Tmexxija politika
Taħt it-tmexxija tal-President tagħha, il-ħidma tal-Kummissjoni tingħata direzzjoni minn grupp ta' 27 Kummissarju, magħruf bħala "il-Kulleġġ". Flimkien huma jiddeċiedu dwar id-direzzjoni politika u strateġika tal-Kummissjoni.
Kull 5 snin jinħatar Kulleġġ ġdid ta' Kummissarji.
Dipartimenti u aġenziji eżekuttivi
Il-Kummissjoni hi organizzata f'dipartimenti ta' politika, magħrufin bħala Direttorati Ġenerali (DĠ), li huma responsabbli għall-oqsma ta' politiki differenti. Id-DĠ jiżviluppaw, jimplimentaw u jimmaniġġjaw il-politika, il-liġi u l-programmi ta' finanzjament tal-UE. Barra minn hekk, id-dipartimenti ta' servizz jittrattaw kwistjonijiet amministrattivi partikulari. L-aġenziji eżekuttivi jimmaniġġjaw programmi stabbiliti mill-Kummissjoni.
Il-persunal tal-Kummissjoni
Bħalissa, mat-33,000 impjegat permanenti u kuntrattwali jaħdmu fil-Kummissjoni. Dawn jinkludu uffiċjali tal-politika, riċerkaturi, avukati, tradutturi u bosta profili oħra.
Il-Kummissjoni timmira li tkun organizzazzjoni moderna, flessibbli u mmexxija mill-valuri li tiżgura li l-persunal tagħha jikseb riżultati eċċellenti għan-nies fl-UE kollha.
Sir af aktar dwar:
Uffiċċji tal-Kummissjoni
Il-kwartieri ġenerali tagħna
Id-dipartimenti u l-aġenziji eżekuttivi tal-Kummissjoni huma bbażati fi Brussell u fil-Lussemburgu.
Il-laqgħat ta' kull ġimgħa tal-Kummissarji jsiru fil-kwartieri ġenerali ta' Brussell u fi Strażburgu.
L-uffiċċji tagħna fil-pajjiżi tal-UE
Ir-Rappreżentanzi fl-Istati Membri kollha tal-UE jaġixxu bħala l-vuċi tal-Kummissjoni u jimmonitorjaw l-opinjoni pubblika fil-pajjiż ospitanti tagħhom.
Huma joffru informazzjoni dwar l-UE u jorganizzaw avvenimenti tematiċi. Xi wħud jorganizzaw ukoll żjarat għall-iskejjel u l-organizzazzjonijiet u joffru l-bini tagħhom għal attivitajiet relatati mal-UE. Minbarra r-Rappreżentanzi, diversi aġenziji tal-UE għandhom l-uffiċċji tagħhom fil-pajjiżi tal-UE.
Il-Kummissjoni għandha wkoll iċ-Ċentri ta’ Informazzjoni Europe Direct.
Uffiċċji li mhumiex fl-UE
L-UE għandha 139 uffiċċju barra l-UE, magħrufin bħala d-Delegazzjonijiet tal-UE. Dawn jirrappreżentaw lill-UE u liċ-ċittadini tagħha madwar id-dinja u jibnu networks u sħubijiet.

