Ir-rispons konġunt tal-UE għall-kriżi tal-enerġija tal-2022 wara l-użu tal-provvista tal-gass bħala arma mir-Russja rnexxielu jistabbilizza l-prezzijiet tal-enerġija u jiggarantixxi l-provvisti tal-gass f’dak il-mument, u s-sistema tal-enerġija tagħna għamilha aktar reżiljenti.
L-UE u l-Istati Membri tagħha diġà ħadu azzjoni biex inaqqsu d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili impurtati u biex imexxu ’l quddiem it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. Is-sistema tal-enerġija tal-Ewropa issa hija aktar sigura, diversa, u stabbli. Inizjattivi bħar-REPowerEU ħaffew il-bidla għal enerġija nadifa, tejbu l-funzjonament tas-suq tal-enerġija, u naqqsu d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili impurtati.

- naqqasna l-konsum tal-gass fl-UE bi 13%
- għelibna d-dipendenza li kellna fuq il-fjuwils fossili Russi
- għall-ewwel darba, fl-2025, ipproduċejna aktar elettriku mix-xemx u mir-riħ milli mill-fjuwils fossili
- żgurajna l-aċċess għal enerġija sigura u bi prezzijiet raġonevoli
- żidna malajr l-impjanti tal-enerġija rinnovabbli
- 2% tal-importazzjonijiet taż-żejt
qabel kienu 43%
- dipendenza ta’ 12% fuq il-gass Russu fl-2025
fl-2021 kienet ta’ 45%, u l-pjan hu li tiġi eliminata għal kollox
- Proporzjon ta’ ’l fuq minn 70%
ta’ elettriku b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju (rinnovabbli u nukleari)
Minkejja l-progress li sar, setturi bħat-trasport għadhom jiddependu ħafna fuq il-fjuwils fossili, u l-prezzijiet tal-enerġija jeħtieġu aktar stabbilizzazzjoni. Irridu nkomplu naħdmu għal unjoni tal-enerġija aktar integrata u nkomplu naċċelleraw it-tranżizzjoni lejn enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju prodotta domestikament.
Niżguraw li jkollna biżżejjed gass għax-xitwa
Fis-sajf tal-2022, il-Kummissjoni pproponiet regoli ġodda biex jiġi żgurat li l-Ewropa jkollha provvista tal-gass li tkun biżżejjed biex tilqa’ għal kwalunkwe qtugħ għal għarrieda min-naħa tar-Russja fix-xhur tax-xitwa.
Bir-regoli l-ġodda dwar il-ħżin tal-gass, sal-1 ta’ Novembru ta’ kull sena l-pajjiżi tal-UE jridu jkunu mlew il-faċilitajiet tal-ħażna sa 90% tal-kapaċità tagħhom. Fil-bidu tal-istaġun xitwi tal-2024-2025, il-ħażniet tal-gass kellhom 95% minnhom mimlijin. Il-livell minimu ta’ 90% kien diġà ntlaħaq f’Awwissu 2024.
Barra minn hekk, il-pajjiżi tal-UE qablu fuq regolament biex b’mod volontarju jnaqqsu d-domanda għall-gass naturali bi 15% għall-istaġun xitwi tal-2022-2023. Aktar tard, estendewh biex ikopri x-xitwa tal-2023-2024. F’Marzu 2024, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni biex jibqgħu jittieħdu miżuri volontarji sa Marzu 2025 biex jiġi mantnut tnaqqis kollettiv ta’ 15% fid-domanda għall-gass meta mqabbel mad-domanda medja li kien hemm bejn April 2017 u Marzu 2022.
F’April 2022, il-Kummissjoni varat ukoll il-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE, biex tgħin lill-pajjiżi tal-UE jaħdmu flimkien fis-swieq globali. L-għan hu li tiġi evitata l-kompetizzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE, li jsir użu mill-influwenza tal-UE biex jiġu ggarantiti sorsi differenti ta’ enerġija, li titħeġġeġ il-kompetizzjoni fost il-fornituri ewlenin, u li jinkisbu kundizzjonijiet aħjar għall-konsumaturi.
Niddiversifikaw is-sorsi tal-gass u ninvestu fl-infrastruttura
Element importanti biex niżguraw provvisti tal-enerġija siguri u bi prezzijiet raġonevoli huwa d-diversifikazzjoni tar-rotot tal-provvista. Fis-snin li għaddew, l-UE ħadmet mas-sħab internazzjonali tagħha biex tiddiversifika l-provvisti. Mill-2022 ’l hawn, il-Kummissjoni kkonkludiet ftehimiet mal-Eġittu, ma’ Iżrael, u mal-Ażerbajġan biex dawn jesportaw il-gass naturali lejn l-Ewropa.
Barra minn hekk, l-UE żiedet l-importazzjonijiet tal-gass naturali likwifikat (LNG) mill-Amerika ta’ Fuq, mill-Awstralja, mill-Qatar, u mill-Afrika tal-Lvant, u permezz tal-katusi min-Norveġja, mir-Renju Unit, mill-Ażerbajġan, u mill-Afrika ta’ Fuq.

Permezz ta’ investimenti f’terminals tal-LNG u f’interkonnetturi tal-gass ġie żgurat li issa kull pajjiż tal-UE jista’ jieħu l-gass minn mill-inqas żewġ sorsi, u bejn il-pajjiżi ġirien jista’ jkun hemm flussi fid-direzzjoni opposta. Ngħidu aħna, f’Mejju 2022 beda jaħdem l-interkonnettur tal-gass bejn il-Polonja u l-Litwanja, u dan saħħaħ il-possibbiltà tal-għażla u r-reżiljenza tas-suq Baltiku tal-gass. Similment, f’Ottubru 2022 ġie varat l-interkonnettur tal-gass bejn il-Greċja u l-Bulgarija, li għandu rwol ewlieni fid-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-gass fix-Xlokk tal-Ewropa.
Nifirxu l-użu tal-enerġija rinnovabbli
Minbarra li niggarantixxu li jkollna sorsi minn barra l-UE, irridu nużaw kemm nistgħu enerġija ġġenerata fit-territorju tagħna. L-UE diġà qiegħda fuq quddiem nett fid-dinja fl-iżvilupp tat-teknoloġija għall-enerġiji rinnovabbli.
Fl-2024, 25.2% tal-konsum tal-enerġija fl-UE kien ġej mill-enerġija rinnovabbli. Bir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli f’Novembru 2023, il-pajjiżi tal-UE qablu fuq mira kumplessiva li, sal-2030, il-persentaġġ tal-enerġija rinnovabbli fil-livell tal-UE jkun mill-inqas 42.5%, bl-għan li naslu għal mill-inqas 45%.
Inraħħsu l-kontijiet għall-familji u n-negozji Ewropej
B’reazzjoni għall-użu tal-enerġija bħala arma mir-Russja, f’Ottubru 2022 il-pajjiżi tal-UE qablu fuq intervent ta’ emerġenza biex jitraħħsu l-kontijiet tal-enerġija għall-familji u n-negozji Ewropej. Dan kien fih miżuri eċċezzjonali:
li titbaxxa d-domanda għad-dawl (10% b’mod ġenerali, bi tnaqqis obbligatorju ta’ 5% fil-ħinijiet l-aktar intensivi)
li jiġi restritt id-dħul (€180 għal kull MWh) li jkun ġej mill-produtturi tal-enerġija b’inqas spejjeż (nukleari, mil-linjite, minn sorsi rinnovabbli) u li l-eċċess jiġi rridistribwit lill-konsumaturi

li tiddaħħal kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà fuq il-qligħ eċċessiv fl-oqsma taż-żejt, tal-gass, tal-faħam, u tar-raffineriji, u li l-fondi jmorru għall-konsumaturi tal-enerġija
Il-miżuri ta’ emerġenza skadew fl-2023.
Fi Frar 2023, il-pajjiżi tal-UE qablu wkoll fuq Mekkaniżmu ta’ Korrezzjoni tas-Suq biex jiġu evitati d-disturbi fis-suq enerġetiku u finanzjarju. F’każ ta’ bżonn, kien jiġi attivat awtomatikament:
kieku l-prezz tat-Title Transfer Facility (TTF) ta’ xahar bil-quddiem qabeż il-€180/MWh għal 3 ijiem tax-xogħol, u
kieku l-prezz tat-TTF kien €35 ogħla minn prezz ta’ referenza għall-gass naturali likwifikat (LNG) fis-swieq globali għall-istess 3 ijiem tax-xogħol
Il-mekkaniżmu kien fis-seħħ sa Jannar 2025 u qatt ma kien hemm bżonnu. Dan kien il-każ bis-saħħa ta’ fatturi bħat-tnaqqis strutturali tad-domanda, l-affidabbiltà tal-importazzjonijiet tal-LNG u permezz tal-katusi mingħand sħab li nistgħu noqogħdu fuqhom, u t-titjib fl-infrastruttura tal-importazzjoni.
Pjan ta’ azzjoni għall-enerġija bi prezzijiet raġonevoli
Madankollu, il-prezzijiet tal-enerġija fl-UE għadhom strutturalment għoljin, u minħabba f’hekk qed ibatu ċ-ċittadini tal-UE u l-kompetittività tal-industrija tal-UE. Għaldaqstant, fi Frar 2025 il-Kummissjoni pproponiet il-Pjan ta’ Azzjoni għal Enerġija Affordabbli, li jistabbilixxi miżuri konkreti fuq terminu qasir biex innaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija għaċ-ċittadini, għan-negozji, għall-industrija, u għall-komunitajiet fl-UE, biex inlestu l-unjoni tal-enerġija, biex nattiraw l-investimenti, u biex inkunu ppreparati aħjar għal kriżijiet potenzjali tal-enerġija.
Dan se jippermetti ffrankar globali stmat ta’ €45 biljun fl-2025, b’żieda progressiva sa €130 biljun fis-sena sal-2030, u €260 biljun fis-sena sal-2040.
Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll il-miżuri li ġejjin biex tiżgura prezzijiet raġonevoli għall-enerġija:
il-Pakkett tal-Enerġija taċ-Ċittadini, li joffri taxxi aktar baxxi, bdil aktar mgħaġġel tal-fornituri, u kontijiet trasparenti
l-istrateġija għall-investiment fl-enerġija nadifa, li tagħti spinta lill-investiment f’teknoloġiji nodfa
€200 miljun f’garanziji ta’ investiment privat biex jiġi appoġġat l-użu ta’ teknoloġiji nukleari avvanzati, inklużi reatturi modulari żgħar
lt-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa tikkonsisti fil-ħolqien ta’ sistema tal-enerġija reżiljenti, bi prezzijiet raġonevoli, u indipendenti li minnha jgawdi kulħadd. Dan ifisser ukoll it-tnaqqis tad-dipendenza u tal-fjuwils fossili.
Links relatati
Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 22 April 2026