l-pedament tas-soċjetà, iżda għal għadd kbir ta’ Ewropej illum il-ġurnata d-dar saret sors ta’ ansjetà. Tista’ tfisser ħafna dejn jew inċertezza.
- 60%b’kemm għolew il-prezzijiet tad-djar mill-2013 ’l hawn
- 22%b’kemm naqsu l-permessi għall-bini mill-2020 ’l hawn
- aktar minn 20%b’kemm għolew il-kirjiet medji mill-2013 ’l hawn
Ippreżentajna l-pjan Ewropew għal akkomodazzjoni affordabbli biex l-akkomodazzjoni ssir aktar aċċessibbli finanzjarjament, aktar sostenibbli, u ta’ kwalità aħjar.
Il-pjan jifli r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-akkomodazzjoni biex jara kif nistgħu nagħmluha aktar faċli li jinbnew djar ġodda u li jiġu rinnovati djar eżistenti. L-għan huwa li tingħata spinta lill-provvista tal-akkomodazzjoni permezz ta’ bini ġdid u tar-rinnovazzjoni, u biex tiġi sostnuta l-innovazzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni. Hemm bżonn li r-regoli jiġu ssimplifikati biex jitnaqqas il-piż b’rabta mar-rinnovazzjoni, jitħaffef il-ħruġ tal-permessi, u jiġi żblukkat l-investiment. Dan se jgħin biex tiżdied il-provvista tal-akkomodazzjoni billi jiġu mmobilizzati kemm l-investiment privat kif ukoll dak pubbliku f’akkomodazzjoni bi prezzijiet raġonevoli.
Il-Kummissjoni se tindirizza wkoll il-kirjiet għal żmien qasir permezz tal-Att dwar l-Akkomodazzjoni Affordabbli, li għandu jiġi ppreżentat fl-2026, sabiex dawk li jgħixu fi bliet kbar xorta jkunu jistgħu jsibu postijiet tajbin fejn joqogħdu.
Qed nagħmlu l-mobbiltà tan-nies aktar faċli u bi prezzijiet aċċessibbli billi ntejbu t-trasport pubbliku, nagħtu s-sostenn biex in-nies jagħżlu li jivvjaġġaw ma’ oħrajn, u ninkoraġġixxu l-użu tar-roti u l-mixi. Għal ħafna familji, it-trasport huwa spiża kbira. Bħala medja, il-familji fl-UE jonfqu madwar ewro minn kull tmienja tal-baġit tagħhom fuqu.
Biex ikun ta’ għajnuna f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fond Soċjali għall-Klima qed jipprovdi €86.7 biljun mill-2026 sal-2032 b’appoġġ għall-familji, għan-negozji ż-żgħar, u għall-komunitajiet li qed jitħabtu ma’ spejjeż għoljin tat-trasport u tal-enerġija. Barra minn hekk, il-pjan ta’ azzjoni għall-elettrifikazzjoni, ippreżentat f’Lulju 2026, jistabbilixxi għodod differenti, bħall-użu ta’ skemi ta’ lokazzjoni soċjali biex il-vetturi elettriċi jsiru aktar aċċessibbli finanzjarjament għall-familji b’introjtu baxx u medju.
Kulħadd għandu jkun jista’ jasal ix-xogħol, l-iskola, u fil-postijiet minn fejn jingħataw is-servizzi tas-saħħa b’mod affidabbli u bi prezzijiet li jiflaħ għalihom. Huwa għalhekk li qed ninvestu f’servizzi tat-trasport aħjar, b’mod partikulari f’żoni rurali u iktar maqtugħin għalihom, u qed ngħinu lill-awtoritajiet lokali jindirizzaw il-faqar fil-qasam tat-trasport.
Qed ninvestu fi trasport aħjar u aktar sostenibbli permezz ta’ programmi fosthom
- Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li tappoġġa l-iżvilupp ta’ infrastruttura tat-trasport sostenibbli fin-network trans-Ewropew tat-trasport
- Il-Qafas għall-Mobbiltà Urbana, li jgħin lill-bliet joħolqu sistemi ta’ mobbiltà aktar nodfa u aktar inklużivi
- Iċ-Ċentru għall-Faqar tat-Trasport, li jippermetti lill-bliet u lir-reġjuni jidentifikaw u jindirizzaw l-inħawi l-aktar milqutin minn sfidi fil-qasam tat-trasport
Fl-istess ħin, qed naħdmu mal-industrija fuq inizjattiva ġdida dwar karozzi żgħar u affordabbli sabiex l-Ewropa tiżviluppa l-karozza elettrika nadifa, effiċjenti, u ħafifa tagħha stess li tinbiegħ bi prezzijiet aċċessibbli. Dan se jgħin ukoll biex immantnu industrija awtomobilistika Ewropea b’saħħitha, li tħaddem 13-il miljun ruħ u ssostni l-għajxien ta’ miljuni ta’ nies.
L-enerġija
F’dawn l-aħħar snin, ir-Russja pprovokat kriżi tal-enerġija fl-Ewropa. Għalkemm irnexxielna nistabbilizzaw il-prezzijiet tal-enerġija u niżguraw il-provvisti, il-prezzijiet tal-enerġija għadhom ogħla milli huma f’partijiet oħrajn tad-dinja. U l-kontijiet tad-dawl għadhom sors reali ta’ ansjetà għal bosta Ewropej. Diġà ħadna għadd ta’ passi biex innaqqsu l-prezzijiet tal-enerġija.
Kemm hu stmat li ffrankaw il-konsumaturi u l-industrija
Pereżempju, l-UE stabbiliet il-pjan ta’ azzjoni għal enerġija affordabbli, li għandu l-għan li jraħħas il-kontijiet tad-dawl, inaqqas l-esponiment għal xokkijiet fil-prezzijiet, u jipproteġi lill-konsumaturi.
F'April 2026, il-Kummissjoni ppreżentat miżuri biex jorħsu l-prezzijiet tal-enerġija billi nespandu l-enerġija nadifa u prodotta lokalment, u nsaħħu l-infrastruttura. Dan ifisser l-introduzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli aktar malajr, filwaqt li jiġu mmodernizzati u jsir investiment fl-infrastruttura u fl-interkonnetturi.
Il-pakkett dwar l-enerġija taċ-ċittadini l-ġdid għandu l-għan li jraħħas il-kontijiet tal-enerġija u jassisti lill-konsumaturi l-aktar vulnerabbli billi jippermetti li n-nies jipproduċu l-enerġija nadifa tagħhom stess u jikkumbatti l-faqar enerġetiku. Xi jfisser dan għall-familji:
- Li jiffrankaw sa €150 fis-sena billi jaqilbu għal fornituri tal-enerġija orħos.
- Li jiffrankaw €200 fis-sena billi jitnaqqsulhom it-taxxi u l-imposti fuq il-kontijiet tad-dawl.
- Li jieħdu deċiżjonijiet meqjusin aħjar billi l-konsumaturi jingħataw informazzjoni trasparenti dwar il-kontijiet u l-kuntratti tal-enerġija.
Impjiegi u għajxien aħjar
Sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja u tissaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa, il-Kummissjoni se taġixxi fi tliet oqsma oħrajn:
- L-ewwel nett, bil-boxxla għall-kompetittività, qed ngħinu lin-negozji jikbru u joħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità aħjar.
- It-tieni, bil-pjan direzzjonali għal impjiegi ta’ kwalità u bl-att futur dwar l-impjiegi ta’ kwalità, qed niżguraw li l-impjiegi jadattaw għal ekonomija moderna.
- It-tielet, bl-istrateġija l-ġdida tal-UE kontra l-faqar irridu li sal-2050 nkunu qridna l-faqar, billi niffukaw fuq impjiegi ta’ kwalità, aċċess għas-servizzi, u appoġġ għall-introjtu, u fuq azzjoni aktar koordinata li se tindirizza l-għajxien bla dar u l-kawżi ewlenin tal-faqar.
Aħna impenjati wkoll li niżguraw aċċess għal ikel ta’ kwalità għolja u bi prezzijiet raġonevoli. Il-bdiewa u s-sajjieda tal-Ewropa għandhom rwol vitali fis-sigurtà tal-ikel, fil-bijodiversità, u fil-protezzjoni ambjentali. Aħna nappoġġjawhom, sabiex ikunu jistgħu jkomplu jipproduċu ikel tajjeb u bi prezzijiet raġonevoli għal kulħadd.
Inħarsu ’l quddiem
Billi naħdmu flimkien fil-livelli tal-UE, nazzjonali, u lokali, se nintensifikaw l-investiment, nissimplifikaw ir-regoli, u nipprovdu soluzzjonijiet konkreti b’rabta mal-impjiegi, mal-akkomodazzjoni, mal-enerġija, mat-trasport, u mal-ikel. L-għan huwa li niżguraw li l-Ewropa tibqa’ post fejn in-nies jistgħu jgħixu u jaħdmu b’fiduċja, sigurtà, u kwalità ta’ ħajja tajba.
Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 22 Lulju 2026