Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Mistoqsijiet frekwenti (FAQs) fuq l-euro diġitali

Aġġornat fis-17 ta’ Awwissu 2026

L-għan u l-benefiċċji tal-euro diġitali

Implimentazzjoni u funzjonalità

Il-progress u l-partijiet ikkonċernati

Impatt u kunsiderazzjonijiet

M1. Għaliex l-Ewropa għandha bżonn ta’ euro diġitali?

F’dinja fejn il-pagamenti diġitali qed isiru n-norma b’mod rapidu, l-użu tal-flus kontanti qed jonqos u l-bidla lejn ix-xiri online qed taċċellera. L-euro diġitali jkun forma diġitali ta’ flus kontanti, li jagħti lill-konsumaturi aċċess għall-flus tal-bank ċentrali f’forma diġitali, u b’hekk jikkomplementa l-karti tal-flus u l-muniti.

L-euro diġitali jagħmel il-ħajja tan-nies aktar faċli billi jipprovdi xi ħaġa li bħalissa ma teżistix: mezz diġitali ta’ ħlas aċċettat b’mod universali fiż-żona tal-euro kollha, għal ħlasijiet fi ħwienet, online jew minn persuna għal oħra.

Bħall-flus kontanti, l-euro diġitali jkun aċċessibbli faċilment, bla ħlas biex jintuża meta jsiru jew meta jiġu riċevuti pagamenti, u jkollu status ta’ valuta legali. Dan joffri wkoll livell għoli ta’ sigurtà u privatezza, u l-funzjonalità tiegħu offline tiżgura li jibqa’ dejjem disponibbli, anke meta jkun hemm problemi ta’ konnettività jew interruzzjonijiet temporanji fil-provvista tal-elettriku.

Barra minn hekk, l-euro diġitali jippreserva s-sovranità monetarja taż-żona tal-euro u jsaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-Ewropa billi jagħti spinta lill-effiċjenza tal-ekosistema Ewropea tal-pagamenti kollha kemm hi, irawwem l-innovazzjoni u jżid ir-reżiljenza tagħha għall-attakki ċibernetiċi u t-tfixkil tekniku.

Fil-qosor, l-euro diġitali jagħmel il-pagamenti aktar sempliċi, aktar sikuri u aktar effiċjenti, filwaqt li jiżgura li ċ-ċittadini u n-negozji Ewropej ikunu jistgħu jibbenefikaw minn mezz ta’ pagament affidabbli u adatt għall-futur fl-era diġitali. Billi jikkumplimenta l-flus kontanti fiżiċi, dan jagħti lill-Ewropej il-libertà li jagħżlu kif iħallsu.

Aktar informazzjoni dwar għaliex neħtieġu l-euro diġitali.

M2. Kif jista’ l-euro diġitali jagħti spinta lill-awtonomija strateġika tal-Ewropa?

L-euro diġitali joffri soluzzjoni ta’ pagament pan-Ewropea, disponibbli fiż-żona tal-euro kollha, taħt il-governanza Ewropea u operata minn fornituri Ewropej.

Fil-preżent, il-pagamenti diġitali fiż-żona tal-euro għadhom frammentati, u jvarjaw skont il-pajjiż u skont il-każ tal-użu. Pereżempju, aktar minn 60 % tal-pajjiżi taż-żona tal-euro ma għandhomx is-sistema nazzjonali tagħhom stess għall-pagamenti bil-kards għal xiri fil-ħwienet. U fejn jeżistu sistemi nazzjonali bħal dawn, dawn normalment jaħdmu biss fil-pajjiż stess u xi kultant ikunu limitati għal tipi speċifiċi ta’ pagamenti.

Dan ifisser li l-maġġoranza tal-konsumaturi Ewropej, kemm meta jagħmlu pagamenti f’pajjiżhom stess kif ukoll meta jagħmlu pagamenti transfruntiera fiż-żona tal-euro, ma għandhom l-ebda għażla ħlief li jiddependu fuq għadd żgħir ta’ kumpaniji mhux Ewropej li jiddominaw is-suq tal-pagamenti. L-euro diġitali jgħin biex titnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa fuq fornituri ta’ servizzi ta’ pagament mhux Ewropej, billi joffri alternattiva Ewropea u jagħti lin-nies għażla akbar dwar kif iħallsu.

Permezz tal-impenn tagħna għal standards miftuħa u billi tiġi pprovduta infrastruttura pubblika għall-pagamenti diġitali, l-euro diġitali jista’ jippermetti lill-fornituri jespandu faċilment għal soluzzjonijiet pan-Ewropej, u b’hekk ix-xenarju Ewropew tal-pagamenti jsir aktar kompetittiv u innovattiv.

B’mod ġenerali, l-euro diġitali jista’ jibdel lill-Ewropa f’mexxej globali fil-finanzi diġitali, fejn l-innovazzjoni sservi l-ġid pubbliku.

M3. Għaliex in-nies trid tuża l-euro diġitali?

L-euro diġitali jkun soluzzjoni ta’ pagament għal kull okkażjoni, għall-użu fi kwalunkwe ħin u kullimkien fiż-żona tal-euro – bħall-flus kontanti, iżda lest għall-era diġitali. Ikun mezz ta’ ħlas diġitali aċċettat universalment li l-konsumaturi jkunu jistgħu jużaw mingħajr ħlas fil-ħwienet, online jew minn persuna għal oħra. Jagħti lin-nies l-għażla li jħallsu b’mod diġitali, filwaqt li xorta jużaw mezz pubbliku ta’ ħlas. U jkun disponibbli kemm online kif ukoll offline.

L-euro diġitali jkun imfassal biex jipprovdi l-ogħla livell ta’ sigurtà u privatezza, f’konformità mal-istandards rigorużi tal-Unjoni Ewropea li għandha l-aktar liġijiet stretti dwar is-sigurtà u l-privatezza fid-dinja.

L-Eurosistema ma tkunx tista’ tidentifika lin-nies abbażi tal-ħlasijiet tagħhom. Barra minn hekk, id-dettalji ta’ tranżazzjonijiet personali minn ħlasijiet offline bl-euro diġitali jkunu magħrufa biss lil min iħallas u lil min jirċievi l-ħlas.

L-euro diġitali jkun sikur u, bħala ġid pubbliku, jiggarantixxi aċċess għall-konsumaturi kollha, irrispettivament minn fejn jgħixu jew mil-livell ta’ ħiliet diġitali jew finanzjarji tagħhom. L-euro diġitali jakkomoda l-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità u ta’ dawk mingħajr aċċess għal kont bankarju, filwaqt li jiżgura li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura.

Biex jiġi żgurat li l-euro diġitali jkun jista’ jintuża u jkun aċċessibbli fiż-żona tal-euro kollha, ir-Regolament propost dwar l-euro diġitali ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea jipprevedi aċċettazzjoni obbligatorja minn kwalunkwe negozjant li jaċċetta pagamenti diġitali, u distribuzzjoni obbligatorja mill-banek lill-klijenti tagħhom.

M4. L-euro diġitali se jieħu post il-flus kontanti?

Le. L-euro diġitali jikkumplimenta l-flus kontanti, u mhux jieħu posthom. L-euro diġitali jkun jeżisti flimkien mal-flus kontanti b’reazzjoni għall-preferenza dejjem tikber tan-nies li jħallsu diġitalment b’mod rapidu u sigur. Il-flus kontanti jibqgħu jkunu valuta legali, u jibqgħu f’koeżistenza mal-euro diġitali u ma’ kwalunkwe mezz elettroniku privat ta’ pagament li qed jintuża bħalissa.

It-tfassil mill-ġdid tal-karti tal-flus tal-euro li għaddej bħalissa, b’karatteristiċi ta’ sigurtà mtejba, juri li l-BĊE huwa impenjat għall-futur tal-flus kontanti. Il-BĊE jilqa’ l-Pakkett tal-Munita Unika tal-Kummissjoni Ewropea, li jippreserva l-libertà tal-għażla tan-nies bejn il-flus kontanti u l-euro diġitali meta jħallsu bil-flus tal-bank ċentrali.

Sir af aktar dwar l-istrateġija tal-flus kontanti tal-Eurosistema u dwar il-proċess tad-disinn mill-ġdid tal-karti tal-flus fil-paġna tal-karti tal-flus futuri fil-websajt tal-BĊE.

M5. X’valur joffri l-euro diġitali lin-negozjanti?

L-euro diġitali jkun soluzzjoni pan-Ewropea li tippermetti lin-negozjanti jikkummerċjalizzaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom lill-klijenti madwar l-Ewropa kollha b’esperjenza ta’ pagament bla xkiel u konsistenti. Dan inaqqas id-dipendenza fuq soluzzjonijiet ta’ pagament mhux Ewropej billi joffri alternattiva Ewropea, li tpoġġi lin-negozjanti f’pożizzjoni aktar b’saħħitha biex jinnegozjaw kundizzjonijiet ma’ fornituri ta’ soluzzjonijiet ta’ pagament, u b’hekk jitnaqqsu l-kostijiet tagħhom stess.

Fl-iżvilupp tal-euro diġitali, il-BĊE qed jaħdem mill-qrib man-negozjanti u mar-rappreżentanti tagħhom. Id-disinn tal-euro diġitali jqis dak li n-negozjanti jsibu importanti, bħal integrazzjoni bla xkiel mas-sistemi ta’ checkout eżistenti, il-faċilità tal-użu u r-reżiljenza tal-pagamenti. L-euro diġitali jippermetti wkoll lin-negozjanti jirċievu pagamenti istantanjament, mingħajr kostijiet addizzjonali, anke mingħajr konnessjoni tal-internet.

Sir af aktar dwar l-involviment tagħna man-negozjanti fir-rapport fit of the digital euro in the payment ecosystem u r-riċerka tal-utenti tagħna ma’ negozjanti żgħar.

M6. X’valur joffri l-euro diġitali lill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament?

Fornituri ta’ servizzi ta’ pagament (PSP, payment service providers) taħt superviżjoni, bħall-banek, ikollhom rwol ewlieni fid-distribuzzjoni tal-euro diġitali. Dawn jaġixxu bħala l-punt ewlieni ta’ kuntatt għall-individwi, għan-negozjanti u għan-negozji għall-kwistjonijiet diġitali kollha relatati mal-euro u jwettqu s-servizzi kollha tal-utenti finali.

Il-mudell ta’ kumpens inkluż fir-Regolament dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali, propost mill-Kummissjoni Ewropea, jiżgura li l-banek jiġu kkumpensati b’mod adegwat għas-servizzi li joffru. L-Eurosistema mhux se timponi tariffi għall-iskema u għall-ipproċessar, u b’hekk tnaqqas il-kostijiet globali għall-banek u għas-sistema kollha kemm hi.


Il-PSPs jistgħu jisfruttaw ulterjorment l-infrastruttura sottostanti tal-pagamenti ipprovduta mill-euro diġitali biex jibnu servizzi ġodda b’valur miżjud, u b’hekk jagħtu spinta lill-innovazzjoni fil-pagamenti bl-imnut madwar iż-żona tal-euro.

Il-pjattaforma tal-innovazzjoni tal-BĊE eżaminat servizzi innovattivi li s-suq jista’ jiżviluppa (bħal pagamenti kundizzjonali). Dawn jistgħu jiftħu mudelli ta’ negozju ġodda, flussi ta’ dħul u opportunitajiet għall-PSPs – anke f’segmenti ta’ klijenti li qed isiru aktar diffiċli biex jinżammu – filwaqt li jtejbu l-esperjenza tal-utent għall-konsumaturi u l-merkanti.

Il-BĊE se jkompli jikkollabora mas-suq biex jisfrutta l-potenzjal innovattiv tal-euro diġitali u jesplora kif l-euro diġitali jista’ jrawwem l-innovazzjoni fiż-żona tal-euro.

Sir af aktar dwar l-involviment tagħna mal-PSPs fir-rapport fit of the digital euro in the payment ecosystem.

M7. Kif se jaħdem l-euro diġitali?

L-euro diġitali għandu jippermetti lin-nies jagħmlu ħlasijiet istantanji siguri fil-ħwienet fiżiċi, fil-ħwienet online u bejn l-individwi - irrispettivament mill-pajjiż taż-żona tal-euro li jkunu jinsabu fih jew minn liema fornitur tas-servizz ta’ ħlas jużaw.

L-euro diġitali joffri funzjonalitajiet kemm online kif ukoll offline, li jfisser li l-utenti jkunu jistgħu jużawh anki meta jkollhom sinjal tan-network batut jew ma jkollhomx sinjal.

Biex jibda juża l-euro diġitali, utent ikollu bżonn jiftaħ kont tal-euro diġitali permezz tal-bank tiegħu jew ta’ fornitur tas-servizzi tal-ħlas fl-UE. Ladarba l-kont ikun ġie stabbilit, l-utenti jkunu jistgħu jagħmlu pagamenti mill-ewwel, pereżempju billi jmissu l-mowbajl tagħhom ma’ terminal fil-ħwienet jew billi jagħżlu l-euro diġitali bħala għażla ta’ ħlas waqt ix-xiri onlajn, u jawtorizzaw il-ħlas istantanjament permezz tal-app bankarja tagħhom.

Biex jagħmlu pagamenti bl-użu tal-funzjonalità offline, l-utenti jkollhom bżonn l-ewwel jiffinanzjaw il-kont diġitali offline tal-euro, u mbagħad jittappjaw il-mowbajl tagħhom mal-mowbajl ta’ ħabib ieħor jew mat-terminal fil-ħanut.

Il-ħlasijiet bl-euro diġitali dejjem ikunu sikuri u immedjati — kemm jekk ikunu fi ħwienet fiżiċi, fi ħwienet online jew bejn in-nies.

Aktar informazzjoni dwar kif se jaħdem l-euro diġitali.

M8. Min ikun jista’ juża l-euro diġitali?

Kif iddikjarat fir-Regolament propost dwar l-euro diġitali ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea, l-euro diġitali jkun disponibbli għan-nies, għan-negozji u għall-entitajiet pubbliċi li jirrisjedu jew li huma stabbiliti fi Stat Membru taż-żona tal-euro fuq bażi temporanja jew permanenti.

Persuni li jivvjaġġaw lejn iż-żona tal-euro għal skopijiet personali jew professjonali jista’ jkollhom ukoll aċċess għall-euro diġitali.

Barra minn hekk, in-nies, in-negozji u l-entitajiet pubbliċi li huma residenti jew stabbiliti barra ż-żona tal-euro jistgħu jaċċessaw l-euro diġitali billi jiftħu kontijiet tal-euro diġitali ma’ fornituri tas-servizzi ta’ ħlas stabbiliti jew li joperaw f’pajjiż li huwa membru taż-Żona Ekonomika Ewropea jew f’pajjiż terz, soġġett għal ftehim konkluż minn qabel bejn l-UE u l-pajjiż terz konċernat, u/jew arranġamenti konklużi bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istat Membru mhux taż-żona tal-euro jew pajjiżi terz.

M9. Kemm ikun privat l-euro diġitali?

Il-privatezza hija waħda mill-aktar karatteristiċi importanti tad-disinn tal-euro diġitali u tinsab fil-qalba tal-funzjonalitajiet tiegħu kemm online kif ukoll offline.

  • L-euro diġitali jiffunzjona offline b’mod li joffri lill-utenti livell ta’ privatezza simili għall-flus kontanti, kemm biex jibagħtu flus lil persuni oħra kif ukoll biex jagħmlu pagamenti fil-ħwienet. Meta jsir ħlas offline, il-pagatur u l-benefiċjarju biss ikunu jafu d-dettalji tat-tranżazzjoni personali tal-pagamenti li jkunu saru. Il-kontrolli kontra l-ħasil tal-flus jitwettqu mill-fornitur tas-servizzi ta’ pagament (PSP) distributur matul il-proċess ta’ finanzjament u ta’ definanzjament, bħalma huwa l-każ bil-ġbid ta’ flus u bid-depożiti llum.
  • Fil-każ ta’ tranżazzjonijiet online, l-Eurosistema ma tkunx tista’ tidentifika lill-utenti li jagħmlu jew li jirċievu pagamenti, u b’hekk tipproteġi d-data personali tagħhom, iżda l-PSPs ikunu jistgħu jidentifikaw utenti għall-fini ta’ konformità mar-regoli kontra l-ħasil tal-flus (kif diġà huwa l-każ bil-kont bankarju li inti għandek illum).

Għalhekk, kemm online kif ukoll offline, l-Eurosistema ma tkunx tista’ torbot direttament it-tranżazzjonijiet bl-euro diġitali ma’ individwi speċifiċi.

L-euro diġitali jkun regolat minn regolamenti tal-UE mfassla biex jibbilanċjaw il-privatezza mas-sigurtà. Dan l-approċċ se jżomm protezzjonijiet robusti kontra attivitajiet illeċiti filwaqt li jissalvagwarda l-privatezza individwali.

Sir af aktar dwar l-euro diġitali u l-privatezza.

M10. Il-BĊE kif jiżgura li l-euro diġitali jkun inklużiv u aċċessibbli?

L-euro diġitali jkun assi pubbliku, bħall-karti tal-flus u l-muniti llum, iżda f’forma diġitali. Ikun imfassal biex jakkomoda l-ħtiġijiet ta’ kulħadd, u ma jħalli lil ħadd jibqa’ lura.

Il-BĊE qed ifassal l-euro diġitali u l-app tal-euro diġitali billi jqis l-inklużjoni bħala prinċipju gwida, sabiex jiżgura li kull Ewropew ikun jista’ jaċċessa pagamenti diġitali fuq bażi ugwali, irrispettivament mill-ħtiġijiet, il-kapaċitajiet u l-livelli ta’ kunfidenza diġitali tiegħu.

Għalhekk, id-disinn propost tal-applikazzjoni tal-euro diġitali jinkludi karatteristiċi ta’ aċċessibbiltà tal-ogħla livell, li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti tal-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà u li huma fost l-aktar avvanzati fis-suq.

Id-disinn japplika l-ogħla livell ta’ rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà skont il-Linji Gwida dwar l-Aċċessibbiltà tal-Kontenut tal-Web adattati għal applikazzjonijiet ta’ ħlas mobbli, li jkopru l-perċezzjoni, l-operabbiltà u l-aċċessibbiltà konjittiva. Fost karatteristiċi oħra, l-app mistennija jkollha disinn viżiv imtejjeb, navigazzjoni sħiħa permezz tat-tastiera, appoġġ għal qarrejja tal-iskrin, lingwaġġ simplifikat u mekkaniżmi għall-prevenzjoni tal-iżbalji.

Bħalissa l-app qiegħda tiġi żviluppata u se tiġi ttestjata matul il-proġett pilota tal-euro diġitali li se jitnieda fit-tieni nofs tal-2027. B’mod parallel, ir-rekwiżiti tal-app se jiġu vvalidati ulterjorment permezz ta’ testijiet tal-użabbiltà u l-aċċessibbiltà ma’ membri tal-ONCE Foundation u persunal tal-BĊE u tad-19-il bank ċentrali nazzjonali, sabiex tiġi żgurata esperjenza tal-utent konsistenti u inklużiva fiż-żona tal-euro kollha.

Skont ir-Regolament propost dwar l-euro diġitali, l-app tal-euro diġitali tkun waħda minn diversi modi kif in-nies jistgħu jaċċessaw servizzi bażiċi tal-euro diġitali. L-utenti jistgħu wkoll jaċċessaw l-euro diġitali permezz ta’ kanali offruti mill-bank tagħhom jew mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas, li jibqgħu l-punt ewlieni ta’ kuntatt għall-konsumaturi.

Aċċess bla ħlas għas-servizzi bażiċi tal-euro diġitali jkun disponibbli wkoll għal persuni mingħajr kont bankarju, u b’hekk jgħin biex titnaqqas l-esklużjoni finanzjarja u diġitali. Ir-riċerka dwar l-utenti u l-kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet tal-konsumaturi enfasizzaw l-importanza tal-aċċessibbiltà, tad-disinn intuwittiv u tad-disponibbiltà ta’ appoġġ wiċċ imb’wiċċ, aspetti li l-Eurosistema hija impenjata li tilħaq.

M11. Il-BĊE kif jiżgura li l-ħlasijiet bl-euro diġitali jaħdmu bl-istess mod fiż-żona tal-euro kollha?

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament taħt superviżjoni (PSPs), bħall-banek taż-żona tal-euro, ikunu responsabbli għad-distribuzzjoni tal-euro diġitali. Sabiex jiġi żgurat li l-iskema tal-euro diġitali tiġi implimentata bl-istess mod fiż-żona tal-euro kollha, l-Eurosistema qiegħda tiżviluppa ġabra ta’ regoli dwar l-iskema tal-euro diġitali fi proċess kollaborattiv u iterattiv mal-parteċipanti fis-suq. Il-ġabra ta’ regoli se tistabbilixxi sett uniku ta’ regoli, standards u proċeduri għall-ħlasijiet bl-euro diġitali u għall-attivitajiet relatati. Dan għandu l-għan li jiżgura li l-fornituri tas-servizzi ta’ pagament (PSPs) li jipparteċipaw fl-iskema tal-euro diġitali joffru servizzi bażiċi tal-euro diġitali konsistenti u standardizzati, u b’hekk jipprovdu esperjenza privata, sigura u armonizzata għall-utenti fiż-żona tal-euro kollha, irrispettivament mill-pajjiż fejn jinsabu jew mill-PSP involut – kif inhu l-każ għall-flus kontanti llum.

M12. L-euro diġitali jkun munita alternattiva fl-Eurosistema?

Le. Bl-istess mod kif il-karti tal-flus u l-muniti mhumiex muniti alternattivi, iżda pjuttost forom differenti tal-istess munita, l-euro diġitali jkun biss mod ieħor kif wieħed iħallas bl-euro. L-euro diġitali jakkomoda l-preferenza dejjem tikber tan-nies u tad-ditti li jħallsu b’mod diġitali.

Sir af aktar dwar il-preferenzi ta’ pagament tan-nies fl-istudju dwar l-attitudnijiet ta’ pagament tal-konsumaturi fiż-żona tal-euro (SPACE).

M13. X’se tkun ir-rabta bejn il-ħlasijiet immedjati u l-euro diġitali?

Illum, meta l-konsumaturi jagħmlu pagamenti mingħajr flus kontanti fil-ħwienet, in-negozjanti ma jirċevux il-flus immedjatament. L-euro diġitali jibdel dan kollu — il-ħlasijiet kollha diġitali f’euro jkunu immedjati.

Is-sett uniku ta’ regoli, standards u proċeduri li qed jiġu żviluppati għall-euro diġitali jkun ifisser li jistgħu jiġu żviluppati aktar soluzzjonijiet ta’ pagament istantanju biex jintlaħqu l-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro. Dan inaqqas id-dipendenza tal-Ewropa fuq l-għadd żgħir ta’ kumpaniji privati mhux Ewropej li bħalissa jiddominaw is-settur tal-pagamenti.

M14. L-arkitettura teknika tal-euro diġitali kif taħdem, u tkun ibbażata fuq teknoloġija ta’ reġistru distribwit bħall-blockchain?

L-euro diġitali jopera fuq pjattaforma ta’ saldu ċentralizzata u l-Eurosistema tipproċessa u tivverifika s-saldi u l-investimenti kollha. Bħala obbligazzjonijiet diretti tal-Eurosistema, huwa importanti li l-euro diġitali fil-kontijiet tan-nies ikun sikur sabiex tinżamm il-fiduċja, kemm fl-euro kif ukoll fl-Eurosistema.

L-euro diġitali mhuwiex ibbażat fuq it-teknoloġija ta’ reġistru distribwit (DLT), iżda jagħmel użu minn prinċipji ewlenin tad-disinn mid-DLT biex itejjeb ir-reżiljenza u l-effiċjenza u jtejjeb il-prestazzjoni u l-affidabbiltà ġenerali tas-sistema.

L-arkitettura teknika reżiljenti tal-euro diġitali tkun mibnija fuq standards stabbiliti. Struttura b’diversi reġjuni, li fiha, kull reġjun ikun mgħammar b’diversi servers, li tmur ferm lil hinn mill-mudelli standard ta’ ridondanza, se tiżgura l-kontinwità tas-servizz fiċ-ċirkostanzi kollha.

M15. Fejn jinsab il-proġett tal-euro diġitali bħalissa?

Il-proġett tal-euro diġitali miexi ’l quddiem. Il-fażi ta’ tħejjija, imnedija f’Novembru 2023 u konkluża f’Ottubru 2025, avvanzat l-iżvilupp tekniku u t-tagħlim permezz tal-esperimentazzjoni. Dan ix-xogħol bena fuq l-għażliet tad-disinn u r-rekwiżiti tekniċi definiti matul il-fażi ta’ investigazzjoni (2021-23).

B’segwitu għall-fażijiet ta’ investigazzjoni u tħejjija, l-Eurosistema issa qed tagħmel aktar progress fil-ħidma teknika, qed tapprofondixxi l-involviment tas-suq u qed tkompli tappoġġa l-proċess leġiżlattiv. L-għan tagħna huwa li nkunu lesti għall-ewwel ħruġ potenzjali tal-euro diġitali matul l-2029, jekk nassumu li r-regolament meħtieġ dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali jiġi adottat sa tmiem l-2026.

M16. X’inhu l-pilota tal-euro diġitali?

Il-pilota tal-euro diġitali huwa eżerċizzju organizzati mill-Eurosistema biex jivvaluta kif l-euro diġitali jista’ jaħdem fil-prattika. Il-parteċipanti se jużaw il-verżjoni beta tal-euro diġitali fis-sitwazzjonijiet tal-ħajja vera biex jivvalidaw il-funzjonalitajiet tekniċi, il-proċessi operazzjoniijet u l-esperjenza tal-utenti tiegħu. Il-pilota huwa ppjanat li jibda fit-tieni nofs tal-2027 u se jibqa’ għaddej għal 12-il xahar.

Matul il-pilota, il-persunal mill-banek ċentrali tal-Eurosistema parteċipanti se jagħmlu pagamenti ta’ kuljum billi jużaw l-euro diġitali beta. Pereżempju, se jkunu jistgħu jibagħtu flus lil xulxin (kemm online kif ukoll offline) u jħallsu lil negozji magħżula, bħal cafeterias, ristoranti u ħwienet online llinkjati mal-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali. L-euro diġitali beta se jintuża biss għall-pilota u huwa maħsub sabiex jaħdem b’mod simili kemm jista’ jkun tal-euro diġitali futur.

Is-36 fornitur tas-servizzi ta’ pagament parteċipanti, li jinkludu banek u fornituri tas-servizzi mhux bankarji, intgħażlu mill-Eurosistema u se jipprovdu s-servizzi meħtieġa biex jappoġġjaw dawn il-pagamenti

Dak kollu li nitgħallmu mill-pilota sejjer jappoġġa x-xogħol preparatorju li dejjem għaddej tal-Eurosistema u se jgħin jinforma d-deċiżjonijiet futuri dwar l-euro diġitali biex jiżgura li, jekk jiġi introdott l-euro diġitali, dan ikun mgħammar għal kollox biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-Ewropej kollha.

Sir af aktar dwar il-pilota tal-euro diġitali.

M17. Min hu involut fil-proġett tal-euro diġitali?

L-Eurosistema – li tinkludi l-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro – għandha l-għan li tiżgura li l-euro diġitali jissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti. Għal din ir-raġuni, l-Eurosistema tinvolvi ruħha regolarment ma’ dawk li jfasslu l-politika, mal-leġiżlaturi, mal-parteċipanti fis-suq, mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mal-membri tal-pubbliku, li jkunu l-utenti finali tal-euro diġitali.

Dan l-involviment iseħħ f’diversi kuntesti, bħall-Bord tal-Pagamenti bl-Imnut bl-Euro, li jlaqqa’ flimkien partijiet ikkonċernati mill-partijiet kollha tas-suq Ewropew tal-pagamenti bl-imnut, u l-Grupp ta’ Żvilupp tal-Ġabra ta’ Regoli, li jinkludi professjonisti anzjani mis-setturi pubbliċi u privati b’esperjenza fil-finanzi u l-pagamenti (ara l-M18).

Il-BĊE jinvolvi ruħu wkoll b’mod regolari ma’:

Il-BĊE jipparteċipa regolarment fil-laqgħat tal-Grupp tal-Euro mal-Ministri tal-Fnanzi tal-pajjiżi taż-żona tal-euro u jipprovdi aġġornamenti regolari dwar il-proġett tal-euro diġitali lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew.

Aqra aktar dwar il-governanza tal-proġetti u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati.

M18. Kif jiġu involuti l-leġiżlaturi Ewropej fil-proċess?

Fit-28 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-Pakkett tal-Munita Unika li fih proposti biex jiġi appoġġat l-użu tal-flus kontanti u biex jiġi stabbilit il-qafas għal euro diġitali possibbli. Il-BĊE jilqa’ l-fatt li l-proposta dwar l-euro diġitali hija akkumpanjata minn proposta biex jissaħħaħ ir-rwol tal-flus kontanti, peress li t-tnejn ikunu valuta legali u forom ta’ flus tal-bank ċentrali. L-għan tar-Regolament propost dwar l-euro diġitali huwa li jiġi żgurat li kwalunkwe euro diġitali futur jagħti lin-nies u lin-negozji l-għażla biex iħallsu diġitalment bl-użu ta’ forma ta’ flus pubbliċi aċċettata b’mod wiesa’, irħisa, sigura u reżiljenti kullimkien fiż-żona tal-euro.

Il-BĊE jinsab lest li jipprovdi appoġġ u input tekniku matul il-proċess leġiżlattiv, kif meħtieġ. L-Eurosistema se tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa għad-disinn tal-euro diġitali li jistgħu jirriżultaw minn deliberazzjonijiet leġiżlattivi.

Wara l-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-abbozz ta’ leġiżlazzjoni fid-19 ta’ Diċembru 2025 u tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Pakkett tal-Munita Unika fid-9 ta’ Lulju 2026, bdew in-negozjati tat-trilogu bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Wara s-sejħa tal-mexxejja tal-UE biex jitħaffu l-passi preparatorji, l-Eurosistema tistenna li n-negozjati tat-trilogu jiġu konklużi fi żmien xieraq u li l-leġiżlazzjoni tiġi adottata sal-aħħar tal-2026.

Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE mhux se jieħu deċiżjoni dwar jekk joħroġx l-euro diġitali sakemm jiġi adottat ir-Regolament dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali.

M19. Kif qed tiġi żviluppata l-ġabra ta’ regoli tal-iskema tal-euro diġitali?

L-Eurosistema qed tiżviluppa l-abbozz tal-ġabra ta’ regoli b’kollaborazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti tas-suq Ewropew tal-pagamenti bl-imnut permezz tal-Grupp għall-Iżvilupp tal-Ġabra ta’ Regoli (RDG, Rulebook Development Group).

L-RDG, li jikkonsisti minn rappreżentanti anzjani minn assoċjazzjonijiet Ewropej li jirrappreżentaw kemm in-naħa tal-provvista kif ukoll dik tad-domanda tas-suq Ewropew tal-pagamenti bl-imnut, qed jaħdem fuq il-bażi tal-għażliet tad-disinn tal-euro diġitali li diġà ġew approvati mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE.

Inħolqu workstreams dedikati fi ħdan il-Grupp għall-Iżvilupp tal-Ġabra ta’ Regoli biex jaħdmu fuq taqsimiet tal-ġabra ta’ regoli li jeħtieġu ħila esperta speċifika.

F’Ġunju tal-2025, ġiet sottomessa lill-RDG verżjoni abbozz tar-regolament tal-iskema tal-euro diġitali għal konsultazzjoni mas-suq, li baqgħet għaddejja sal-aħħar ta’ Ottubru tal-2025. Minn Novembru 2025 sa April 2026, l-Eurosistema eżaminat ir-reazzjonijiet li rċeviet, identifikat azzjonijiet ta’ segwitu u emendat l-abbozz tal-ktieb tar-regoli. F’Lulju tal-2026, ħareġ fis-suq abbozz ta’ ġabra ta’ regoli proviżorja ġdida.

Il-ġabra ta’ regoli se takkomoda kwalunkwe aġġustament futur li jirriżulta minn diskussjonijiet bejn il-koleġiżlaturi dwar ir-Regolament dwar l-euro diġitali propost mill-Kummissjoni Ewropea f’Ġunju 2023. L-ewwel verżjoni finali tal-ktieb tar-regoli tal-iskema tal-euro diġitali se titlesta wara l-adozzjoni tar-Regolament dwar l-euro diġitali.

Aktar informazzjoni dwar il-ġabra ta’ regoli tal-iskema tal-euro diġitali.

M20. L-euro diġitali jkun flus programmabbli?

Il-flus programmabbli huma forma diġitali ta’ flus użati għal skop predefinit, bħal vawċer, b’limitazzjonijiet dwar fejn, meta jew ma’ min jistgħu jużawhom.

Kif previst ukoll fir-Regolament propost dwar l-euro diġitali tal-Kummissjoni Ewropea, l-euro diġitali qatt ma jkun flus programmabbli, iżda jista’ jiffaċilita l-pagamenti kundizzjonali (pereżempju, jekk klijent jixtri xi ħaġa online u jagħżel l-għażla li jħallas mal-konsenja).

M21. In-nies ikollhom iħallsu xi tariffi biex jużaw l-euro diġitali?

Bħala ġid pubbliku, l-euro diġitali jkun bla ħlas għall-użu bażiku mill-utenti individwali.

Il-banek jew fornituri oħra ta’ servizzi ta’ pagament jistgħu joffru lill-klijenti tagħhom servizzi addizzjonali tal-euro diġitali mħallsa. Tali servizzi b’valur miżjud jistgħu jagħmlu l-euro diġitali saħansitra aktar attraenti għall-utenti, pereżempju biex jagħmlu pagamenti kundizzjonali. Dawn jistgħu jippermettu lill-klijenti jixtru online b’mod aktar sikur, bil-flus jiġu ttrasferiti biss meta l-konsenja tal-prodott tkun ġiet ikkonfermata, u b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ frodi u jiġu ssimplifikati r-rifużjonijiet.

M22. L-inizjattivi ta’ pagament pan-Ewropej l-oħrajn kif jirrelataw mal-euro diġitali?

Il-BĊE jilqa’ l-inizjattivi tas-suq Ewropew li jmorru lil hinn mis-swieq domestiċi.

L-euro diġitali għandu jippermetti lill-iskemi domestiċi u reġjonali jespandu f’każijiet ta’ użu differenti u bejn il-fruntieri, filwaqt li jiffaċilita aċċettazzjoni aktar faċli, usa’ u aktar effiċjenti tas-soluzzjonijiet tas-settur privat Ewropew bis-saħħa tal-użu ta’ standards armonizzati. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament Ewropej għandhom jibbenefikaw minn dawn l-opportunitajiet, primarjament permezz ta’ żieda fil-firxa ġeografika u jużaw każijiet li ma ġewx servuti qabel.

Id-disinn jipprevedi l-possibbiltà li jiġu integrati soluzzjonijiet privati permezz ta’, pereżempju, co-badging possibbli fuq kards fiżiċi u kartieri diġitali eżistenti. Dan jippermetti lill-banek u lill-fornituri tas-servizzi ta’ pagament joffru funzjonalità ta’ pagament bl-euro diġitali permezz ta’ kanali u interfaces li l-konsumaturi diġà jafu u jafdaw, u b’hekk jappoġġjaw esperjenza ta’ pagament bla xkiel u jnaqqsu l-ħtieġa li l-utenti jadottaw għodod tal-pagament kompletament ġodda. Fl-istess waqt, il-fornituri jistgħu jkomplu jiddifferenzjaw ruħhom permezz ta’ servizzi b’valur miżjud u innovazzjonijiet immirati lejn il-klijenti. Fiż-żewġ każijiet, l-euro diġitali jista’ jkun il-“fall-back” li jippermetti firxa pan-Ewropea sħiħa filwaqt li jippreserva l-aċċess għas-suq għal skemi domestiċi jew reġjonali fejn dawn huma aċċettati.

M23. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament (PSPs, payment service providers) jiġu kkumpensati għad-distribuzzjoni tal-euro diġitali?

L-Eurosistema tappoġġa mudell ta’ kumpens li joħloq inċentivi ekonomiċi ġusti għall-partijiet kollha involuti fl-ekosistema diġitali tal-euro. Għall-banek u PSPs oħra, il-mudell ta’ kumpens għandu jindirizza l-kostijiet operazzjonali tad-distribuzzjoni tal-euro diġitali.

Kif inhu l-każ bħalissa b’sistemi oħra ta’ pagament, il-PSPs li jqassmu l-euro diġitali għandhom ikunu jistgħu jiċċarġjaw lin-negozjanti għal dawn is-servizzi. L-iffissar tal-prezzijiet għan-negozjanti u l-PSPs se jkun soġġett għal limitu massimu, kif propost mill-Kummissjoni Ewropea fir-Regolament propost dwar l-euro diġitali tagħha.

Bħal fil-każ tal-produzzjoni u l-ħruġ tal-karti tal-flus, l-Eurosistema ġġarrab l-ispejjeż tal-istabbiliment ta’ skema u infrastruttura tal-euro diġitali. Barra minn hekk, l-Eurosistema jkollha l-għan li tnaqqas kemm jista’ jkun l-ispejjeż ta’ investiment addizzjonali għall-PSPs billi tuża mill-ġdid l-infrastrutturi eżistenti kemm jista’ jkun.

M24. L-euro diġitali joħloq theddida għall-istabbiltà finanzjarja billi jneħħi r-rwol tal-banek bħala intermedjarji?

Is-sistema finanzjarja tagħna — bis-sistema bankarja fiċ-ċentru tagħha — tiffunzjona tajjeb, u l-Eurosistema trid tippreserva r-rwol ewlieni tal-banek fl-iżgurar tal-għoti effiċjenti ta’ kreditu lill-ekonomija.

Il-BĊE għamel dawn l-għażliet ta’ disinn biex jimminimizza kwalunkwe theddida potenzjali li l-euro diġitali jista’ joħloq għas-sistema finanzjarja.

  • L-utenti jkunu jistgħu jżommu biss ammont limitat ta’ euro diġitali fl-kont tagħhom. Dan jipprevjeni l-ħruġ eċċessiv ta’ depożiti bankarji u jgħin biex tiġi ppreservata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tagħna, anke fi żminijiet ta’ kriżi.
  • Il-konnessjoni tal-kont tal-euro diġitali tagħhom ma’ kont bankarju tippermetti lill-utenti jagħmlu jew jirċievu pagamenti ogħla mil-limitu ta’ żamma u jkopru kwalunkwe nuqqas jew overflow istantanjament mingħajr ma jkollhom għalfejn jiffinanzjaw minn qabel jew jirċievu awtorizzazzjoni għall-kont tal-euro diġitali tagħhom (jekk wieħed jassumi li jkun hemm biżżejjed fondi disponibbli fil-kont illinkjat).
  • Bħal fil-każ tal-flus kontanti fil-kartiera tiegħek, ma jitħallas l-ebda imgħax fuq l-ammonti miżmumin tal-euro diġitali fil-kont tal-euro diġitali tiegħek.

Il-BĊE ħejja analiżi teknika biex jistma l-effetti potenzjali ta’ diversi limiti ta’ parteċipazzjoni ipotetiċi, wara talba li ħarġet matul in-negozjati leġiżlattivi. Din l-analiżi kkonfermat li l-użu tal-euro diġitali għall-pagamenti ta’ kuljum ma jagħmilx ħsara lill-istabbiltà finanzjarja u li – minħabba l-limiti ta’ parteċipazzjoni ipotetiċi differenti sa EUR 3,000 għal kull persuna li l-koleġiżlaturi talbu li jiġu ttestjati – l-impatt tal-euro diġitali ma jagħmilx ħsara lill-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro, anke f’xenarju ta’ kriżi improbabbli ħafna u estremament konservattiv.

M25. L-introduzzjoni tal-euro diġitali tagħmel il-ħlasijiet fl-Ewropa aktar vulnerabbli għal attakki ċibernetiċi?

Bħal fil-każ ta’ infrastrutturi diġitali oħrajn, l-euro diġitali jista’ jkun il-mira ta’ attakki ċibernetiċi. Biex jittaffa dan ir-riskju, id-disinn tal-euro diġitali juża teknoloġiji tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku biex jinħoloq ambjent reżiljenti għaċ-ċibernetika u li jibqa’ validu fil-futur. Fit-tfassil tal-kontrolli taċ-ċibersigurtà, il-BĊE qed jagħmel użu minn prattiki mixhuda bi prova tal-Eurosistema minn infrastrutturi oħra tas-suq u ttestjar ippjanat regolari kontra attakki simulati.

M26. L-euro diġitali kif ikun differenti mill-istablecoins u mill-kriptoassi?

L-euro diġitali jkun flus tal-bank ċentrali, maħruġa u ggarantiti mill-Eurosistema, li tinkludi l-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro. Bħall-karti tal-flus u l-muniti tal-euro, din tkun valuta legali, li jfisser li kulħadd ikun jista’ jużaha għall-pagamenti. Bħala flus tal-bank ċentrali u ġid pubbliku, dan ikun stabbli u affidabbli – dejjem tkun tista’ sserraħ rasek li euro diġitali wieħed jiswa daqs euro wieħed.

Stablecoins huma maħluqa minn kumpaniji privati. Dawn mhumiex garantiti minn bank ċentrali jew minn awtorità pubblika. Il-valur tagħhom jiddependi fuq kemm il-kumpanija timmaniġġa tajjeb ir-riżervi u l-finanzi tagħha, u dan jista’ jiġi influwenzat minn fatturi barra mill-kontroll tagħhom. Dan ifisser li l-istabbiltà tagħhom mhijiex ċerta daqs dik tal-euro.

Kriptoassi bħal Bitcoin jew Ether huma differenti wkoll. Dawn mhumiex appoġġati minn xi istituzzjoni u ma għandhom l-ebda valur sottostanti. Il-prezzijiet tagħhom jistgħu jogħlew u jonqsu drastikament, u ma hemm l-ebda organizzazzjoni responsabbli fil-każ li jitilfu l-valur tagħhom.

Ara l-ispjegatur tagħna “X’inhi l-bitcoin?”.

M27. Kemm jiswa l-proġett tal-euro diġitali lill-Eurosistema?

L-investiment fl-euro diġitali huwa kruċjali biex jiġi żgurat li s-settur tal-munita u tal-pagamenti tagħna jibqa’ adattat għall-iskop tiegħu fl-era diġitali.

Xi wħud minn dawn il-komponenti tal-euro diġitali, bħas-saldu tal-pagamenti, jiġu żviluppati internament fi ħdan l-Eurosistema. Għal oħrajn, bħall-komponent tas-servizzi offline, stabbilixxejna ftehimiet qafas ma’ fornituri esterni. Il-ftehimiet qafas ma jinvolvu l-ebda pagament u jinkludu salvagwardji li jippermettu li l-kamp ta’ applikazzjoni jiġi aġġustat f’konformità mal-bidliet fil-leġiżlazzjoni.

Il-kostijiet totali tal-iżvilupp, li jinkludu kemm komponenti żviluppati esternament kif ukoll internament huma stmati li jammontaw għal EUR 1.3 biljun, filwaqt li l-kostijiet operatorji annwali huma pproġettati li jkunu madwar EUR 320 miljun għal kull sena miż-żmien tal-ħruġ. L-Eurosistema qed tkompli bit-tħejjijiet b’reazzjoni għas-sejħiet mill-mexxejja taż-żona tal-euro biex tkun lesta għall-ħruġ potenzjali mill-aktar fis possibbli. Madankollu, il-leġiżlazzjoni meħtieġa għadha ma ġietx adottata. Għalhekk, il-ħidma hija strutturata f’moduli li jippermettu skalar gradwali u jillimitaw l-impenji finanzjarji.

L-Eurosistema ġġarrab l-ispejjeż tal-istabbiliment tal-iskema u l-infrastruttura tal-euro diġitali, bħalma tagħmel għall-produzzjoni u l-ħruġ ta’ karti tal-flus tal-euro – li, bħall-euro diġitali, huma ġid pubbliku. Kif inhu l-każ tal-karti tal-flus tal-euro, dawn l-ispejjeż jiġu koperti mis-“seigniorage” (l-introjtu li l-BĊE jdaħħal billi joħroġ il-flus) anke jekk il-parteċipazzjonijiet tal-euro diġitali kienu żgħar meta mqabbla mal-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni. Il-BĊE huwa impenjat li jżomm il-kostijiet baxxi billi juża mill-ġdid kemm jista’ jkun l-infrastruttura eżistenti, filwaqt li xorta jipprovdi euro diġitali li jġib valur lill-konsumaturi u lin-negozjanti.

F’konformità man-natura tiegħu bħala ġid pubbliku, l-euro diġitali jkun bla ħlas għall-użu bażiku għall-konsumaturi u kosteffiċjenti għan-negozjanti Ewropej. L-Eurosistema ma titlob jew ma tibbenefika minn ebda tariffa fuq it-tranżazzjonijiet bl-euro diġitali.