Bħala parti mir-reġjun Indo-Paċifiku usa’, l-Asja t’Isfel għandha importanza ġeostrateġika vitali għall-UE, li qed tiffaċċja sfidi sinifikanti. L-Indo-Paċifiku qed jevolvi malajr u qed isir l-aktar reġjun ġeostrateġiku importanti, li fih jgħixu aktar minn 50% tal-popolazzjoni globali. L-istrateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku ġiet adottata f’Settembru 2021 biex tiżdied il-preżenza tal-UE fir-reġjun, jinbnew sħubijiet u tissaħħaħ l-ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli. L-UE qed tadatta l-istrumenti attwali tagħha bħala parti mill-awtonomija strateġika tagħha fost sfidi ġeostrateġiċi dejjem jikbru. Il-Boxxla Strateġika tal-UE għas-Sigurtà u d-Difiża, approvata formalment mill-Kunsill f’Marzu 2022, tippromwovi arkitettura tas-sigurtà reġjonali miftuħa u bbażata fuq ir-regoli, inkluż linji ta’ komunikazzjoni marittimi siguri, bini tal-kapaċitajiet u preżenza navali msaħħa fl-Indo-Paċifiku. L-UE qed issawwar rabtiet eqreb mal-pajjiżi fl-Asja t’Isfel, bħala attur ekonomiku b’saħħtu u donatur importanti ta’ għajnuna u fl-ambitu tal-iżvilupp. L-UE qed taħdem biex trawwem it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet, id-demokrazija, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li għandha wkoll tħassib dwar is-sigurtà, pereżempju l-kunflitt fil-Kashmir, l-Afganistan, is-sigurtà marittima u t-terroriżmu. Il-Parlament appoġġja l-kooperazzjoni u l-assistenza tal-UE fl-Asja t’Isfel, b’appoġġ immirat għall-aktar gruppi tal-popolazzjoni vulnerabbli.

Din l-iskeda informattiva tiddeskrivi r-reġjun tal-Asja t’Isfel. Ara wkoll l-iskedi informattivi dwar l-Asja tal-Lvant (5.6.8) u x-Xlokk tal-Asja (5.6.9).

Il-bażi legali

Ftehimiet ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (relazzjonijiet bilaterali).

L-Assoċjazzjoni tal-Asja tan-Nofsinhar għall-Kooperazzjoni Reġjonali

L-UE tħeġġeġ l-integrazzjoni reġjonali u tappoġġja l-Assoċjazzjoni tal-Asja tan-Nofsinhar għall-Kooperazzjoni Reġjonali (SAARC). Il-pajjiżi membri tal-SAARC huma l-Afganistan, il-Bangladesh, il-Bhutan, l-Indja, il-Maldivi, in-Nepal, il-Pakistan u s-Sri Lanka. L-UE, iċ-Ċina, l-Iran, il-Ġappun, il-Korea t’Isfel, Mauritius, il-Myanmar u l-Istati Uniti għandhom status ta’ osservatur. Minħabba nuqqas ta’ qbil intern, b’mod partikolari bejn l-Indja u l-Pakistan, il-ħidma tal-SAARC waqfet. L-organizzazzjoni għamlet progress fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet reġjonali, inklużi l-kooperazzjoni ekonomika u l-kriżijiet umanitarji. Madankollu, għad hemm sfidi bħal dgħufijiet strutturali u disparitajiet ekonomiċi bejn l-Istati Membri.

Il-kooperazzjoni għall-iżvilupp bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Asja t’Isfel tkopri l-għajnuna finanzjarja u teknika kif ukoll il-kooperazzjoni ekonomika. Il-prijoritajiet jinkludu l-istabbiltà reġjonali, it-tnaqqis tal-faqar, id-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-ħaddiema. Il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-SAARC għandha l-għan li tippromwovi l-armonizzazzjoni tal-istandards u taġevola l-kummerċ, kif ukoll iżżid l-għarfien dwar il-benefiċċji tal-kooperazzjoni reġjonali. Inizjattivi reċenti ffukaw fuq il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u t-trasformazzjoni diġitali. Fl-2024, l-UE u l-SAARC nedew programm konġunt biex itejbu l-konnettività reġjonali u jippromwovu l-enerġija sostenibbli.

L-Indja

F’Novembru 2004, il-Ħames Summit UE-Indja adotta s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Indja, li ppromwoviet id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni, l-iżvilupp tar-relazzjonijiet ekonomiċi, il-kummerċ u l-investiment, kif ukoll it-tisħiħ tal-iskambji interpersonali.

Mill-2023, l-UE ssolidifikat il-pożizzjoni tagħha bħala l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Indja, bil-kummerċ tal-merkanzija jilħaq EUR 124 biljun, li jammonta għal 12.2% tal-kummerċ totali tal-Indja. Dan ipoġġi lill-UE qabel kemm l-Istati Uniti (10.8%) kif ukoll iċ-Ċina (10.5%) f’termini ta’ volum ta’ kummerċ mal-Indja. Fl-2023, il-kummerċ fis-servizzi bejn iż-żewġ sħab laħaq EUR 50.8 biljun, u dan jimmarka żieda sinifikanti minn EUR 30.4 biljun fl-2020. Fl-2023, l-Indja kklassifikat bħala d-disa’ l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE, billi rrappreżentat 2.2% tal-kummerċ globali tal-merkanzija tal-UE.

L-UE hija l-akbar investitur barrani fl-Indja, bi flussi ta’ investiment barrani fil-pajjiż li żdiedu minn 8% għal 18% matul l-aħħar għaxar snin. Madwar 6,000 kumpanija Ewropea huma preżenti fl-Indja, u jipprovdu 1.7 miljun impjieg direttament u 5 miljun impjieg indirettament f’firxa wiesgħa ta’ setturi. Bħalissa l-Indja tibbenefika minn tariffi preferenzjali unilaterali skont l-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (SĠP) tal-UE li torbot il-preferenzi kummerċjali mar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol. B’għadd ta’ setturi li ħarġu mill-SĠP, 21% tal-importazzjonijiet totali tal-UE mill-Indja kienu eliġibbli biex jibbenefikaw mill-preferenzi fl-2023. Is-sehem tal-Indja mill-manifattura u mill-kummerċ globali mal-UE għadu relattivament żgħir meta mqabbel mal-potenzjal tagħha. It-tariffi għoljin fl-Indja, flimkien mar-regolamenti ambjentali tal-UE bħall-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri, għadhom jippreżentaw ostakli għal espansjoni ulterjuri tal-kummerċ.

F’dawn l-aħħar snin, l-Indja saret dejjem aktar attiva fix-xena internazzjonali. Għandha interess dejjem jikber fit-titjib tar-relazzjoni kummerċjali tagħha mal-UE, li bħalissa ssegwi prinċipalment ir-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). L-oqsma li bħalissa huma rilevanti għar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Indja huma l-agrikoltura, is-servizzi, il-kummerċ diġitali, il-protezzjoni tal-privattivi, l-ambjent u d-drittijiet tal-ħaddiema. F’Marzu 2024, l-Indja ffirmat ftehim kummerċjali ta’ USD 100 biljun (EUR 91 biljun) mal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA), li se jneħħi t-tariffi aktar restrittivi fuq il-prodotti industrijali bi skambju għal investiment fuq 15-il sena.

Fl-2020, l-Indja u l-UE qablu dwar “Pjan Direzzjonali għall-2025” bħala qafas komuni biex jiggwida l-azzjoni konġunta. F’Ġunju 2022, iż-żewġ partijiet qablu li jevolvu aktar is-sħubija strateġika tagħhom, billi jiftħu mill-ġdid negozjati dwar il-ftehim ta’ kummerċ ħieles (FTA) u jagħtu bidu għal negozjati rigward ftehim dwar il-protezzjoni tal-investiment u ftehim dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi.

Sa Marzu 2025, tlestew għaxar sensiliet ta’ negozjati, iżda għad hemm xi kwistjonijiet rigward il-miżuri ta’ sostenibbiltà, l-iżvilupp tal-enerġija nadifa, l-akkwist pubbliku u d-drittijiet tal-bniedem.

Is-Sħubija ta’ Konnettività Indja-UE bdiet f’Mejju 2021. F’Ġunju 2023, saret il-Konferenza dwar il-Konnettività Indja-UE biex jiġu identifikati proġetti ta’ konnettività konkreti. F’Awwissu 2023, l-Indja adottat Att dwar il-Protezzjoni tad-Data Personali Diġitali.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-Prim Ministru tal-Indja Narendra Modi, nedew il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Indja (TTC) fil-laqgħa tagħhom f’April 2022. Fi Frar 2023, l-UE u l-Indja saħħew ir-relazzjoni tagħhom billi stabbilew it-TTC. F’Marzu 2024, saret il-Konferenza tal-Mexxejja UE-Indja, li ffukat fuq l-industrija tal-karozzi, l-apparat mediku u s-settur tal-kura tas-saħħa.

Fi Frar 2025, il-Kummissjoni, immexxija mill-President von der Leyen, wettqet l-ewwel żjara uffiċjali tagħha fl-Indja biex tiltaqa’ mal-Prim Ministru Modi u mal-Gvern Indjan. Matul din iż-żjara, l-Indja u l-UE impenjaw ruħhom li jgħollu s-sħubija tagħhom għal livell ogħla, ifittxu negozjati dwar l-FTA, japprofondixxu t-TTC u jesploraw sħubija ta’ sigurtà u difiża. L-UE qed tesplora wkoll is-sħubijiet ta’ difiża mal-Indja permezz tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) u negozjati potenzjali għal ftehim dwar is-sigurtà tal-informazzjoni. Is-sħubija bejn l-Indja u l-UE se tiffoka wkoll fuq il-kollaborazzjoni fis-sigurtà u proġetti infrastrutturali konkreti bħall-Kuritur Ekonomiku bejn l-Indja u l-Lvant Nofsani u l-Ewropa. Is-setturi ewlenin ta’ kooperazzjoni jinkludu l-elettronika, is-semikondutturi, it-telekomunikazzjoni, l-inġinerija u l-farmaċewtiċi, b’enfasi fuq l-iżgurar tal-ktajjen tal-provvista. Iż-żewġ naħat qed jikkooperaw ukoll fuq l-intelliġenza artifiċjali, il-computing kwantistiku, it-teknoloġija spazjali u s-6G.

Il-kooperazzjoni bejn l-Indja u l-UE fix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni qed tissaħħaħ anke bħala parti minn Orizzont Ewropa (2021-2027). Il-politika tal-edukazzjoni tal-Indja għandha attwalment l-għan li tiżviluppa aktar sħubijiet internazzjonali mal-universitajiet Ewropej biex jaħdmu flimkien fuq il-programmi Orizzont Ewropa.

Mid-19 ta’ April sal-1 ta’ Ġunju 2024, saru elezzjonijiet ġenerali fl-Indja. Il-Partit Bharatiya Janata (BJP), immexxi mill-Prim Ministru Modi, rebaħ l-akbar numru ta’ siġġijiet għat-tielet darba konsekuttiva, iżda naqas milli jikseb il-maġġoranza fit-tieni kamra tal-parlament tal-Indja, il-Lok Sabha. Minflok, kellu jdur lejn l-alleati tiegħu fl-Alleanza Demokratika Nazzjonali (AMD) biex jiżgura l-272 siġġu meħtieġa ħalli jifforma l-amministrazzjoni li jmiss. Sadanittant, aktar minn tnax-il partit tal-oppożizzjoni, inkluż il-Partit tal-Kungress li darba kellu pożizzjoni dominanti, qed jiddibattu l-passi li jmiss tagħhom wara li l-alleanza tagħhom, l-Alleanza Inklużiva Nazzjonali Indjana għall-Iżvilupp (INDIA), qabżet l-aspettattivi.

Billi hija l-pajjiż bl-akbar popolazzjoni fid-dinja, l-Indja qed twettaq riformi politiċi u ekonomiċi ffukati fuq il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni, il-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni bid-demonetizzazzjoni u bi programmi ta’ trasparenza, l-indirizzar tal-problemi soċjali, l-iżvilupp tal-ekonomija bl-inizjattivi ta’ “Make in India” u “Invest India” u l-impożizzjoni ta’ taxxa nazzjonali fuq l-oġġetti u s-servizzi. L-Indja hija potenza nukleari, bħalma huma l-ġirien tagħha l-Pakistan u ċ-Ċina, u tiffaċċja problemi ta’ sigurtà, terroriżmu u kunflitti armati fil-fruntieri, b’mod partikolari mal-Pakistan fl-Istat awtonomu ta’ Jammu u Kashmir u, f’livell anqas, maċ-Ċina.

Is-sistema tal-kasti tal-Indja hija waħda mill-eqdem forom fid-dinja tal-organizzazzjoni tal-klassi soċjali, u tqajjem tħassib dwar id-diskriminazzjoni kontinwa abbażi tal-kasti. L-Indja hija wkoll mużajk etniku u lingwistiku, b’tensjonijiet f’numru ta’ Stati u rapporti ta’ abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-drittijiet tan-nisa u tat-tfal. Skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), it-tħaddim tat-tfal ikompli jkun problema serja fl-Indja, minkejja li l-Prim Ministru Modi approva sensiela ta’ miżuri li jipprojbixxu lit-tfal taħt l-età ta’ 14-il sena milli jagħmlu xogħlijiet perikolużi, b’penali iebsa għall-impjegaturi li jiksru l-liġi.

Fl-għaxar leġiżlatura attwali, id-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Indja tal-Parlament Ewropew hija ppreseduta minn Angelika Niebler (PPE, il-Ġermanja).

F’Lulju 2022, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar il-kooperazzjoni futura UE-Indja fil-qasam tal-kummerċ u l-investiment, li tilqa’ l-impenn li ssir ħidma lejn il-konklużjoni ta’ ftehim kummerċjali ambizzjuż, ibbażat fuq il-valuri, ibbilanċjat, komprensiv u ta’ benefiċċju reċiproku bejn l-UE u l-Indja. Il-Parlament laqa’ t-TTC.

F’Lulju 2023, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Istat ta’ Manipur tal-Indja, u appella li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex titwaqqaf il-vjolenza etnika u reliġjuża, jiġu protetti l-minoranzi reliġjużi kollha u tiġi evitata kwalunkwe eskalazzjoni ulterjuri.

Il-Kumitat tal-Parlament għall-Kummerċ Internazzjonali żar l-Indja f’April 2022, kif għamel is-Sottokumitat għas-Sigurtà u d-Difiża f’Diċembru 2023.

Fir-rigward tad-djalogu interparlamentari, il-15-il Laqgħa Interparlamentari bejn l-UE u l-Indja (IPM) saret f’Diċembru 2023 ġewwa New Delhi. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq l-istat tas-sħubija strateġika, il-kummerċ bilaterali, it-tibdil fil-klima, il-kwistjonijiet reġjonali, it-tħassib dwar is-soċjetà ċivili u d-drittijiet tal-bniedem.

F’Jannar 2024, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar ir-relazzjonijiet UE-Indja, li titlob li jitwessgħu u jiġu approfonditi r-relazzjonijiet UE-Indja bħala sħab strateġiċi, b’mod partikolari f’oqsma ewlenin bħat-tibdil fil-klima, id-diġitalizzazzjoni, il-konnettività, il-kummerċ u l-investiment, il-politika barranija u ta’ difiża, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt.

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (IMCO) żar l-Indja f’Jannar 2025. Id-diskussjonijiet koprew atti leġiżlattivi ewlenin tal-UE relatati mas-servizzi diġitali, mas-swieq diġitali, mal-intelliġenza artifiċjali, mas-sikurezza tal-prodotti u mal-protezzjoni tal-konsumatur.

Il-Pakistan

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Pakistan imorru lura għall-1962 u bħalissa huma bbażati fuq il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-2004. L-UE, bħala donatur ewlieni għall-iżvilupp u l-għajnuna, tappoġġja l-promozzjoni tad-demokrazija u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet fil-Pakistan.

Il-Pakistan huwa wieħed mill-benefiċjarji ewlenin tal-preferenzi kummerċjali unilaterali tal-UE, fl-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi Plus (SĠP+), li reġgħet ġiet stabbilita fl-2014. Bħala parti mill-proċess, il-Kumitat tal-Parlament għall-Kummerċ Internazzjonali jissorvelja l-konformità mar-rekwiżiti tal-SĠP+. L-istatus tal-SĠP+ tal-Pakistan jista’ jiġi rieżaminat peress li jiġi mal-obbligi bħall-garanzija tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà reliġjuża. F’Ġunju 2022, il-missjoni ta’ monitoraġġ tal-UE vvalutat l-implimentazzjoni effettiva ta’ 27 konvenzjoni internazzjonali, rekwiżit obbligatorju għaż-żamma tal-istatus SĠP+, li kien ta’ benefiċċju kbir għall-Pakistan. In-negozji żiedu l-esportazzjonijiet lejn is-suq tal-UE b’65% minn meta l-pajjiż issieħeb fl-iskema SĠP+ fl-2014. F’Novembru 2023, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ippubblikaw rapport konġunt li jivvaluta l-progress ta’ tmien pajjiżi benefiċjarji tal-SĠP+, inkluż il-Pakistan. Qed jiġi żviluppat regolament ġdid dwar l-SĠP. L-infurzar tiegħu se jirrikjedi li l-pajjiżi benefiċjarji japplikaw formalment għall-iskema li għadha kif ġiet adottata. Dan il-proċess qed jiġi segwit mill-qrib f’Islamabad.

Fl-2023, l-UE żammet il-pożizzjoni tagħha bħala t-tieni l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Pakistan, u rrappreżentat 15.3% tal-kummerċ totali tal-Pakistan. Fl-2023, il-Pakistan ikklassifika fil-pożizzjoni 47 tal-akbar sħab kummerċjali tal-UE fil-merkanzija, u rrappreżenta 0.2% tal-kummerċ tal-UE.

L-UE hija donatur sinifikanti ta’ assistenza għall-iżvilupp u għajnuna umanitarja għall-Pakistan. Skont il-qafas tal-programm indikattiv pluriennali 2021-2027, l-UE allokat EUR 265 miljun f’għotjiet ta’ finanzjament għal sħubijiet mal-Pakistan għall-2021-2024. Dan il-finanzjament jappoġġja tliet oqsma prijoritarji: it-tkabbir inklużiv ekoloġiku, il-kapital uman u l-governanza. L-UE nediet ukoll inizjattiva ta’ Tim Ewropa bl-isem “Nibnu mill-ġdid aħjar permezz tal-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi”, li għandha l-għan li trawwem it-tkabbir ekoloġiku u ttejjeb ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima fil-Pakistan.

L-UE rrikonoxxiet l-isfidi li qed jiffaċċja l-Pakistan biex jospita aktar minn tliet miljun rifuġjat u hija lesta li tikkunsidra li tipprovdi appoġġ addizzjonali, inkluż għar-rimpatriju volontarju tar-rifuġjati lejn l-Afganistan. Barra minn hekk, fl-2023, il-Programm Dinji tal-Ikel tan-NU appoġġja aktar minn 180,000 persuna vulnerabbli milquta mill-għargħar f’seba’ distretti tal-provinċja ta’ Sindh, li kien possibbli permezz ta’ kontribut mill-Għajnuna Umanitarja tal-UE.

L-14-il Kummissjoni Konġunta UE-Pakistan saret f’Islamabad f’Novembru 2024 biex tqis il-Pjan ta’ Impenn Strateġiku u tespandi l-kooperazzjoni. L-UE rrikonoxxiet l-isforzi tal-Pakistan fl-assistenza lir-rifuġjati Afgani, filwaqt li l-Pakistan esprima tħassib dwar il-Kashmir u ppromwova waqfien mill-ġlied f’Gaża. L-UE tenniet l-impenn tagħha għall-għajnuna umanitarja u affermat mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha dwar l-Ukrajna.

F’Marzu 2024, l-UE u l-Pakistan kellhom id-disa’ Djalogu Politiku tagħhom f’Islamabad, li kopra firxa wiesgħa ta’ żviluppi reġjonali u globali.

Ir-rwol ġeostrateġiku tal-Pakistan fl-Indo-Paċifiku mistenni jikber, speċjalment wara t-teħid tal-kontroll tal-Afganistan min-naħa tat-Talibani f’Awwissu 2021. Pakistan stabbli, demokratiku u prosperu huwa kruċjali għall-UE peress li huwa interlokutur ewlieni mat-Talibani u d-destinazzjoni ewlenija għar-rifuġjati Afgani. Il-pajjiż qed jagħti dehra ġdida lill-immaġni tiegħu fuq livell internazzjonali.

Il-politika fil-Pakistan tinsab f’taqlib kostanti. L-armata għadha involuta fil-politika interna u dik barranija, b’mandat wiesa’ għal kwistjonijiet ta’ sigurtà u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu.

Fi Frar 2024, taħt miżuri stretti ta’ sigurtà, saru l-elezzjonijiet parlamentari fil-Pakistan. Muhammad Shehbaz Sharif, il-mexxej tal-Lega Musulmana tal-Pakistan (PML-N), inħatar mill-ġdid bħala Prim Ministru. Il-kandidati mill-partit tal-oppożizzjoni, il-Pakistan Tehreek-e-Insaf (PTI), ma tħallewx joħorġu għall-elezzjoni. It-tensjonijiet politiċi għadhom qawwija, bil-mexxej tal-PTI li jinsab il-ħabs, Imran Khan, asserixxa li s-sentenza tiegħu hija waħda inġusta u politikament motivata. Is-sostenituri tal-PTI jkomplu jipprotestaw, iżda l-PML-N ta’ Shehbaz Sharif jibqa’ fil-kontroll b’appoġġ qawwi mill-militar tal-Pakistan.

F’April 2021, il-Parlament għadda riżoluzzjoni dwar il-liġijiet dwar il-blasfemija fil-Pakistan, u stieden lill-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid l-eliġibbiltà tal-Pakistan għall-programm SĠP+ fid-dawl tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li qed tiddeterjora. Il-Parlament qed jimmonitorja l-passi li ħadu l-Kummissjoni u s-SEAE biex jindirizzaw il-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-liġijiet dwar il-blasfemija, li jipprevedu kundanni ħorox, inkluża l-piena tal-mewt.

It-13-il IPM UE-Pakistan saret f’Marzu 2022. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq l-iżviluppi politiċi fil-Pakistan, l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna, il-kummerċ, l-SĠP+ u d-drittijiet tal-bniedem. Il-laqgħa interparlamentari qieset li huwa essenzjali li l-membri parlamentari fuq iż-żewġ naħat jivvalutaw il-progress u jipprovdu skrutinju parlamentari u gwida fir-relazzjonijiet bilaterali.

L-14-il IPM UE-Pakistan saret f’Islamabad fl-14 ta’ April 2025.

L-Afganistan

Il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afganistan dwar l-Isħubija u l-Iżvilupp ġie ffirmat fi Frar 2017 u approvat mill-Parlament Ewropew f’Marzu 2019. Ir-relazzjonijiet mal-UE ġew adattati għas-sitwazzjoni tal-gwerra u ta’ wara l-gwerra. Bis-saħħa ta’ kontributi sostanzjali tal-Parlament, l-Afganistan qed jiġi involut parzjalment u gradwalment fl-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali.

Minn Mejju 2021, it-Talibani malajr kisbu kontroll fuq l-Afganistan b’oppożizzjoni minima mill-forzi tas-sigurtà. Sa Awwissu 2021, kienu ħadu Kabul, wara li l-President Ghani ħarab lejn Dubai. L-Istati Uniti u n-NATO lestew l-irtirar tat-truppi tagħhom mit-territorju fl-istess xahar, u kkonkludew il-gwerra li kienet ilha għaddejja għal żewġ deċennji, iżda dan ikkawża kriżi umanitarja. F’Settembru 2021, it-Talibani stabbilew gvern interim magħmul minn irġiel biss, u dan kisser il-wegħdiet ta’ inklużività. Minn dak iż-żmien, wettqu abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari mmirati lejn in-nisa, il-bniet u l-gruppi ta’ minoranza.

Fl-2024, l-Afganistan kien qed jiffaċċja kriżi umanitarja kritika, b’aktar minn 23.7 miljun persuna li kellhom bżonn l-għajnuna. Ir-restrizzjonijiet tat-Talibani fuq in-nisa, li jinkludu l-projbizzjoni tagħhom mill-universitajiet u milli jaħdmu f’organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), flimkien ma’ digriet ta’ Awwissu 2024 li jrażżan il-vuċijiet tan-nisa fil-pubbliku, iggravaw is-sitwazzjoni. Dawn il-politiki, li jinkludu kodiċijiet riġidi tal-ilbies għan-nisa, għandhom impatti perikolużi u ta’ periklu għall-ħajja. L-UE kkundannat dawn l-azzjonijiet, filwaqt li talbet li jintemmu l-abbużi kontinwi tat-Talibani u affermat mill-ġdid l-impenn tagħha li tappoġġja lin-nisa u lill-bniet Afgani. Ir-rabtiet tat-Talibani ma’ Al-Qaida u l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku huma ambigwi, u l-pajjiż huwa maqsum bejn komunitajiet urbani u rurali.

Bħala wieħed mill-aktar pajjiżi li jiddependu mill-għajnuna, l-Afganistan qed iħabbat wiċċu ma’ katastrofi umanitarja li qed tiżviluppa li qed tħalli nofs il-popolazzjoni tiegħu mingħajr il-bżonnijiet bażiċi bħall-ikel, l-ilma u l-mediċini. B’aktar minn tliet miljun persuna spostata internament u aktar minn żewġ miljun rifuġjat u persuni li qed ifittxu ażil fil-Pakistan u fl-Iran, is-sitwazzjoni umanitarja marret għall-agħar. Id-deċiżjoni tal-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti li tissospendi l-Aġenzija tal-Istati Uniti għall-Iżvilupp Internazzjonali (USAID) ċertament se jkollha impatt fuq is-sitwazzjoni umanitarja diġà ħażina fil-pajjiż.

Sa meta t-Talibani ħadu l-kontroll f’Awwissu 2021, l-Afganistan kien l-akbar benefiċjarju ta’ finanzjamenti għall-iżvilupp tal-UE fl-Asja. L-Afganistan ibbenefika wkoll mir-reġim kummerċjali l-aktar favorevoli tal-UE, l-iskema “Kollox minbarra Armi” (KMA). L-UE allokat EUR 1.4 biljun għall-Afganistan matul il-perjodu 2014-2020. Fil-Konferenza tal-Afganistan dwar il-Paċi, il-Prosperità u l-Awtosuffiċjenza li saret Ġinevra f’Novembru 2020, l-UE wiegħdet EUR 1.2 biljun għall-2021-2025 f’assistenza ta’ emerġenza u fit-tul. Minn Awwissu 2021, l-UE wiegħdet sa EUR 1 biljun f’appoġġ għall-popolazzjoni Afgana, li minnhom EUR 489 miljun se jintużaw għal għajnuna umanitarja u EUR 400 miljun għal bżonnijiet bażiċi u appoġġ għall-mezzi ta’ sussistenza. Fil-Konferenza tan-NU dwar l-Afganistan, li saret Ġinevra f’Settembru 2021, ġew imwiegħda USD 1.2 biljun, li minnhom USD 677 miljun ġew imwiegħda mill-UE u l-Istati Membri tagħha.

F’Settembru 2021, il-ministri tal-affarijiet barranin tal-UE għażlu li ma jirrikonoxxux it-Talibani, iżda qablu li jitkellmu magħhom abbażi ta’ kundizzjonijiet bħall-ġlieda kontra t-terroriżmu, iż-żamma tad-drittijiet tal-bniedem u l-formazzjoni ta’ gvern inklużiv. L-aċċess umanitarju u l-possibbiltà li n-nies jitilqu mill-Afganistan kienu wkoll fatturi ewlenin. Fi Frar 2023, il-ministri tal-UE tennew it-tħassib tagħhom dwar l-esklużjoni tan-nisa u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tat-Talibani, filwaqt li affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għall-paċi, l-istabbiltà u l-appoġġ għall-poplu Afgan.

Wara li t-Talibani reġgħu rritornaw fil-poter, reġgħu ddaħħlu restrizzjonijiet fuq in-nisa fl-Afganistan, inklużi liġijiet li jimponu gwardjan raġel biex in-nisa jkunu jistgħu jaċċessaw l-ispazji pubbliċi u regolamenti dwar l-ilbies tagħhom. Filwaqt li xi universitajiet u skejjel pubbliċi reġgħu fetħu fl-2022, it-Talibani ma wettqux l-impenn tagħhom li jippermettu lill-bniet jattendu l-iskola sekondarja, u dan affettwa lil 1.1 miljun student. Il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol, li kienet żdiedet minn 15% għal 22% matul l-aħħar għaxar snin, minn dak iż-żmien ’l hawn naqset minħabba restrizzjonijiet dejjem akbar. It-Talibani pprojbew ukoll lin-nisa milli jaħdmu fl-NGOs, għalqu s-salons tas-sbuħija li ħalla lil 60,000 mara bla xogħol u pprojbew lill-istudenti nisa milli jistudjaw barra minn pajjiżhom. F’Lulju 2024, it-Talibani adottaw uffiċjalment il-Liġi dwar il-Promozzjoni tal-Virtù u l-Prevenzjoni tal-Vizzju (PVPV). Dan il-qafas legali jikkodifika, jikkonsolida u jżid mar-restrizzjonijiet diskriminatorji u oppressivi tat-Talibani.

Fl-2023, l-UE allokat EUR 156.5 miljun f’għajnuna umanitarja lill-Afganistan. Fi Frar 2024, il-Konferenza ta’ Doha tan-NU dwar l-Afganistan naqset milli tilħaq l-objettivi primarji tagħha: li tiddelinja perkors għall-involviment internazzjonali mal-Afganistan u taġevola d-djalogu bejn it-Talibani u l-komunità globali dwar kwistjonijiet vitali. Fi Frar 2024, l-UE pprovdiet EUR 20.1 miljun lill-Programm Dinji tal-Ikel tan-NU fl-Afganistan biex ittejjeb is-sigurtà tal-ikel fuq bażi domestika u r-reżiljenza tal-komunità.

L-UE hija mħassba ħafna dwar il-ħolqien mill-ġdid ta’ emirat Iżlamiku b’ordinament legali radikali bbażat fuq ix-xarija. Dan iqajjem mistoqsijiet serji dwar l-impenn futur tal-UE fil-konfront tal-Afganistan, li jiddependi minn kif jistgħu jiġu ppreżervati r-riżultati li nkisbu f’dawn l-aħħar 20 sena. Trid tingħata attenzjoni partikolari liż-żieda potenzjali fit-terroriżmu internazzjonali u l-migrazzjoni. Mill-ħarifa tal-2020 ’l hawn, il-Parlament ikkundanna ripetutament il-mewġ ta’ vjolenza u, f’riżoluzzjoni ta’ Ġunju 2021 dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan, esprima tħassib dwar il-konsegwenzi tal-irtirar tat-truppi u appella għall-adozzjoni ta’ strateġija komprensiva għall-kooperazzjoni tal-UE mal-Afganistan fil-futur. F’Lulju 2021, xahar qabel it-teħid tal-kontroll tat-Talibani, id-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-Afganistan (D-AF) kellha s-sitt IPM UE-Afganistan mar-rappreżentanti tal-Assemblea Nazzjonali tal-Afganistan.

Wara l-kolp ta’ poter mit-Talibani f’Awwissu 2021, id-delegazzjoni tal-Parlament għar-relazzjonijiet mal-Afganistan esprimiet tħassib dwar il-kriżi umanitarja, ekonomika u tar-rifuġjati, li tirrikjedi kurituri umanitarji u approċċ strateġiku għar-reġjun kollu, inklużi l-Pakistan, l-Iran u l-Asja Ċentrali.

Il-Parlament organizza sensiela ta’ avvenimenti bħala parti mill-konferenza ta’ livell għoli “Jiem tan-Nisa Afgani” fi Frar 2022. F’Marzu 2022, tnieda l-Forum tal-Mexxejja Nisa Afgani permezz ta’ laqgħa virtwali ma’ kważi 50 mexxejja nisa Afgana li ngħaqdu mill-Afganistan u partijiet oħra tad-dinja.

F’April 2022, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tan-nisa Afgani. Ikkundanna d-deċiżjoni tat-Talibani li jestendu l-projbizzjoni fuq l-edukazzjoni tal-bniet u ddeplora x-xewqa persistenti tagħhom li jħassru lin-nisa mill-ħajja pubblika.

F’Novembru 2022, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar ir-rispett għas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan li tindirizza d-deterjorament tad-drittijiet tan-nisa.

F’April 2023, il-Parlament għadda wkoll riżoluzzjoni dwar ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan li tissottolinja l-persekuzzjoni tal-ġeneru.

F’Ottubru 2023, il-Parlament adotta riżoluzzjoni oħra dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari l-persekuzzjoni ta’ eks uffiċjali tal-gvern u membri tal-Forzi tas-Sigurtà Nazzjonali Afgani u l-immirar lejn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem. Il-Parlament esprima wkoll l-appoġġ tiegħu biex l-awtoritajiet de facto jinżammu responsabbli għal għemilhom, u l-appoġġ għall-investigazzjoni li għaddejja fil-Qorti Kriminali Internazzjonali.

F’Marzu 2024, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar l-ambjent repressiv fl-Afganistan, inkluż l-eżekuzzjonijiet pubbliċi u l-vjolenza kontra n-nisa, li jitolbu li d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet tan-nisa u l-bniet jiġu rispettati bis-sħiħ.

F’Settembru 2024, il-Parlament għadda riżoluzzjoni li tikkritika l-kundizzjonijiet li qed imorru għall-agħar għan-nisa fl-Afganistan, minħabba l-implimentazzjoni mit-Talibani tal-liġi tal-PVPV. Ir-riżoluzzjoni tikkundanna l-impożizzjoni tal-liġi tax-Xarija, l-esklużjoni tan-nisa u tal-bniet mill-ħajja pubblika u l-vjolenza li jsofru, bħal żwiġijiet furzati, attakk sesswali u pieni ħorox.

Il-Bangladesh

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Bangladesh imorru lura għall-1973. Il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni ta’ April 2001 ikopri l-kummerċ, l-iżvilupp ekonomiku, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u l-ambjent. Bħala pajjiż l-anqas żviluppat (LDC), il-Bangladesh jibbenefika mill-iskema KMA tal-UE, ir-reġim kummerċjali l-aktar favorevoli disponibbli skont il-qafas tal-SĠP tal-UE. Il-Bangladesh huwa mistenni li joħroġ minn status ta’ LDC sal-2026. Wara perjodu tranżitorju, il-pajjiż imbagħad ma jibqax ikollu aċċess għall-iskema KMA.

Il-programm indikattiv pluriennali tal-UE għall-2021-2027 għall-Bangladesh huwa allinjat mat-tmien Pjan ta’ Ħames Snin tal-Bangladesh li jkopri l-2020-2025.

F’Ottubru 2023, fil-Forum Global Gateway, il-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, flimkien mal-eks Prim Ministru tal-Bangladesh Sheikh Hasina, nedew in-negozjati dwar Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) ġdid. L-UE, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Bangladesh iffirmaw ftehimiet b’valur ta’ EUR 400 miljun għal proġetti ta’ enerġija rinnovabbli li se jikkontribwixxu għal tranżizzjoni ekoloġika sostenibbli tas-settur tal-enerġija tal-Bangladesh u se jgħinu lill-Bangladesh jilħaq il-miri tiegħu ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Fl-2024, l-UE pposponiet negozjati mal-Bangladesh dwar il-FSK, minħabba t-tħassib tagħha dwar ċerti politiki u kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Bangladesh.

Il-Bangladesh huwa demokrazija parlamentari li fiha hemm alternanza tal-poter bejn żewġ partijiet, il-Lega Awami u l-Partit Nazzjonalista tal-Bangladesh. Il-Bangladesh huwa fost il-ftit pajjiżi li laħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju. Madankollu, id-drittijiet tal-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għadhom kwistjoni serja, speċjalment f’żoni industrijali b’fabbriki tal-ħwejjeġ madwar Dhaka. Il-prodott domestiku gross (PDG) tal-Bangladesh ilu jonqos mill-2022 minħabba l-kriżi wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, iż-żieda fil-prezz tal-prodotti bażiċi u l-inflazzjoni. Għalhekk, il-pajjiż talab assistenza finanzjarja mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). Minkejja li l-esportazzjonijiet tal-ħwejjeġ mill-Bangladesh immultiplikaw matul dawn l-aħħar snin, l-inċidenti u n-nirien fil-fabbriki u f’postijiet tax-xogħol oħra huma komuni, u qatlu sa 1,310 ħaddiema u 3,883 indarbu f’dawn l-aħħar għaxar snin.

Wara r-rifjut tal-Prim Ministru Sheikh Hasina li taċċetta r-rikjesti tal-oppożizzjoni (il-Partit Nazzjonali tal-Bangladesh) biex gvern provviżorju newtrali jwettaq sondaġġ għall-elezzjonijiet ta’ Jannar 2024, il-BNP ibbojkottja l-elezzjonijiet. B’riżultat, f’Jannar 2024, Sheikh Hasina kisbet mandat ieħor ta’ ħames snin wara li l-partit tagħha, il-Lega Awami, u l-alleati tiegħu rebħu 225 siġġu mit-300 tal-parlament.

F’Lulju 2024, id-deċiżjoni tal-Gvern ta’ Sheik Hasina rigward il-kwoti tal-impjiegi fis-settur pubbliku wasslet għal rewwixta favur id-demokrazija. Il-moviment kiseb momentum wara s-sentenza tal-Qorti Suprema ta’ Ġunju 2024 li ddikjarat id-deċiżjoni tal-gvern invalida, li żviluppat bl-hekk imsejħa Rivoluzzjoni ta’ Lulju li laħqet il-qofol tagħha bil-massakru tad-dimostraturi – il-biċċa l-kbira minnhom studenti. Il-Prim Ministru Hasina ġiet imġiegħla tirriżenja, u sabet rifuġju fl-Indja. Ġie ffurmat gvern interim taħt it-tmexxija tar-rebbieħ tal-Premju Nobel Muhammad Yunus. Il-formazzjoni tal-Partit Nazzjonali taċ-Ċittadini (NCP), l-ewwel partit immexxi mill-istudenti fil-Bangladesh, kienet mument kruċjali fl-iżvilupp politiku tal-pajjiż. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-qasam politiku nazzjonali kien iddominat minn fehmiet diverġenti dwar il-konsolidazzjoni tad-demokrazija fil-Bangladesh u l-introduzzjoni ta’ riformi elettorali. Il-partiti politiċi tradizzjonali, bħall-Partit Nazzjonalista tal-Bangladesh (BNP), jippromwovu l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet bikrija, filwaqt li jibqgħu jagħmlu pressjoni fuq il-gvern interim ta’ Yunus biex isejjaħ elezzjonijiet nazzjonali sal-aħħar tas-sena. F’konfrontazzjoni diretta mal-BNP, il-mexxej tal-NCP, Nahid Islam, esprima xettiċiżmu dwar il-fattibbiltà li jsiru elezzjonijiet fl-2025, fost talbiet għal riformi nazzjonali (inkluż kostituzzjonali) u tħassib dwar is-sigurtà fid-dawl tal-inkwiet politiku u soċjali eżistenti fil-pajjiż.

Minn Awwissu 2017, aktar minn 800,000 rifuġjat Rohingya ħarbu l-persekuzzjoni fil-Myanmar lejn il-Bangladesh. L-UE qed tissorvelja mill-qrib il-kriżi tar-rifuġjati Rohingya, u żburżat aktar minn nofs l-allokazzjonijiet miġbura wara l-Konferenza tad-Donaturi tan-NU f’Ottubru 2017 u fis-snin ta’ wara, prinċipalment biex tappoġġja r-rifuġjati Rohingya fil-kampijiet tar-rifuġjati ta’ Cox’s Bazar. Il-Gvern tal-Bangladesh qed jagħmel sforz għar-rimpatriju tar-Rohingya, iżda r-ritorn tagħhom huwa mxekkel mill-kundizzjonijiet fil-Myanmar.

F’Novembru 2023, minħabba s-sitwazzjoni umanitarja li qed tiddeterjora, l-UE żblukkat EUR 10.5 miljun f’għajnuna umanitarja lir-rifuġjati Rohingya u lill-komunitajiet ospitanti tagħhom li jgħixu fil-Bangladesh. F’Jannar 2024, b’reazzjoni għal nirien f’wieħed mill-kampijiet tar-rifuġjati, l-UE żblukkat EUR 300,000 biex tassisti lill-popolazzjoni milquta. Fl-2025, il-Bangladesh għadu jospita aktar minn 800,000 Rohingya. F’Marzu 2025, l-UE nediet proġett ta’ EUR 2 miljun li għandu l-għan jassisti lil madwar 8,000 persuna milquta mir-rewwixta ta’ Lulju-Awwissu 2024 fil-Bangladesh. Il-proġett, iffinanzjat bis-sħiħ mill-UE, se jibqa’ għaddej sa Awwissu 2026. L-objettivi primarji tiegħu huma li jtejjeb is-saħħa fiżika u mentali tas-superstiti tal-vjolenza, jagħti spinta lir-reżiljenza ekonomika tagħhom u jippromwovi l-koeżjoni soċjali, jindirizza l-ħtiġijiet kritiċi identifikati kemm mill-Gvern tal-Bangladesh kif ukoll mill-UE.

It-tmien IPM UE-Bangladesh saret fi Brussell f’Diċembru 2022 biex tiddiskuti l-aħħar żviluppi fir-relazzjonijiet, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, il-kummerċ u s-sitwazzjoni ġeostrateġika attwali.

F’Settembru 2023, il-Parlament għadda riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bangladesh, b’mod partikolari l-każ ta’ Odhikar, waħda mill-organizzazzjonijiet ewlenin għad-drittijiet tal-bniedem li ilha aktar minn għaxar snin tħabbat wiċċha ma’ fastidju u kriminalizzazzjonijiet, fosthom it-tneħħija tagħha mir-reġistru bħala NGO.

Is-Sri Lanka

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u s-Sri Lanka jmorru lura għall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-1975, li ġie aġġornat fl-1995 bi Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp. Is-Sri Lanka ngħatat l-aċċess għall-UE għall-esportazzjonijiet tagħha fl-ambitu tal-SĠP+ f’Mejju 2017 bħala inċentiv għal riformi politiċi u konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-ħaddiema, il-protezzjoni ambjentali u governanza tajba. Il-Parlament qed isegwi mill-qrib il-progress tas-Sri Lanka fil-konformità effettiva mal-kriterji tal-SĠP+. Il-prospettivi ta’ ġustizzja tranżizzjonali u rikonċiljazzjoni nazzjonali, żewġ kundizzjonijiet fundamentali għall-Parlament fir-rigward tal-eliġibbiltà tas-Sri Lanka biex tibbenefika mill-SĠP+, iddgħajfu b’mod sinifikanti. Matul dawn l-aħħar għaxar snin, l-UE pprovdiet EUR 760 miljun f’għajnuna għall-iżvilupp lis-Sri Lanka.

L-UE hija t-tieni l-akbar sieħeb kummerċjali tas-Sri Lanka wara ċ-Ċina, billi rrappreżentat 12.4% tal-kummerċ totali tas-Sri Lanka fl-2023. Il-Grupp ta’ Ħidma UE-Sri Lanka dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni Ekonomika ltaqa’ fi Frar 2024 biex isaħħaħ aktar ir-rabtiet kummerċjali bilaterali, l-aċċess għas-suq u l-iżviluppi regolatorji, inkluż ir-Regolament tal-UE dwar id-Deforestazzjoni.

L-UE u s-Sri Lanka kellhom is-26 laqgħa tal-Kummissjoni Konġunta bejn l-UE u s-Sri Lanka fi Frar 2024 fi Brussell. L-UE laqgħet il-parteċipazzjoni attiva tas-Sri Lanka fit-tielet Forum Ministerjali Indo-Paċifiku tal-UE li sar ukoll fi Brussell fi Frar 2024. Il-Kummissjoni Konġunta ddiskutiet il-programm indikattiv pluriennali għas-Sri Lanka 2021-2027. F’dan il-qafas strateġiku, l-UE allokat EUR 60 miljun f’għotjiet ta’ finanzjament għas-sħubija tagħha mas-Sri Lanka għall-2021-2024. Is-Sri Lanka aġġornat lill-Kummissjoni bil-passi li ttieħdu biex l-Att dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu jiġi sostitwit mill-Abbozz ta’ Liġi Kontra t-Terroriżmu ħalli l-abbozz tal-liġi jinġieb f’konformità mal-istandards internazzjonali.

Bejn l-1983 u l-2009, is-Sri Lanka għaddiet minn gwerra ċivili bejn il-gvern iddominat mis-Singaliżi u t-Tigri għal-Liberazzjoni tat-Tamil Eelam. Gotabaya Rajapaksa rebaħ l-elezzjonijiet presidenzjali f’Novembru 2019 u ħatar lil ħuh, l-eks President Mahinda Rajapaksa, bħala l-Prim Ministru l-ġdid. F’Settembru 2020, ġie introdott l-20 abbozz ta’ liġi ta’ emenda kontroversjali, li jsaħħaħ is-setgħat eżekuttivi tal-President u jdgħajjef ir-rwoli tal-Prim Ministru u tal-Parlament.

Fl-2022, is-Sri Lanka esperjenzat l-agħar kriżi ekonomika li qatt kellha, li wasslet għal protesti mifruxa minħabba ż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi u n-nuqqas ta’ dawn tal-aħħar. Il-protesti, li bdew f’April 2022, talbu għar-riżenja tal-President Rajapaksa. Sa Lulju 2022, id-dimostranti kienu attakkaw ir-residenza tiegħu, u dan ġiegħlu jaħrab. Kemm il-President Gotabaya Rajapaksa kif ukoll il-Prim Ministru Mahinda Rajapaksa rriżenjaw. Ranil Wickremesinghe ħa l-presidenza f’Lulju 2022 u ħatar lil Dinesh Gunawardena bħala Prim Ministru.

Il-Poter Popolari Nazzjonali (NPP), immexxi mill-President Anura Kumara Dissanayake, kiseb rebħa storika fl-elezzjonijiet parlamentari ta’ Novembru 2024. Din ir-rebħa bla preċedent ippermettiet lill-NPP jimplimenta riformi sostanzjali. Ir-rebħa tiegħu ffukat fuq l-indirizzar tal-kriżi ekonomika tal-pajjiż, b’wegħdiet ta’ riformi soċjali u kritika tal-miżuri ta’ awsterità appoġġjati mill-FMI. In-nuqqas tal-President uxxenti Wickremesinghe li jindirizza l-kriżi tal-għoli tal-ħajja, flimkien mar-rabtiet tiegħu mal-familja Rajapaksa, ikkontribwew għat-telfa tiegħu. Ix-xena politika għadha ddominata minn tentattivi biex jinbeda proċess ta’ rikonċiljazzjoni u jitressqu l-qorti l-awturi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem matul il-gwerra ċivili. F’Marzu 2025, ir-Renju Unit impona sanzjonijiet fuq tliet eks kmandanti militari tas-Sri Lanka u eks kmandant tal-forzi ribelli Tamil Tiger.

Fl-2022, is-Sri Lanka esperjenzat l-ewwel inadempjenza tad-dejn tagħha u rrikorriet għand il-FMI għal stabbilizzazzjoni ekonomika. L-eks President Rajapaksa reġa’ lura, minkejja li kien qed jiġi akkużat b’mod wiesa’ għall-kriżi. Nuqqas kritiku ta’ munita barranija wassal għal skarsezzi severi tal-ikel u tal-fjuwil. Fl-2022, is-Sri Lanka kisbet self preliminari ta’ USD 2.9 biljun mill-FMI, li jiddependi mir-riformi fiskali u r-ristrutturar tad-dejn. Sal-2023, il-pajjiż kien laħaq ftehimiet mal-kredituri u kiseb faċilità ta’ fond estiża mill-FMI, fejn irċieva USD 670 miljun bħala parti minn programm ta’ erba’ snin ta’ USD 3 biljun. Appoġġ finanzjarju addizzjonali kien jinkludi USD 200 miljun mill-Bank Asjatiku tal-Iżvilupp u USD 250 miljun mill-Bank Dinji.

F’April 2024, il-Gvern tas-Sri Lanka rrifjuta proposta mill-kredituri internazzjonali tiegħu dwar ir-ristrutturar ta’ aktar minn USD 12-il biljun, li potenzjalment jista’ jdewwem il-porzjon li jmiss ta’ flus għall-appoġġ tal-FMI tal-pajjiż. F’Marzu 2025, il-FMI approva porzjon addizzjonali b’valur ta’ USD 334 miljun fl-ambitu tal-programm ta’ USD 2.9 biljun, li jesprimi fiduċja fir-riformi mwettqa mill-pajjiż u t-trajettorja ta’ rkupru tiegħu. F’Ġunju 2021, il-Parlament għadda riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni fis-Sri Lanka, b’mod partikolari l-arresti f’applikazzjoni tal-Att dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu.

Il-11-il IPM UE-Sri Lanka saret bejn it-30 ta’ Ottubru u l-1 ta’ Novembru 2023 f’Colombo biex jiġu diskussi r-relazzjonijiet bilaterali u s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tas-Sri Lanka.

In-Nepal

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u n-Nepal imorru lura għall-1973 u huma bbażati fuq il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-1996. Bi kważi kwart tal-popolazzjoni tgħix b’anqas minn USD 2 kuljum, in-Nepal jiddependi minn għajnuna esterna għall-25% tal-baġit tiegħu. L-UE hija waħda mill-akbar donaturi tal-għajnuna għall-iżvilupp tan-Nepal. L-UE tenniet ukoll l-importanza li n-Nepal jieħu vantaġġ akbar mill-preferenzi kummerċjali mogħti fl-ambitu tal-iskema Kollox Minbarra Armi (KMA) tal-UE għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. L-UE bħalissa tappoġġja lin-Nepal fl-ambitu tal-programm indikattiv pluriennali 2021-2027, li jiddeskrivi tliet oqsma prijoritarji ta’ kooperazzjoni: it-tkabbir ekoloġiku inklużiv, l-iżvilupp tal-kapital uman u l-governanza tajba. Dawn l-oqsma prijoritarji huma allinjati wkoll mal-istrateġiji globali tal-UE, bħall-istrateġija għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku, l-Inizjattiva ta’ Rkupru Globali u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-Għoti tas-Setgħa lin-Nisa fl-Azzjoni Esterna 2021-2025 (GAP III). L-UE qed tappoġġja l-ekonomija tan-Nepal u d-domanda għax-xogħol, u b’hekk tistimola l-introjtu individwali f’pajjiż ikkaratterizzat minn inugwaljanzi serji bejn il-kasti superjuri u inferjuri, kif ukoll il-komunitajiet emarġinati bħall-Madhesi.

In-Nepal qed ikompli jagħmel progress lejn l-għan tiegħu li joħroġ mill-istatus ta’ pajjiż l-anqas żviluppat, bit-tranżizzjoni antiċipata mistennija sal-2026. Din il-bidla għandha implikazzjonijiet għar-relazzjonijiet kummerċjali tan-Nepal mal-UE, b’mod partikolari fir-rigward ta’ arranġamenti kummerċjali preferenzjali. Il-15-il Kummissjoni Konġunta bejn l-UE u n-Nepal saret f’Marzu 2024 f’Kathmandu biex jiġu diskussi r-relazzjonijiet bilaterali. L-UE apprezzat il-kisbiet li saru min-Nepal fit-trasformazzjoni soċjoekonomika tiegħu u l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Żvilupp Nazzjonali 2019-2024 tiegħu. L-UE u n-Nepal ivvalutaw l-iżviluppi reċenti fil-ħarsien tal-proċessi u tal-istituzzjonijiet demokratiċi, u enfasizzaw l-importanza tas-soċjetà ċivili u tal-media fit-tisħiħ tad-demokrazija u tal-governanza tajba. L-UE ferħet lin-Nepal għall-pożizzjoni tiegħu dwar it-tibdil fil-klima matul il-COP28 u anke dwar l-għan ambizzjuż tiegħu li l-emissjonijiet tiegħu jsiru żero netti sal-2045.

Il-Forum tan-Negozju tal-2024 bejn l-UE u n-Nepal, li sar f’Kathmandu f’Mejju 2024, laqqa’ flimkien lin-negozji tan-Nepal u dawk Ewropej biex jesploraw opportunitajiet ta’ investiment u jsaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali, b’enfasi fuq setturi ewlenin bħall-enerġija rinnovabbli, l-agrikoltura u t-turiżmu.

F’Jannar 2024, il-kandidati mill-koalizzjoni fil-gvern, immexxija mill-Kungress tan-Nepal, ħarġu rebbieħa fl-elezzjonijiet tal-Assemblea Nazzjonali. Iż-żieda fil-prezzijiet globali taż-żejt u tal-prodotti bażiċi fl-2022 poġġiet pressjoni fuq l-ekonomija tan-Nepal, u dan wassal għal inkwiet soċjali u talbiet biex terġa’ tiġi stabbilita l-monarkija tal-Hindu. Minħabba s-sistema elettorali mħallta tan-Nepal, il-kisba ta’ maġġoranza hija ta’ sfida, li spiss tirriżulta f’gvernijiet ta’ koalizzjoni u f’arranġamenti ta’ kondiviżjoni tal-poter.

Iċ-Ċina u l-Indja qed jikkompetu biex jeżerċitaw l-influwenza tagħhom fil-pajjiż. F’Diċembru 2024, il-Prim Ministru tan-Nepal Dahal żar liċ-Ċina biex jiddiskuti proġetti ta’ investimenti u infrastruttura fl-ambitu tal-Inizjattiva One Belt, One Road (BRI).

L-isfidi ewlenin tal-pajjiż huma l-ksib ta’ soluzzjoni paċifika għall-imblokk politiku permezz tar-riforma tal-Kostituzzjoni, li jeħtieġ li tiġi emendata biex tqis l-interessi tad-Dalit u tal-minoranzi etniċi, b’mod partikolari l-Madhesi fit-Terai, u tiggarantixxi d-drittijiet taċ-ċittadini migranti Nepaliżi barra mill-pajjiż. Fil-qasam soċjali, l-implimentazzjoni tal-Att il-ġdid dwar iċ-Ċittadinanza f’Ġunju 2023 ipprovdiet triq għal mijiet ta’ eluf ta’ Nepaliżi apolidi biex jiksbu ċ-ċittadinanza, filwaqt li indirizzat kwistjoni li ilha teżisti ta’ identità nazzjonali. Il-gvern tal-koalizzjoni mmexxi mill-Prim Ministru Dahal ħabbat wiċċu ma’ sfidi ekonomiċi u skandli ta’ korruzzjoni, iżda wera reżiljenza politika u stabbiltà relattiva. Fl-2023, in-Nepal daħal fl-ewwel reċessjoni tiegħu f’sitt deċennji minħabba inflazzjoni għolja, inċertezza politika u fiduċja dejjem tonqos fost l-investituri. Dan iggrava l-eżodu taż-żgħażagħ Nepaliżi u qajjem tħassib u skuntentizza soċjali fid-dawl tal-impatt fit-tul fuq il-forza tax-xogħol u l-ekonomija tal-pajjiż.

F’Marzu 2025, id-dimostrazzjonijiet favur il-monarkija f’Kathmandu wasslu għal ġlied, li wassal għal mewt ta’ żewġ persuni u għat-tidrib ta’ ħafna persuni. Id-dimostraturi appellaw għar-restawr tal-monarkija u tas-sovranità Hindu, li jirrifletti n-nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-pubbliku bis-sistema repubblikana attwali.

Il-Gvern Nepaliż ma pprovdiex ġustizzja tranżitorja lill-vittmi tal-gwerra ċivili, u dan ippermetta li tippersisti kultura ta’ impunità. Il-Kummissjoni għall-Verità u r-Rikonċiljazzjoni, stabbilita fl-2014, ma kinitx effettiva fl-indirizzar ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem bħat-tortura u l-vjolenza sesswali. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ta’ Investigazzjoni dwar il-Vittmi tal-Għajbien Furzat, li nħolqot fl-istess sena biex tinvestiga l-każijiet ta’ għajbien matul il-kunflitt, sabet diffikultajiet biex twettaq il-mandat tagħha. F’April 2020, il-Qorti Suprema appellat għal bidliet fil-mandat tal-Kummissjoni biex tiġi evitata l-impunità, rakkomandazzjoni appoġġjata mill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem. Madankollu, abbozz ta’ liġi propost fl-2022 naqas milli jissodisfa r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti, u abbozz ta’ liġi ġdid introdott f’Marzu 2023 ġie kkritikat talli ma aġevolax il-prosekuzzjoni tal-awturi. Id-Delegazzjoni tal-Parlament għar-Relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Asja t’Isfel (DSAS) żaret in-Nepal f’Settembru 2022 biex tivvaluta r-relazzjonijiet tan-Nepal mal-UE, li hija d-donatur ewlieni tal-kooperazzjoni. Peress li n-Nepal jista’ joħroġ mill-istatus ta’ pajjiż l-anqas żviluppat sal-2026, il-Parlament laqa’ l-fatt li n-Nepal diġà rratifika l-biċċa l-kbira tas-27 konvenzjoni ewlenija meħtieġa biex japplika għall-SĠP+.

Il-Bhutan

Iżolat mill-bqija tad-dinja għal sekli sħaħ, il-Bhutan qed jadatta għall-globalizzazzjoni u qed isaħħaħ l-ekonomija tiegħu filwaqt li fl-istess ħin qed jippreżerva t-tradizzjonijiet antiki tiegħu. Għamel tranżizzjoni paċifika lejn demokrazija parlamentari skont il-Kostituzzjoni adottata fl-2008, u ggarantixxa s-separazzjoni tas-setgħat fl-ambitu ta’ monarkija kostituzzjonali. L-UE tappoġġja l-awtonomija sħiħa tal-Bhutan mill-ġirien b’saħħithom tiegħu – l-Indja u ċ-Ċina – u tibqa’ konvinta li l-pajjiż għandu jkun jista’ jifformula l-politika ta’ sigurtà u barranija tiegħu stess, filwaqt li tirrikonoxxi t-tħassib kontinwu dwar it-telf tas-sovranità minħabba l-pożizzjoni ġeografika tal-Bhutan.

L-UE kellha preżenza qawwija fil-Bhutan sa mill-1982 u ħadmet biex tnaqqas il-faqar, tippromwovi d-demokrazija u l-governanza tajba u tappoġġja l-agrikoltura sostenibbli u r-riżorsi naturali rinnovabbli. F’Mejju 2018, tnieda Proġett ġdid ta’ Appoġġ Kummerċjali bejn l-UE u l-Bhutan bl-għan li jtejjeb iż-żieda fil-valur, ir-rabtiet tas-suq u l-qafas regolatorju tal-kummerċ u l-investiment.

L-UE tappoġġja l-pjanijiet ta’ żvilupp tal-Bhutan u tagħti lill-Bhutan aċċess preferenzjali akbar għas-swieq tal-UE fl-ambitu tal-SĠP+ dment li dan jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa. L-UE tfaħħar lill-pajjiż Ħimalajan għall-azzjonijiet tiegħu biex jiżgura żvilupp sostenibbli, b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima, filwaqt li tinnota li l-Bhutan ħa passi sinifikanti biex jipproteġi d-drittijiet tat-tfal u tan-nisa u jrawwem l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. B’mod partikolari, il-Parlament Bhutaniż iddekriminalizza l-omosesswalità f’Diċembru 2020.

Il-programm indikattiv pluriennali 2021-2027 jiffoka fuq it-tibdil fil-klima, il-governanza u t-tranżizzjoni diġitali. Għall-perjodu 2021-2024 ġew allokati EUR 31 miljun. L-UE u l-Bhutan iffirmaw ftehim qafas mal-BEI biex jipprovdi finanzjament konċessjonali għal proġetti ta’ żvilupp. F’Marzu 2023, il-BEI appoġġja l-isforzi ta’ azzjoni dwar il-klima u investiment fl-enerġija rinnovabbli fil-Butan. F’April 2024, il-BEI ffirma qafas ta’ self sa EUR 150 miljun biex jiffinanzja impjanti tal-enerġija solari u investimenti żgħar tal-enerġija idroelettrika fil-Bhutan.

L-UE u l-Bhutan kellhom it-12-il Konsultazzjoni Annwali tagħhom fi Brussell f’Settembru 2024. Is-suġġetti ewlenin diskussi kienu jinkludu l-ħruġ reċenti tal-Bhutan mill-istatus ta’ pajjiż l-anqas żviluppat, it-tnedija tat-13-il Pjan ta’ Ħames Snin tiegħu u l-implimentazzjoni tal-inizjattiva l-ġdida ewlenija tal-pajjiż, il-proġett Gelephu Mindfulness City. L-UE faħħret lill-Bhutan għar-ratifika tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u ħeġġet lill-pajjiż jikkunsidra li jiffirma konvenzjonijiet addizzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-ħaddiema. Fir-rigward tal-kummerċ, il-Bhutan se jżomm aċċess mingħajr dazju u mingħajr kwota għas-suq tal-UE fl-ambitu tal-inizjattiva tal-EBA sal-2028, bi tħejjijiet meħtieġa għat-tranżizzjoni barra mis-sistema. L-UE offriet ukoll li taqsam l-għarfien espert tagħha mal-Bhutan dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi.

L-40 anniversarju tas-sħubija bejn l-UE u l-Bhutan sar f’Jannar 2025 fi Brussell, bl-attendenza tal-Prim Ministru tal-Bhutan Tshering Tobgay. Matul iż-żjara, il-Kummissjoni wegħdet pakkett addizzjonali ta’ appoġġ ta’ EUR 17-il miljun għall-Bhutan, imfassal biex isaħħaħ il-governanza tajba u jaġevola t-tranżizzjoni diġitali tal-pajjiż, filwaqt li jrawwem żvilupp inklużiv u sostenibbli.

Il-Bhutan, monarkija impenjata li ssaħħaħ id-demokrazija, ħoloq identità nazzjonali distinta bbażata fuq il-preżervazzjoni tar-reliġjon, il-kultura u l-ambjent tagħha. Il-pajjiż juża l-indiċi tal-Kuntentizza Nazzjonali Gross (GNH), ibbażat fuq il-valuri Buddisti, biex jivvaluta kemm it-tkabbir ekonomiku kif ukoll il-benesseri taċ-ċittadini tiegħu. Il-GNH, stabbilit fil-Kostituzzjoni tal-2008 tal-Bhutan u rikonoxxut min-NU fl-2011, ikopri oqsma bħas-saħħa mentali, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u s-sostenibbiltà ambjentali. Il-politiki ambjentali tal-Bhutan huma ffukati fuq is-salvagwardja tal-bijodiversità tiegħu, li hija mhedda mit-tibdil fil-klima, filwaqt li jipprevjenu l-ħsara ekoloġika f’konformità mal-prinċipji tal-GNH. Fis-summit dwar il-klima tal-COP29 li sar f’Novembru 2024 f’Baku, il-Bhutan ikkoofinanzja l-koalizzjoni G-ZERO flimkien ma’ Madagascar, mal-Panama u mas-Suriname. Din l-inizjattiva tgħaqqad pajjiżi li kisbu status negattiv għall-karbonju jew newtrali għall-karbonju, bl-għan li turi li l-ibbilanċjar tat-tkabbir ekonomiku mas-sostenibbiltà ambjentali huwa kemm possibbli kif ukoll essenzjali. Fil-Bhutan saret elezzjoni ġenerali f’Jannar 2024, li ntrebħet mill-Partit Demokratiku Popolari tal-eks Prim Ministru Tshering Tobgay, b’maġġoranza parlamentari kbira.

Id-Delegazzjoni tal-Parlament għar-Relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Asja t’Isfel (DSAS) żaret il-Bhutan f’Settembru 2022 biex tivvaluta l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-pajjiż, peress li kien se joħroġ mill-istatus ta’ pajjiż l-anqas żviluppat sa Diċembru 2023.

Fi Frar 2025, il-Prim Ministru Tshering Tobgay żar il-Parlament Ewropew u ltaqa’ mal-Viċi President Christel Schaldemose u mad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Asja t’Isfel (DSAS). Tobgay ippreżenta l-Gelephu Mindfulness City, proġett ta’ żvilupp urban nazzjonali li jiffavorixxi l-ambjent li jkopri aktar minn 2,500 kilometru kwadru qrib il-fruntiera Indjana, bl-għan li jattira l-investiment u joħloq l-impjiegi, filwaqt li jiżgura s-sostenibbiltà.

Il-Maldivi

Għalkemm għad ma hemm l-ebda ftehim formali mal-Maldivi, l-UE tipprovdi appoġġ ta’ kooperazzjoni għall-komunitajiet rurali, it-turiżmu u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. F’Lulju 2018, il-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE adotta qafas għal miżuri restrittivi mmirati kontra persuni u entitajiet responsabbli li dgħajfu l-istat tad-dritt jew li ostakolaw soluzzjoni politika inklużiva fil-Maldivi kif ukoll dawk responsabbli minn ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem. F’April 2021, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jniedi negozjati dwar Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Maldivi, stadju importanti fir-relazzjonijiet bilaterali.

F’Ġunju 2023, saret ir-raba’ Laqgħa ta’ Uffiċjali Għolja bejn l-UE u l-Maldivi fi Brussell biex jiġi ċċelebrat l-40 anniversarju mill-istabbiliment tar-relazzjonijiet diplomatiċi. Il-ħames Laqgħa tal-Uffiċjali Għolja saret f’Ġunju 2024 fil-Maldivi, u ffukat fuq l-impenn reċiproku għall-kooperazzjoni f’diversi setturi, inklużi r-riformi demokratiċi, it-tranżizzjoni ekoloġika, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, kif ukoll il-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem u s-sigurtà.

Fl-2011, il-Maldivi ħarġu mill-kategorija LDC u fl-2013 kisbu l-istatus ta’ introjtu medju-superjuri. L-ekonomija hija bbażata l-aktar fuq it-turiżmu u s-sajd. F’pajjiż fejn it-turiżmu jammonta għal 70% tal-PDG, l-ekonomija tal-Maldivi kienet intlaqtet b’mod gravi mill-pandemija tal-COVID-19. F’Awwissu 2021, l-UE qablet li tipprovdi EUR 2 miljun f’għajnuna b’xejn għall-iżvilupp tas-settur tal-alloġġi għat-turiżmu mmexxija minn familji u dak tal-kruċieri fil-Maldivi skont il-proġett “EU Support for a Resilient Recovery of SME Tourism Industry in the Maldives” (Appoġġ tal-UE għal irkupru reżiljenti tal-industrija tat-turiżmu tal-SMEs fil-Maldivi). Il-programm indikattiv pluriennali 2021-2027 jiffoka fuq żewġ oqsma prijoritarji fil-Maldivi: it-trawwim ta’ rkupru ekonomiku ekoloġiku, u t-tisħiħ tal-governanza tajba, l-istat tad-dritt u s-sigurtà. Għall-perjodu 2021-2024, l-UE allokat EUR 12-il miljun f’għotjiet ta’ finanzjament għas-sħubijiet tagħha mal-Maldivi.

It-tibdil fil-klima jippreżenta sfidi serji għall-Maldivi, inklużi livelli tal-baħar li qed jogħlew u erożjoni kostali, li jheddu l-futur tagħhom. B’rispons għal dan, il-parlament tal-pajjiż qed jippjana li jimplimenta l-ewwel Att tiegħu dwar il-Klima biex inaqqas it-tniġġis u jipproteġi l-ambjent. Il-livelli tal-baħar f’Malé għolew bi kważi 4 mm fis-sena matul l-aħħar 20 sena, bi projezzjonijiet ta’ żieda ta’ 40-50 cm sal-2100. Dan jista’ jwassal għal problemi ta’ erożjoni, għargħar u salinità tal-bajjiet, li jaffettwaw 80% tal-popolazzjoni kostali u li joħolqu theddida eżistenzjali għan-nazzjon.

Il-pajjiż ibati minn qgħad għoli fost iż-żgħażagħ, vjolenza minn gruppi organizzati u dipendenza mid-droga. F’Settembru 2023, Mohamed Muizzu rebaħ l-elezzjoni presidenzjali fil-Maldivi wara t-tieni sessjoni ta’ elezzjonijiet kontra Ibrahim Mohamed Solih li kien fil-kariga. Il-President Muizzu ġeneralment jitqies li huwa aktar riċettiv għall-interessi taċ-Ċina fil-pajjiż meta mqabbla ma’ dawk tal-Indja. L-elezzjonijiet parlamentari tal-Maldivi saru f’April 2024, u l-partit tal-Kungress Popolari Nazzjonali, pro-Ċina, tal-President Mohamed Muizzu rebaħ 70 siġġu minn 93. Sadanittant, il-Partit Demokratiku Maldivjan, pro-Indja, kiseb 15-il siġġu.

 

Jorge Soutullo / Cristina Stanculescu / Filipe ALCOBIA de MORAES