Setgħa leġiżlattiva 

Kif jaħdem il-proċess leġiżlattiv?

Il-Parlament Ewropew għandu rwol essenzjali fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE bħala wieħed miż-żewġ koleġiżlaturi tal-UE flimkien mal-Kunsill.

Il-maġġoranza l-kbira tal-liġijiet Ewropej jiġu adottati b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, wara proposta mill-Kummissjoni Ewropea. Il-proċedura hija magħrufa bħala l-proċedura leġiżlattiva ordinarja jew il-kodeċiżjoni.

F'xi każijiet, it-trattati Ewropej jipprevedu proċeduri leġiżlattivi speċjali, bħall-konsultazzjoni u l-approvazzjoni, fejn il-Parlament ma jkunx fuq l-istess livell tal-Kunsill bħal fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Il-ħidma tal-Parlament fuq test leġiżlattiv tibda meta jirċievi proposta mill-Kummissjoni Ewropea, li hija l-istituzzjoni li tagħti bidu għal-leġiżlazzjoni. Il-proposta tiġi riferuta lil kumitat u Membru tal-Parlament Ewropew jiġi assenjat biex ifassal rapport. Dan il-Membru huwa magħruf bħala rapporteur. Meta l-leġiżlazzjoni tindirizza kwistjonijiet ġenerali, jistgħu jinħatru korapporteurs minn kumitati differenti.

Wara dibattiti bejn ir-rappreżentanti tal-gruppi politiċi u konsultazzjonijiet biex jinstab kompromess, il-kumitat parlamentari jivvota dwar l-abbozz ta' rapport u, possibbilment, jemendah. Meta t-test ikun ġie rivedut u adottat fil-plenarja, il-Parlament ikun adotta l-pożizzjoni tiegħu.

Il-proċedura leġiżlattiva ordinarja 

Proċedura leġiżlattiva ordinarja

  1. Proposta tal-Kummissjoni

    Il-Kummissjoni Ewropea tressaq proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew

    Atturi bid-dritt ta' inizjattiva:
    • Bank Ewropew tal-Investiment
    • Bank Ċentrali Ewropew
    • Parlament Ewropew
    • Inizjattiva taċ-Ċittadini tal-Parlament Ewropew
    • Kwart tal-Istati Membri

    Fid-dettall:

    Skadenzi

    Ma hemm l-ebda limitu ta' żmien għat-tressiq ta' proposta tal-Kummissjoni.

    Voti

    Il-Kulleġġ tal-Kummissarji jadotta l-proposti tal-Kummissjoni permezz ta' proċedura bil-miktub (mingħajr diskussjoni) jew permezz ta' proċedura orali (b'diskussjoni). Jekk jintalab vot, il-Kummissjoni tiddeċiedi b'maġġoranza sempliċi.

    Involviment taċ-ċittadini

    1. Jekk taħseb li l-UE għandha tagħti bidu għal leġiżlazzjoni, għandek diversi possibiltajiet:

      1. oħloq inizjattiva taċ-ċittadini - jekk, fi żmien sena, tiġbor minimu ta' miljun firma minn ċittadini tal-UE minn tal-anqas seba' Stati Membri, tista' titlob lill-Kummissjoni Ewropea taġixxi f'qasam li jaqa' taħt il-mandat tagħha.
        Aktar dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini

      2. ipperswadi lill-MPE tiegħek, li jista'

        1. jagħti bidu għall-proċess li permezz tiegħu l-Parlament jitlob lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni. Dan huwa possibbli biss f'każijiet fejn il-Parlament jaħseb li l-leġiżlazzjoni tal-UE hi meħtieġa biex tgħin fl-implimentazzjoni tat-Trattati. Jekk il-Kummissjoni tirrifjuta li tressaq proposta, trid tagħti spjegazzjoni.

        2. jitlob li kumitat Parlamentari jfassal rapport fuq inizjattiva proprja li, ladarba jiġi approvat mill-Parlament, għalkemm mhux vinkolanti, jista' jitfa' pressjoni fuq il-Kummissjoni biex toħroġ bi proposti ġodda.

        3. jistaqsi mistoqsija lill-Kummissjoni li abbażi tagħha hija tista' tikkunsidra leġiżlazzjoni.
          Aktar dwar mistoqsijiet

      3. ressaq petizzjoni lill-Parlament Ewropew.
        Aktar dwar petizzjonijiet

    2. Ladarba l-Kummissjoni tibda' tħejji jew tirrevedi leġiżlazzjoni, normalment tiftaħ konsultazzjoni pubblika biex b'hekk tippermetti li l-partijiet interessati u l-esperti jagħtu l-fehmiet tagħhom.
      Aktar dwar konsultazzjonijiet pubbliċi

    Dokument riżultanti

    Id-dokument propost mill-Kummissjoni hu: Proposta għal regolament (jew direttiva jew deċiżjoni) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar [is-suġġett].

    Ir-referenza tad-dokument jikkonsisti fis-sigla COM(sena b'erba' ċifri)numru b'erba' ċifri.

    Statistika

    Kummissjoni mmexxija minn Jean-Claude Juncker (2014–2019) ippreżentat 396 proposta skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li kienet inqas mill-584 proposta mressqa mit-tieni Kummissjoni mmexxija minn José Manuel Barroso (2009–2014), il-508 proposta tal-ewwel Kummissjoni ta' Barroso (2004–2009) u l-432 proposta ppreżentati mill-Kummissjoni ta' Romano Prodi (1999–2004).

    In-numru aktar baxx ta' proposti jirrifletti d-deċiżjoni konxja tal-Kummissjoni ta' Juncker fil-bidu tal-mandat tagħha li "ser tkun qed tagħmel inqas, iżda (...) b'mod aktar effettiv" Fl-istess ħin, numru sinifikanti kienu proposti wiesgħa u trasversali mil-lat ta' politika li kellhom jiġu eżaminati minn żewġ kumitati parlamentari jew aktar.

    Testi sħaħ

    Il-Kummissjoin Ewropea tħejji proposti leġiżlattivi fuq inizjattiva proprja tagħha jew fuq talba ta' istituzzjonijiet oħra jew pajjiżi tal-UE, jew wara inizjattiva taċ-ċittadini, ħafna drabi wara konsultazzjonijiet pubbliċi. Il-proposta finali titressaq fl-istess żmien lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-parlamenti nazzjonali u, f'ċerti każijiet, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

    1. Il-proċedura leġiżlattiva ordinarja tibda bis-sottomissjoni ta' proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    2. Il-proċedura leġiżlattiva ordinarja bħalissa tapplika f'85 qasam ta' politika definit li jkopru l-parti l-kbira tal-oqsma ta' kompetenza tal-UE.

    3. Id-"dritt tal-inizjattiva" hi responsabilità tal-Kummissjoni Ewropea. Hija responsabbli għat-tressiq tal-parti l-kbira mill-proposti leġiżlattivi. Madankollu, il-Parlament u l-Kunsill jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tressaq proposti u fi ftit każijiet definiti sewwa, istituzzjonijiet oħrajn jistgħu joħorġu bi proposti.

    4. Il-Parlament (b'maġġoranza tal-Membri tiegħu) jista' jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta f'każijiet fejn il-Parlament jaħseb li l-leġiżlazzjoni tal-UE hija meħtieġa biex tgħin fl-implimentazzjoni tat-Trattati. Jekk il-Kummissjoni tirrifjuta li tressaq proposta, trid tagħti spjegazzjoni.

    5. Il-Kunsill, (b'maġġoranza sempliċi), jista' jitlob lill-Kummissjoni tagħmel kwalunkwe studju li l-ministri jqisu siewi biex jintlaħqu l-għanjiet komuni, u tressaqlu proposti xierqa.

    6. Fil-każijiet speċifiċi ħafna li ġejjin, it-Trattati jippermettu li l-proċedura leġiżlattiva ordinarja tiġi varata:

      • fuq l-inizjativa ta' kwart tal-Istati Membri (kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali)

      • fuq rakkomandazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew (ċerti artikoli tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew)

      • b'talba mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-varar ta' qrati speċjalizzati annessi mal-Qorti Ġenerali, biex jisimgħu u jistabbilixxu fil-prim' istanza ċertu tipi ta' azzjonijiet jew proċedimenti mressqa f'oqsma speċifiċi, ċerti dispożizzjonijiet tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea)

      • fuq talba tal-Bank Ewropew tal-Investiment

    7. Proposta tal-Kummissjoni tista' ssir ukoll wara inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

    8. Il-proposta tal-Kummissjoni hija r-riżultat ta' proċess ta' konsultazzjoni estensiv, li jista' jitwettaq b'bosta modi (valutazzjoni tal-impatt obbligatorja, rapporti minn esperti, konsultazzjoni ta' esperti nazzjonali, organizzazzjonijiet internazzjonali u/jew organizzazzjonijiet mhux governattivi, konsultazzjoni permezz ta' Green Papers u White Papers, eċċ.).

    9. Proċess ta' konsultazzjoni jista' jkun varat wkoll fost id-dipartimenti differenti tal-Kummissjoni sabiex jiġi żgurat li l-aspetti kollha ta' kwistjoni jitqiesu (konsultazzjoni bejn is-servizzi).

    10. Il-proposta tal-Kummissjoni normalment tiġi adottata mill-Kulleġġ tal-Kummissarji abbażi jew ta' proċedura bil-miktub (l-ebda diskussjoni fost il-Kummissarji) jew ta' proċedura orali (id-dossier jiġi diskuss mill-Kulleġġ tal-Kummissarji) u tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    11. Il-Kummissjoni tressaq il-proposta leġiżlattiva tagħha (normalment għal regolament, direttiva jew deċiżjoni) lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, iżda wkoll lill-parlamenti nazzjonali kollha tal-UE, u fejn ikun applikabbli, lill-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

    Ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali
    1. Skont il-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali u l-Protokoll Nru 2 dwar il-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità fit-Trattat dwar l-Ewropea, il-parlamenti nazzjonali għandhom tmien ġimgħat biex joħorġu opinjoni motivata jekk huma jqisu li l-abbozz tal-leġiżlazzjoni mhuwiex konformi mal-prinċipju ta' sussidjarjetà. Kull parlament nazzjonali għandu żewġ voti. Fis-sistemi parlamentari bikamerali, kull waħda miż-żewġt ikmamar għandha vot wieħed.

    2. Jekk tal-anqas terz tal-parlamenti nazzjonali jkun jidhrilhom li l-abbozz ta' leġiżlazzjoni mhux konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-abbozz ikollu jiġi rieżaminat ("karta safra"). Il-limitu minimu li għandu jintlaħaq jaqa' għal kwart fil-każ ta' abbozz ta' proposta leġiżlattiva sottomessa abbażi tal-Artikolu 76 tat-TFUE (il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija). Wara r-rieżami tal-"karta safra", l-istituzzjoni li tawtorizza (normalment il-Kummissjoni) tista' tiddeċiedi li żżomm, temenda jew tirtira l-proposta.

    3. Barra minn hekk, skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jekk maġġoranza sempliċi tal-parlamenti nazzjonali tikkunsidra li l-abbozz tal-proposta leġiżlattiva mhux konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-abbozz għandu jiġi rieżaminat mill-Kummissjoni ("karta oranġjo"). Wara tali rieżami, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li żżomm, temenda jew tirtira l-proposta. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li żżomm il-proposta, trid tiġġustifika l-pożizzjoni tagħha. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill imbagħad iridu jikkunsidraw, qabel ma jikkonkludu l-ewwel qari, jekk il-proposta hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta' sussidjarjetà. Jekk il-Parlament permezz ta' maġġoranza sempliċi tal-Membri tiegħu, jew il-Kunsill b'maġġoranza ta' 55 % tal-membri tiegħu, jikkunsidraw li l-proposta mhijiex konformi mal-prinċipju ta' sussidjarjetà, il-proposta taqa'.

    4. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u l-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) jridu jiġu kkonsultati dwar ċerti kwistjonijiet jew meta l-Kunsill iqis xieraq. Pereżempju, il-KESE għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-politika ekonomika u soċjali u l-KtR jrid jiġi kkonsultat dwar l-ambjent, l-edukazzjoni u t-trasport. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jistgħu jistabbilixxu limitu ta' żmien għas-sottomissjoni tal-opinjonijiet. Il-Parlament Ewropew għandu wkoll l-għażla li jikkonsulta maż-żewġ Kumitati. Barra minn hekk, il-Kumitati jistgħu jagħtu opinjonijiet fuq inizjattiva tagħhom stess.

  2. L-ewwel qari fil-Parlament

    Waqt l-ewwel qari, il-Parlament Ewropew jeżamina l-proposta tal-Kummissjoni u jista' japprovaha mingħajr modifiki jew jemendaha.

    Fid-dettall:

    Skadenzi

    M'hemm l-ebda limitu ta' żmien għall-ewwel qari tal-Parlament.

    Voti

    Il-voti tal-kumitat u tal-plenarja huma b'maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa.

    Involviment taċ-ċittadini

    Meta l-proposta tintbagħat lill-Parlament, ir-rapporteur u x-"shadow rapporteurs" (Membri normalment maħtura minn kull wieħed mill-gruppi politiċi biex isegwu proċedura) normalment jibdew jiġbru l-opinjonijiet mill-partijiet ikkonċernati. Tista' tressaq l-opinjoni tiegħek lilhom, lil kwalunkwe membru ieħor tal-kumitat, jew lil kwalunkwe MPE.

    Fl-istadju tal-kumitat, l-emendi jistgħu jitressqu biss minn membru sħiħ jew minn membru sostitut tal-kumitat ikkonċernat, filwaqt li l-emendi fil-plenarja għandhom jitressqu mill-kumitat responsabbli, minn grupp politiku, jew minn tal-anqas 36 MPE (wieħed minn kull għoxrin tal-Membru li jiffurmaw il-Parlament).

    Il-kumitati kultant jorganizzaw seduti pubbliċi, li tkun tista' tipparteċipa fihom.

    Il-laqgħat tal-kumitati u l-plenarja jixxandru b'mod dirett bil-webstreaming. Tista' ssegwihom b'mod dirett

    Tista' tagħti parir lill-MPE tiegħek dwar liema emendi mressqa taħseb li huma vantaġġjużi jew le.

    Dokument riżultanti

    Il-Parlament jadotta Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari.

    Statistika

    Matul it-8 leġiżlatura (2014–2019) il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili kien responsabbli għal 13 % tal-fajls kollha tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, segwit mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji li kien responsabbli għal 12 % tal-fajls kollha. Il-Kumitat għall-ambjent u l-Kumitat għat-trasport, kull wieħed minnhom ittratta 11 % tal-fajls kollha.

    Bħala paragun, matul is-seba' leġiżlatura (2009-2014), 14 % tal-fajls taħt il-proċedura ta' kodeċiżjoni/il-proċedura leġiżlattiva ordinarja ġew assenjati lill-Kumitat għall-Ambjent, 11 % lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u 10 % lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili.

    Testi sħaħ

    Il-President tal-Parlament Ewropew jirreferi l-proposta għal kumitat parlamentari, li jaħtar rapporteur li jkun responsabbli għat-tfassil ta' abbozz ta' rapport li jkun fih emendi għat-test propost. Il-kumitat jivvota dwar dan ir-rapport u kwalunkwe emenda tiegħu imressqa minn membri oħra tal-kumitat. Il-Parlament Ewropew imbagħad jiddiskuti u jivvota dwar il-proposta leġiżlattiva fil-plenarja abbażi tar-rapport tal-kumitat u l-emendi. Ir-riżultat huwa l-pożizzjoni fl-ewwel qari tal-Parlament. Il-Parlament jista' jaċċetta l-proposta kif inhi jew jagħmlilha emendi. Jista' wkoll jirrifjuta l-proposta tal-Kummissjoni u jitlob lill-Kummissjoni tirtiraha. Il-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari titressaq lill-Kunsill.

    1. Ladarba proposta leġiżlattiva mill-Kummissjoni Ewropea tasal għand il-Parlament Ewropew, il-President, wara konsultazzjoni mas-servizzi tekniċi relevanti, jirreferiha lill-kumitat responsabbli.

    2. L-għażla ta' kumitat tiddependi fuq is-suġġett kopert mill-proposta.

    3. Kumitati oħrajn jistgħu jiġu offruti l-possibbiltà li jagħtu l-opinjoni tagħhom jekk is-suġġett jikkonċernahom ukoll.

    4. Jekk ikun hemm kunflitt minħabba l-kompetenza, pereżempju, jekk il-kwistjoni taqa' kważi ndaqs fil-kompetenzi ta' żewġ kumitati jew aktar, il-Konferenza tal-Presidenti tiddeċiedi fuq il-proċedura, fuq il-bażi ta' rakkomandazzjoni mill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati.

    5. It-tilwim fuq il-kompetenza jista' jiġi solvut permezz ta' proċeduri li jinvolvu kumitati assoċjati jew laqgħat ta' kumitati konġunti jew voti.

    6. Kumitat assoċjat jaħdem fuq il-proposta fl-istess ħin mal-kumitat responsabbli, skont skeda maqbula bejn it-tnejn li huma. Ir-rapporteurs tat-tnejn li huma jidentifikaw liema oqsma tat-test jaqgħu fil-kompetenza esklussiva jew konġunta tagħhom u jaqblu preċiżament kif se jikkooperaw. Ir-rapporteurs iżommu lil xulxin infurmati u għandhom jaqblu b'mod reċiproku t-testi li jipproponu lill-kumitati u l-pożizzjoni tagħhom rigward l-emendi. Il-kumitat responsabbli għandu jaċċetta mingħajr votazzjoni emendi minn kumitat assoċjat meta dawn ikunu dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza esklussiva tal-kumitat assoċjat.

    7. Jekk ikun hemm nuqqas ta' qbil bejn kumitat responsabbli u kumitat assoċjat dwar kompetenza, il-Konferenza tal-Presidenti tista' tiddeċiedi ta' min għandha tkun il-kompetenza, jew tista' tagħżel għal laqgħat ta' kumitati konġunti jekk taqa' b'mod inqads fil-kompetenzi tat-tnejn.

    8. Fil-każ ta' laqgħat ta' kumitati konġunti, ir-rapporteurs ikkonċernati jfasslu abbozz wieħed ta' rapport, li jiġi eżaminat u vvotat mill-kumitati involuti f'laqgħat konġunti ppreseduti b'mod konġunt.

    9. Il-kumitat Parlamentari responsabbli l-ewwel jivverifika l-bażi legali tal-proposta. Jista' jitlob l-opinjoni tal-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali, li jista' jiddeċiedi li jiċċekkja l-bażi legali fuq inizjattiva proprja.

    10. Jekk il-proposta jkollha implikazzjonijiet finanzjarji, il-kumitat responsabbli jrid jivverifika wkoll li tkun kompatibbli mal-qafas finanzjarju pluriennali, jiġifieri li jkun hemm biżżejjed riżorsi finanzjarji. Il-kumitat responsabbli għal kwistjonijiet baġitarji jista' wkoll jagħmel verifika bħal din fuq inizzjattiva proprja.

    11. Jekk il-kumitat responsabbli, il-grupp politiku jew mill-inqas 36 MEP jħossu li l-proposta jew partijiet minnha ma jikkonformawx mad-drittijiet fundamentali tal-UE, din tista' tiġi riferuta lill-kumitat responsabbli għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali (il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili).

    12. Ladarba l-kumitat ingħata r-responsabbiltà tal-proposta, japponta rapporteur minn fost il-membri tiegħu. Fil-prattika, il-koordinaturi li jirrappreżentaw il-gruppi politiċi jiddeċidew liema grupp politiku se jieħu f'idejh ir-rapport. Il-grupp jipproponi rapporteur minn fost il-membri tal-kumitat tiegħu jew mis-sostituti permanenti.

    13. Ir-rapporteurs jistgħu jintgħażlu minn qabel abbażi tal-programm leġiżlattiv annwali tal-Kummissjoni, li jippermettilhom isegwu l-proposta matul il-fażi preparatorja, qabel ma titressaq lill-Parlament.

    14. Gruppi politiċi oħra jistgħu jaħtru shadow rapporteur, li hu responsabbli għall-preparazzjoni tal-pożizzjoni tal-grupp u għall-monitoraġġ tal-ħidma tar-rapporteur.

    15. Ir-rapporteur jiggwida l-proposta matul l-istadji varji tal-proċedura, filwaqt li jagħti parir lill-kumitat (matul il-kunsiderazzjoni fl-istadu tal-kumitat) u lill-Parlament sħiħ (fl-istadju tal-plenarja) rigward l-approċċ ġenerali.

    16. Ir-rapporteur hu responsabbli għall-preżentazzjoni ta' abbozz ta' rapport lill-kumitat, inkluż l-emendi tiegħu/tagħha għall-proposta tal-Kummissjoni.

    17. Il-kumitat parlamentari normalment jiltaqà bosta drabi biex jeżamina l-abbozz ta' rapport.

    18. Rigward dossiers kontroversjali jew "tekniċi", mhijiex ħaġa rari li jiġu organizzati seduti ta' smigħ ma' esperti jew li jiġu kkummissjonati studji u valutazzjonijiet tal-impatt.

    19. Matul id-dibattiti tal-kumitat, il-Kummissjoni tista' tiddefendi l-proposta tagħha u tirrispondi mistosijiet minn membri tal-kumitat.

    20. Hekk kif il-Kunsill jirċievi u jibda' jaħdem fuq il-proposta tal-Kummissjoni fl-istess ħin bħall-Parlament, il-kumitat normalment jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iżommuh infurmat dwar il-progress tal-proposta fil-Kunsill u l-gruppi ta' ħidma tiegħu.

    21. Kumitati assoċċjati u dawk li jagħtu l-pariri jressqu l-opinjoniet tagħhom biex jiggwidaw lill-kumitat.

    22. Kull membru sħiħ jew sostitut tal-kumitat jista' jressaq emendi sa l-iskadenza stabbilita mill-kumitat responsabbli. L-emendi kollha huma soġġetti għal votazzjoni fil-kumitat responsabbli, li jivvota permezz ta' maġġoranza sempliċi.

    23. Qabel ma l-kumitat responsabbli jieħu vot finali dwar il-proposta għal att leġiżlattiv, jitlob lill Kummissjoni tiddikjara l-pożizzjoni tagħha fuq l-emendi kollha adottati mill-kumitat, u jagħmel talba għal kumment mill-Kunsill.

    24. Ladarba r-rapport jiġi addottat fil-kumitat, jitpoġġa fl-aġenda tal-plenarja.

    25. Grupp politiku jew tal-anqas 36 MPE jistgħu jressqu emendi għar-rapport u jressquhom għal votazzjoni plenarja. Bħala regola ġenerali, id-data ta' skadenza biex jitressqu emendi ġodda fil-plenarja hi f'nofsinhar nhar ta' Erbgħa tal-ġimgħa ta' qabel is-sessjoni.

    26. Il-plenarja tiddiskuti l-proposti leġiżlattivi abbażi tar-rapport imfassal mill-Kumitat responsabbli, inkluża kwalunkwe emenda proposta, abbozz ta' riżoluzzjoni leġiżlattiva u, jekk xieraq, nota spjegattiva mir-rapporteur.

    27. Matul id-dibattitu tal-plenarja qabel il-vot, il-Kummissarju preżenti jħabbar u jispjega l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar kwalunkwe emenda mressqa. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar l-emendi tal-Parlament tiġi approvata mill-Kulleġġ tal-Kummissarji.

    28. Il-Parlament Ewropew l-ewwel jivvota dwar emendi għall-proposta tal-Kummissjoni. Imbagħad jivvota dwar il-proposta, emendata jew le, segwita minn votazzjoni dwar l-emendi għall-abbozz ta' riżoluzzjoni leġiżlattiva, jekk ikun hemm. Ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva fiha biss stqarrija li tgħid jekk il-Parlament japprovax jew jirrifjutax il-proposta jew jemendahiex. Din tista' tinkludi talbiet speċifiċi, normalment indirizzati lill-istituzzjonijiet l-oħra, jew kjarifiki.

    29. Il-votazzjonijiet kollha elenkati hawn fuq isiru permezz ta' maġġoranza sempliċi, jiġifieri maġġoranza tal-voti mitfugħa.

    30. Il-Parlament jista':

      • jirrifjuta l-proposta kollha kemm hi

      • japprova l-proposta mingħajr emendi

      • japprovaha b'emendi.

    31. Qabel il-votazzjoni fuq l-emendi, il-President jista' jitlob lill-Kummissjoni tiddikjara l-pożizzjoni tagħha u jista' jitlob lill-Kunsill jagħmel il-kummenti tiegħu.

    32. Jekk il-kumitat responsabbli, grupp politiku jew minn tal-inqas 36 MPE jressqu mozzjoni għaċ-ċaħda tal-proposta, u din il-mozzjoni tiġi adottata, il-President tal-Parlament jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-proposta tagħha. Jekk il-Kummissjoni tagħmel dan, il-proċedura leġiżlattiva tieqaf. Jekk il-Kummissjoni tirrifjuta, il-Parlament jista' jiddeċiedi li jirreferi l-kwistjoni lura lill-kumitat parlamentari. Huwa jista' jiddeċiedi wkoll li jagħmel dan jekk il-proposta tal-Kummissjoni, kif emendata jew le, tonqos milli tikseb il-maġġoranza tal-voti mitfugħa.

    33. It-test tal-proposta kif approvat mill-Parlament u r-riżoluzzjoni li takkumpanjah għandhom jintbagħtu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni mill-President bħala l-pożizzjoni tal-Parlament.

    34. Ladarba l-Parlament jikkonkludi l-ewwel qari tiegħu, il-Kummissjoni tista' tadotta "proposta mmodifikata" li tinkorpora għadd mill-emendi tal-Parlament.

    35. It-Trattat ma jistabilixxix limitu ta' żmien għall-ewwel qari tal-Parlament.

    Negozjati bejn il-Parlament u l-Kunsill
    1. Mit-trattat ta' Amsterdam 'il hawn, proċedura leġiżlattiva ordinarja tista' tiġi konkluża fl-ewwel qari. Fi snin riċenti, kien hemm tendenza, li kulma jmur bdiet tikber, ta' ftehimiet li jintlaħqu fl-ewwel qari. Sabiex jagħmlu dan, il-koleġiżlaturi (il-Parlament u l-Kunsill) iridu jinnegozjaw sakemm it-tnejn li huma ma japprovawx il-proposta tal-Kummissjoni mingħajr emendi jew sakemm ma jaqblux li jsiru emendi tekniċi minuri li ma jeħtiġux negozjati.

    2. Jekk il-kumitat jixtieq jidħol f'negozjati mal-Kunsill bil-ħsieb ta' qbil fl-ewwel qari, huwa jista' wkoll, wara li jkun adotta r-rapport tiegħu, jadotta deċiżjoni biex jinnegozja b'maġġoranza assoluta.

    3. Ir-rapport tal-kumitat jikkostitwixxi l-mandat u jitħabbar fil-plenarja. Il-Membri mbagħad ikollhom 24 siegħa biex joġġezzjonaw. Jekk ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni qabel l-iskadenza, il-kumitat jista' jibda jinnegozja. Jekk titqajjem oġġezzjoni, il-mandat jitressaq għall-votazzjoni fil-plenarja: maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Parlament tista' tapprova l-mandat. Jekk il-mandat jiġi miċħud, ir-rapport tal-kumitat u kwalunkwe emenda jiddaħħlu fl-aġenda tas-sessjoni plenarja li jmiss, li fiha l-Parlament jista' jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, jew jirreferi l-proposta lura lill-kumitat għan-negozjar (abbażi tal-emendi mressqa fil-plenarja) jew biex tiġi eżaminata mill-ġdid.

    4. Inkella, il-kumitat jista' jfittex li jikseb minnufih mandat mill-plenarja. F'każijiet bħal dawn, il-kumitat iressaq ir-rapport tiegħu lill-plenarja, li, qabel ma tikkonkludi l-votazzjoni fl-ewwel qari tal-Parlament, tista' tiddeċiedi li tirreferi l-fajl lura lill-kumitat għan-negozjar, flimkien ma' kwalunkwe emenda adottata mill-plenarja.

    5. Għal negozjati interistituzzjonali ta' proposti leġiżlattivi, it-tim tan-negozjar tal-Parlament jiġi ppresedut mill-president tal-kumitat responsabbli, filwaqt li r-rapporteur għall-fajl speċifiku għandu rwol ewlieni fid-difiża tal-pożizzjoni tal-Parlament. It-tim jinkludi wkoll ix-shadow rapporteurs mill-gruppi politiċi.

    6. Fejn in-negozjati jirnexxu, il-president tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper), li jħejji d-deċiżjonijiet tal-Kunsill, jibgħat ittra lill-president tal-kumitat parlamentari respinsabbli, li fiha l-Kunsill jimpenja ruħu li japprova l-emendi tal-Parlament jekk ikunu konformi mal-kompromess konġunt identifikat mill-Kunsill u mill-Parlament.

    7. Il-Ftehim proviżorju għandu jiġi approvat fil-kumitat responsabbli b'vot ta' maġġoranza sempliċi. Imbagħad jitressaq fil-plenarja mill-kumitat responsabbli.

    8. Il-ftehimiet provviżorji jingħataw prijorità fil-plenarja. Il-votazzjoni fuq ftehimiet bħal dawn issir wara votazzjoni fuq proposti għaċ-ċaħda, iżda b'mod ġenerali qabel votazzjoni fuq l-emendi.

  3. L-ewwel qari fil-Kunsill

    Waqt l-ewwel qari tiegħu, il-Kunsill jista' jiddeċiedi li jaċċetta l-pożizzjoni tal-Parlament, f'liema każ l-att leġiżlattiv jiġi adottat, jew jista' jemenda l-pożizzjoni tal-Parlament u jibgħat il-proposta lura lill-Parlament għat-tieni qari.

    Fid-dettall:

    Skadenzi

    Ma hemm l-ebda limitu ta' żmien għall-ewwel qari tal-Kunsill.

    Voti

    Il-Kunsill jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata, sakemm il-pożizzjoni tiegħu ma tkunx differenti minn dik tal-Kummissjoni: f'dak il-każ tkun meħtieġa l-unanimità.

    Involviment taċ-ċittadini

    Skopri x'pożizzjoni qed jieħu l-gvern tiegħek dwar leġiżlazzjoni proposta u ibgħat il-kummenti u t-tħassib tiegħek lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti.

    Dokument riżultanti

    Jekk il-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tal-Parlament mingħajr tibdiliet, l-att leġiżlattiv jiġi adottat u ppubblikat bħala direttiva (jew regolament jew deċiżjoni) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    Jekk il-Kunsill jipproponi tibdiliet fil-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari, id-dokument li jirriżulta jkun: il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-Ewwel Qari.

    Statistika

    Matul il-leġiżlatura 2014–2019, intlaħaq qbil fl-ewwel qari fuq 89 % tal-fajls, meta mqabbel ma' 85 % fil-leġiżlatura 2009-2014, 72 % fil-leġiżlatura 2004-2009 u 29 % fil-leġiżlatura 1999–2004.

    Iż-żmien medju biex proposta tal-Kummissjoni tiġi adottata fl-ewwel qari – mill-pubblikazzjoni sal-iffirmar wara l-adozzjoni ta' att – kien ta' ftit inqas minn 18-il xahar fil-leġiżlatura 2014-2019, meta mqabbel ma' 17-il xahar fil-leġiżlatura 2009-2014, 16-il xahar fil-leġiżlatura 2004-2009 u 11-il xahar fil-leġiżlatura 1999-2004.

    Testi sħaħ

    Ħidma preparatorja fil-Kunsill timxi b'mod parallell mal-ewwel qari fil-Parlament, iżda l-Kunsill jista' jwettaq l-ewwel qari tiegħu biss abbażi tal-pożizzjoni tal-Parlament. Il-Kunsill jista': jaċċetta l-pożizzjoni tal-Parlament, u f'dak il-każ l-att leġiżlattiv jiġi adottat; jew jadotta bidliet fil-pożizzjoni tal-Parlament, li jwassal għall-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari, li tintbagħat lill-Parlament għat-tieni qari.

    1. Il-proposta tal-Kummissjoni tintbagħat lill-Kunsill fl-istess ħin li tgħaddi f'idejn il-Parlament.

    2. Il-ħidma preparatorja fil-Kunsill timxi b'mod parallell mal-ewwel qari fil-Parlament, iżda l-Kunsill jistà jadotta l-pożizzjoni tiegħu wara li jkun aġixxa l-Parlament.

    3. L-istituzzjonijiet huma mħeġġa jagħmlu skambju ta' informazzjoni dwar il-progress u l-iskeda tan-negozjati fil-qafas tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

    4. L-istess bħall-Parlament, ma hemm l-ebda limitu ta' żmien għall-ewwel qari tal-Kunsill.

    5. Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill huma ppreparati fi ħdan il-gruppi ta' ħidma magħmula minn rappreżentanti tal-Istati Membri preseduti mir-rappreżentant tal-pajjiż li jeżerċita l-presidenza b'rotazzjoni ta' sitt xhur, assistit mis-segretarjat tal-Kunsill. Ir-rapport tal-gruppi ta' ħidma lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper, Parti I jew II), li jipprepara kull deċiżjoni tal-Kunsill meħuda fuq livell ministerjali.

    6. Qabel ma jilħaq pożizzjoni fl-ewwel qari, il-Kunsill jista' jilħaq ftehim fil-prinċipju, komunement imsejjaħ approċċ ġenerali.

      1. Dan jista' jikkostitwixxi l-mandat tal-Kunsill għan-negozjati mal-Parlament.

      2. Aktar spiss, il-Kunsill jadotta mandati ta' negozjar fil-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper). Ladarba n-negozjati mal-Parlament ikunu ġew konklużi, jew meta ma jkunx hemm negozjati, il-Kunsill l-ewwel jilħaq "qbil politiku", li jistabbilixxi d-deskrizzjoni ġenerali tal-pożizzjoni proposta tiegħu fl-ewwel qari. Id-dettalji ta' dan il-qbil imbagħad jiġu ffinalizzati mill-gruppi ta' ħidma, verifikati mill-ġuristi lingwisti (l-esperti legali għal kull lingwa li jissorveljaw il-korrettezza legali u lingwistika tat-testi) u f'laqgħa sussegwenti jiġu adottati formalment bħala pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari.

      Fiż-żewġ każijiet, il-Kunsill jiffinalizza l-pożizzjoni tiegħu biss wara li jirċievi l-emendi tal-Parlament fl-ewwel qari u l-proposta emendata tal-Kummissjoni li tirriżulta minn dan.

    7. Pożizzjoni tal-ewwel qari tista' tiġi adottata mingħajr dibattitu fejn ikun intlaħaq ftehim fl-istadju preparatorju (Punt "A" fuq l-aġenda) jew b'dibattitu (Punt "B") jew, f'każijiet eċċezzjonali, permezz ta' proċedura bil-miktub. Fl-ewwel żewġ każijiet, id-deliberazzjonijiet ikunu pubbliċi.

    8. Il-Kunsill jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata minbarra fir-rigward ta' tassazzjoni, sigurtà soċjali, politika barranija, difiża u kooperazzjoni tal-pulizija operattiva, li jirrikjed u l-unanimità.

    9. Hemm erba' xenarji possibbli għall-ewwel qari tal-Kunsill:

      1. Jekk il-Parlament ma jkun adotta l-ebda emenda u l-Kunsill ma jixtieqx li jbiddel il-proposta tal-Kummissjoni, jista' japprova l-att b'maġġoranza kwalifikata. Sussegwentament, l-att jiġi adottat.

      2. Jekk il-Parlament ikun introduċa emendi, l-adozzjoni tal-att tiddependi mill-approvazzjoni tal-emendi kollha min-naħa tal-Kunsill b'maġġoranza kwalifikata jekk il-Kummissjoni tkun inkorporathom fil-proposta emendata tagħha, jew b'unanimità jekk ma tkunx għamlet dan. Jekk il-Kunsill japprova l-emendi kollha tal-Parlament, l-att jiġi adottat.

      Ladarba l-att jiġi adottat, jitressaq biex jiġi ffirmat mill-Presidenti u s-Segretarji Ġenerali tal-Parlament u tal-Kunsill, u jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali.

      1. Filwaqt li mhuwiex stipulat espliċitament fit-Trattat, huwa ġeneralment aċċettat li l-Kunsill, permezz ta' maġġoranza kwalifikata, jista' jirrifjuta l-proposta tal-Kummissjoni kollha kemm hi.

        Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi fi kwalunkwe ħin waqt l-ewwel qari li tirtira u tbiddel il-proposta tagħha.

      2. Jekk il-Kunsill ma jadottax l-emendi kollha tal-Parlament jew ikun irid jintroduċi l-bidliet tiegħu stess, jadotta pożizzjoni tal-ewwel qari.

    10. It-test tal-pożizzjoni tal-ewwel qari tintbagħat lill-Parlament, flimkien ma' dikjarazzjoni bir-raġunijiet, u kwalunkwe dikjarazzjonijiet magħmula mill-Kunsill u/jew mill-Kummissjoni għall-minuti tal-Kunsill. Il-Kummissjoni tinforma lill-Parlament bil-pożizzjoni tagħha.

    11. Il-Parlament ġeneralment jiġi infurmat bil-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari fis-sessjoni plenarja ta' wara l-adozzjoni formali tagħha. Il-limiti ta' żmien stabbiliti mit-Trattat għall-istadji sussegwenti tal-proċedura jibdew wara li l-Parlament iħabbar li rċieva l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari fil-plenarja (il-jum ta' wara t-tħabbira, li normalment issir il-Ħamis).

    12. Fejn ikun possibbli, isir kuntatt informali fil-perjodu bejn il-qbil politiku u n-notifika formali tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari, bl-għan li jkun iffaċilitat qbil (bikri) tat-tieni qari (magħruf ukoll bħala "pożizzjoni nnegozjata tal-ewwel qari").

    Negozjati bejn l-istituzzjonijiet tal-UE

    Meta l-koleġiżlaturi jkunu qed jimmiraw għal qbil fl-ewwel qari jorganizzaw laqgħat informali li għalihom jattendu r-rappreżentanti tal-Parlament (ir-rapporteur u x-shadow rapporteurs), tal-Kunsill (il-president tal-Presidenza tal-grupp ta' ħidma u/jew il-Coreper, xi drabi anke xi ministru), u tal-Kummissjoni (id-dipartiment responsabbli għad-dossier, xi drabi wkoll il-Kummissarju responsabbli). Dawn il-laqgħat huma magħrufa bħala trilogi.

    L-għan hu li jkun żgurat li l-emendi tal-Parlament adottati fil-plenarja huma aċċettabbli għall-Kunsill. Il-Kummissjoni ta' spiss għandha rwol ta' medjatur fir-rigward tat-testi ta' kompromess.

    Il-koleġiżlaturi ta' spiss jinnegozjaw ukoll wara l-ewwel qari tal-Parlament iżda qabel ma l-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari. Jekk jirnexxu, tali negozjati jwasslu għall-hekk imsejħa ftehimiet bikrija fit-tieni qari, peress li l-pożizzjoni tal-Parlament fit-tieni qari, li tkun identika għall-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari, tikkonkludi l-proċedura leġiżlattiva.

    Għall-kuntrarju tan-negozjati fl-istadju tal-ewwel qari, il-mandat tal-Parlament ikun il-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari. Fejn in-negozjati jirnexxu, il-president tal-kumitat parlamentari responsabbli jibgħat ittra lill-president tal-Coreper, li fiha l-Parlament jimpenja ruħu li japprova l-emendi tal-Kunsill jekk ikunu konformi mal-kompromess li jkun sar qbil fuqu.

    Il-Ftehim proviżorju għandu jiġi approvat fil-kumitat responsabbli, b'vot ta' maġġoranza sempliċi. Imbagħad jitressaq quddiem il-plenarja mill-kumitat responsabbli.

    Riżultati possibbli:

    •  
      Adottata:

      Il-proposta leġiżlattiva hi adottata.

      Il-maġġoranza l-kbira tal-proposti jiġu adottati f'dan l-istadju.

    •  

      Il-proposta leġiżlattiva tgħaddi għall-istadju li jmiss.

  4. It-tieni qari fil-Parlament

    Il-Parlament jeżamina l-pożizzjoni tal-Kunsill u japprovaha, f'liema każ l-att jiġi approvat; jew jirrifjutah, f'liema każ l-att ma jidħolx fis-seħħ u l-proċedura tintemm kollha kemm hi; jew jipproponi emendi u jirritorna l-proposta lill-Kunsill għat-tieni qari.

    Fid-dettall:

    Skadenzi

    Il-Parlament għandu tliet xhur biex iwettaq it-tieni qari, bil-possibilità ta' estensjoni ta' xahar.

    Voti

    Il-kumitat parlamentari responsabbli jiddeċiedi b'maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa.

    Il-plenarja taġixxi permezz ta' maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa jekk tapprova l- pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari mingħajr emendi. Kwalunkwe emenda jew rifjut tal-pożizzjoni tal-Kunsill trid tiġi approvata minn maġġoranza assoluta tal-MPE.

    Involviment taċ-ċittadini

    Ftit li xejn hemm il-possibilità li jiddaħħlu tibdiliet fit-test tal-abbozz. L-emendi jsiru biss biex jerġgħu jistabbilixxu emendi preċedenti tal-Parlament, li jirriflettu kompromess bejn il-Parlament u l-Kunsill, jew sitwazzjoni legali ġdida. Madankollu, inti tista' tikkuntattja lill-MPE tiegħek u titlobhom jivvutaw favur jew kontra kwalunkwe emenda u r-rapport.

    Dokument riżultanti

    Jekk il-Parlament japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari, jadotta riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari. L-att leġiżlattiv jiġi adottat u ppubblikat bħala direttiva (jew Regolament jew Deċiżjoni) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    Jekk il-Parlament Ewropew jivvota biex il-pożizzjoni tal-Kunsill tiġi mibdula, jadotta l-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew fit-tieni qari.

    Statistika

    Fil-leġiżlatura 2014–2019, 41 fajl minn 401 fajl konklużi taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (10 %) ġew adottati fl-hekk imsejjaħ tieni qari bikri, meta l-Parlament jadotta pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari negozjata minn qabel (bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni) mingħajr emendi, jiġifieri l-att jiġi adottat. Il-perjodu medju tal-proċedura għall-ftehim bikri fit-tieni qari kien ta' 39 xahar.

    Fil-leġiżlatura tal-2009-2014, 8 % tal-fajls ġew adottati bikri fit-tieni qari, u bħala medja ħadu 32 xahar. Fil-leġiżlatura tal-2004-2009, 10 % tal-fajls ġew adottati bikri fit-tieni qari, u bħala medja ħadu 25 xahar. Fil-leġiżlatura tal-1999-2004, 25 % tal-fajls ġew adottati bikri fit-tieni qari, u bħala medja ħadu 23 xahar.

    Testi sħaħ

    Il-Parlament Ewropew għandu tliet xhur (b'possibilità ta' estensjoni għal erba' xhur) biex jeżamina l-pożizzjoni tal-Kunsill. Il-pożizzjoni tal-Kunsill l-ewwel tgħaddi għal għand il-kumitat responsabbli, li jħejji rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Parlament. Il-plenarja tivvota dwar ir-rakkomandazzjoni inklużi l-emendi possibbli (li pero' jistgħu jkunu limitati). Hemm erba' eżiti possibbli għat-tieni qari: il-Parlament japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill u l-att jiġi adottat; il-Parlament ma jiħux deċiżjoni sal-limitu ta' żmien, f'liema każ l-att jiġi adottat kif emendat mill-Kunsill fl-ewwel qari tiegħu; il-Parlament jirrifjuta l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari, f'liema każ l-att ma jiġix adottat u l-proċedura tintemm; il-Parlament jipproponi emendi fil-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari u jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill għat-tieni qari.

    1. Jekk il-Kunsill ma jaqbilx mal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari, jadotta pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari , li tinbagħat lill-Parlament. Il-Parlament jirċievi wkoll komunikazzjoni mingħand il-Kummissjoni li tispjega l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-pożizzjoni tal-Kunsill u ir-raġuni għalfejn tappoġġjaha jew topponiha.

    2. Id-dokumentazzjoni li jirċievi l-Parlament tinkludi:

      • Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari

      • id-dikjarazzjonijiet kollha li saru fil-minuti tal-Kunsill meta ġiet adottata l-pożizzjoni

      • ir-raġunijiet li wasslu lill-Kunsill biex jadotta l-pożizzjoni tiegħu

      • Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni

    3. Hekk kif jirċievi d-dokumentazzjoni u wara li jivverifikaha, il-President jagħmel tħabbira fil-plenarja fejn jirrikonoxxi li waslet il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwarha. Il-fajl awtomatikament jintbagħat lill-kumitat responsabbli, li jkun l-istess bħal dak fl-ewwel qari. Id-dokumenti jkunu disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha.

    4. Għall-kuntrarju tal-ewwel qari, it-tieni qari huwa suġġett għal limiti ta' żmien stretti. Il-Parlament għandu jaġixxi fi żmien tliet xhur (li l-Parlament jew il-Kunsill jistgħu jitolbu li jiġu estiżi għal erbgħa). Id-data tal-bidu hija t-tħabbira tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari fil-plenarja.

    5. It-tieni qari tal-kumitat ġeneralment jixbah il-proċedura tal-ewwel qari, iżda t-test li jrid jiġi emendat hu l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari aktar milli l-proposta tal-Kummissjoni. Il-Kumitat responsabbli biss iħejji rapport; ma hemm l-ebda opinjoni mingħand kumitati oħra.

    6. Il-Kunsill jista' jiġi mistieden jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel laqgħa tal-kumitat responsabbli.

    7. Ir-rapporteur (normalment l-istess MPE li jkun fassal ir-rapport tal-ewwel qari) ifassal abbozz ta' rakkomandazzjoni, jiġifieri r-rapport tat-tieni qari.

    8. L-abbozz ta' rakkomandazzjoni jinkludi l-emendi proposti mir-rapporteur. Membri sħaħ jew sostituti pemanenti tal-kumitat biss jistgħu jressqu emendi addizzjonali.

    9. Hemm restrizzjonijiet fuq l-emendi tat-tieni qari fil-kumitat u fil-plenarja. Huma ammissibbli biss jekk ifittxu li:

      • jerġgħu jistabilixxu, parzjalment jew għalkollox, il-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari

      • jilħqu kompromess bejn il-Parlament u l-Kunsill

      • jemendaw parti mit-test tal-Kunsill li ma kienx inkluż fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni, jew ikun differenti fil-kontenut minn din tal-aħħar

      • biex jittieħed kont ta' fatt ġdid jew ta' sitwazzjoni legali ġdida li tkun tfaċċat wara l-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari.

    10. Il-president tal-kumitat responsabbli jiddeċiedi dwar l-ammissibilità tal-emendi.

    11. Jekk mindu jkun sar l-ewwel qari jkunu saru l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-President jista' jiddeċiedi li r-restrizzjonijiet ma japplikawx.

    12. Il-Kumitat jiddeċiedi dwar l-emendi u r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari b'maġġoranza sempliċi.

    13. Wara l-vot tal-kumitat, ir-rakkomandazzjoni tmur fil-plenarja.

    14. Ir-rakkomandazzjoni tipproponi l-approvazzjoni, l-emenda jew ir-rifjut tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari u tinkludi ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni proposta.

    15. Il-pożizzjoni tal-Kunsill u r-rakkomandazzjoni tat-tieni qari tal-kumitat jiddaħħlu awtomatikament fl-aġenda tal-abbozz tal-plenarja għall-Erbgħa ta' qabel id-data ta' skadenza tat-tieni qari tal-Parlament, iżda tista' tiġi ttrattata f'sessjoni plenarja aktar kmieni.

    16. L-emendi jistgħu jitressqu għall-plenarja mill-kumitat responsabbli, minn grupp politiku jew minn tal-anqas 36 MPE individwali.

    17. Ir-restrizzjonijiet li japplikaw għall-emendi fl-istadju tal-kumitat japplikaw ukoll fil-plenarja. Il-President tal-Parlament jiddeċiedi dwar l-ammissibilità tal-emendi mressqa għall-pleanrja. Id-deċiżjoni tal-President hija finali.

    18. Qabel ma ssir votazzjoni dwar kwalunkwe emenda fil-plenarja, il-President jista' jitlob lill-Kummissjoni tindika jekk tkunx lesta li taċċettahom jew le.

    19. F'każijiet bħal dawn il-Kummissarju responsabbli jispjega l-pożizzjoni tal-Kummissjoni rigward l-emendi matul id-dibattitu tal-plenarja ta' qabel il-votazzjoni. L-istess bħal fil-każ tal-ewwel qari, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni tiġi ppreparata mill-grupp għar-relazzjonijiet interistituzzjonali u sussegwentament tkun irratifikata mill-Kummissarji.

    20. Il-Kunsill jista' jkun mistieden ukoll sabiex jikkummenta.

    21. Ir-riżultati possibbli tat-tieni qari jinkludu:

      1. ir-rifjut tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari

      2. l-ebda vot tal-Parlament fil-limitu ta' żmien

      3. l-approvazzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari mingħajr emenda (qbil bikri tat-tieni qari)

      4. il-Parlament jipproponi emendi għall-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari.

    22. Il-kumitat responsabbli, grupp politiku jew tal-anqas 36 MPE jistgħu jipproponu li l-pożizzjoni tal-Kunsill tiġi rrifjutata. Il-proposta trid tiġi adottata b'maġġoranza tal-Membri tal-Parlament Ewropew - jiġifieri b'maġġoranza assoluta. Kwalunkwe proposta bħal din jittieħed vot dwarha qabel ma ssir il-votazzjoni fuq l-emendi.

    23. Ir-rifjut tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari jtemm il-proċedura leġiżlattiva: din tista' tiġi varata mill-ġdid biss permezz ta' proposta ġdida tal-Kummissjoni. F'Lulju 2005, maġġoranza kbira ta' MEPs irrifjutaw il-pożizzjoni tal-Kunsill fuq id-direttiva dwar il-privattivi tas-softwer (direttiva dwar il-jedd għall-privattiva ta' invenzjonijiet implimentati bil-kompjuter), sitwazzjoni li qatlet il-proposta. Dan il-każ qajjem il-mistoqsija jekk il-Kummissjoni tistax tirtira proposta li tkun għaddiet mill-ewwel qari. Filwaqt li l-Kummissjoni żżomm id-dritt tagħha li tirtira proposta fi kwalunkwe stadju, il-Parlament u l-Kunsill jargumentaw li ladarba l-Kunsill ikun adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari ikun dak it-test u mhux il-proposta tal-Kummissjoni li jifforma l-bażi għall-kumplament tal-proċedura; u konsegwentement il-Kummissjoni ma tistax tirtira test li ma tkunx għadha teżerċita "sjieda" fuqu.

    24. Jekk il-Parlament ma jiħux deċiżjoni sad-data ta' skadenza, l-att jiġi kkunsidrat li ġie adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari.

    25. Jekk ma titressaq jew tiġi adottata l-ebda emenda jew proposta għaċ-ċaħda, il-President sempliċement iħabbar li l-att propost ġie adottat (ma hemm l-ebda vot formali).

    26. Meta jiġi adottat, l-att leġiżlattiv jitressaq biex jiġi ffirmat mill-Presidenti u s-Segretarji Ġenerali tal-Parlament u l-Kunsill, u jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali.

    27. Fl-aħħar nett, il-Parlament jista' jipproponi emendi għall-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari. Iridu jilħqu l-kriterji tat-tieni qari u kull wieħed irid jiġi approvat minn maġġoranza assoluta tal-Membri tal-Parlament.

    28. Ir-riżultat tal-votazzjoni jiġi nnotifikata lill-Kunsill u lill-Kummmissjoni.

    29. It-Trattat jirrikjedi speċifikament li l-Kunsill iressaq opinjoni bil-miktub dwar l-emendi tal-Parlament u dan jiddetermina t-tip ta' vot neċessarju fil-Kunsill: jekk, pereżempju, il-Kunsill jixtieq jadotta emenda tal-parlament li l-Kummissjoni ressqet opinjoni negattiva dwarha, jeħtieġlu jagħmel dan b'mod unanimu.

    Negozjati bejn l-istituzzjonijiet tal-UE
    1. Sabiex in-negozjati jiġu konklużi b'suċċess qabel il-konċiljazzjoni, il-Parlament u l-Kunsill għandhom jinnegozjaw meta l-proposta tkun għadha qed tistenna t-tieni qari tal-Parlament. In-negozjati jsiru waqt laqgħat tripartitiċi informali (it-trilogi) li jinkludu l-Kummissjoni. It-tim tan-negozjati tal-Parlament huwa ppresedut mill-president tal-kumitat responsabbli, filwaqt li r-rapporteur għandu rwol ewlieni fid-difiża tal-pożizzjoni tal-Parlament. It-tim jinkludi wkoll ix-shadow rapporteurs mill-gruppi politiċi. Il-Kunsill huwa rrappreżentat mill-president tal-Presidenza tal-grupp ta' ħidma rilevanti tal-Kunsill jew il-Coreper – jew xi drabi minn ministru – u assistit mill-amministrazzjoni tal-Kunsill. Il-Kummissjoni hija normalment irrappreżentata mill-uffiċjali inkarigati mid-dossier (xi drabi mill-Kummissarju responsabbli), assistiti mis-Segretarjat Ġenerali u s-Servizz Legali tal-Kummissjoni.

    2. Il-mandat tal-Parlament f'dawn in-negozjati huwa l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari.

    3. L-għan ta' dawn in-negozjati hu li jintlaħaq ftehim dwar pakkett ta' emendi li jkun aċċettabbli għall-Kunsill u għall-Parlament. L-opinjoni tal-Kummissjoni hi importanti wkoll, għax tiddetermina t-tip ta' vot tal-Kunsill li jkun meħtieġ dwar l-emendi tal-Parlament.

    4. Fejn in-negozjati jirnexxu, il-president tal-Coreper jibgħat ittra lill-president talkumitat parlamentari respinsabbli, li fiha l-Kunsill jimpenja ruħu li japprova l-emendi tal-Parlament jekk ikunu konformi mal-kompromess konġunt identifikat mill-Kunsill u mill-Parlament.

    5. Il-Ftehim proviżorju għandu jiġi approvat fil-kumitat responsabbli, b'vot ta' maġġoranza sempliċi. Imbagħad jitressaq fil-plenarja mill-kumitat responsabbli.

    Riżultati possibbli:

  5. It-tieni qari fil-Kunsill

    Il-Kunsill jeżamina l-pożizzjoni tal-Parlament fit-tieni qari u jew japprova l-emendi kollha tal-Parlament, li jfisser li l-att jiġi adottat, jew ma japprovax l-emendi kollha, li jwassal biex tissejjaħ laqgħa tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni.

    Fid-dettall:

    Skadenzi

    Il-Kunsill għandu tliet xhur biex iwettaq it-tieni qari b'possibilità ta' estensjoni ta' xahar.

    Voti

    Il-Kunsill jivvota b'maġġoranza kwalifikata dwar l-emendi tal-Parlament li għalihom il-Kummissjoni ressqet opinjoni pożittiva, u b'mod unanimu fir-rigward ta' emendi li għalihom il-Kummissjoni ressqet opinjoni negattiva.

    Involviment taċ-ċittadini

    Il-Kunsill jista' jirreaġixxi biss għall-emendi tal-Parlament. Inti tista' tgħarraf lill-gvern tiegħek bil-pożizzjoni tiegħek dwar l-emendi individwali.

    Dokument riżultanti

    Jekk il-Kunsill japprova l-pożizzjoni tal-Parlament fit-tieni qari, l-att leġiżlattiv jiġi adottat u ppubblikat bħala direttiva (jew regolament jew deċiżjoni) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    Jekk il-Kunsill ma japprovax il-pożizzjoni tal-Parlament fit-tieni qari, il-proċedura leġiżlattiva tkompli bl-istadju ta' konċiljazzjoni.

    Statistika

    Fil-leġiżlatura 2014–2019, erbgħa biss minn 401 fajl leġiżlattiv (1 %) ġew miftiehma fit-tieni qari (bl-esklużjoni tal-ftehimiet bikrin fit-tieni qari), meta mqabbla ma' 5 % fil-leġiżlatura 2009–2014, 13 % fil-leġiżlatura 2004–2009 u 24 % fil-leġiżlatura 1999–2004.

    Il-perjodu medju tal-proċedura għall-adozzjoni fit-tieni qari matul il-leġiżlatura 2014-2019 (bl-esklużjoni tal-ftehimiet bikrin fit-tieni qari) kien ta' 40 xahar. Il-perjodu medju fil-leġiżlaturi 2009-2014 u 2004-2009 kien ta' 32 xahar, filwaqt li fil-leġiżlatura 1999–2004 kien ta' 24 xahar.

    Testi sħaħ

    Il-Kunsill għandu tliet xhur (bil-possibilità ta' estensjoni għal erba' xhur) biex jeżamina l-pożizzjoni tal-Parlament fit-tieni qari. Jiġi mgħarraf ukoll dwar il-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea rigward l-emendi tal-Parlament fit-tieni qari. Il-Kunsill jew japprova l-emendi kollha tal-Parlament, f'liema każ l-att leġiżlattiv jiġi adottat, jew ma japprovax l-emendi kollha. Fil-każ tal-aħħar, il-President tal-Kunsill, bi ftehim mal-President tal-Parlament, isejjaħ laqgħa tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni.

    1. Kif il-Kunsill uffiċjalment jirċievi l-emendi tat-tieni qari tal-Parlament Ewropew, bil-lingwi uffiċjali kollha, jibda' għaddej iż-żmien għat-tieni qari tal-Kunsill.

    2. Il-Kunsill issa għandu tliet xhur (jew erba' xhur jekk jiġu estiżi) biex jaġixxi.

    3. Il-Kunsill jista' jaċċetta jew jirrifjuta l-emendi tal-Parlament. Qabel ma jiddeċiedi, jirċievi l-opinjoni tal-Kummissjoni dwarhom.

    4. Il-proċedura tixbah lil dik tat-tħejjija tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari: il-grupp ta' ħidma kompetenti jħejji pożizzjoni li titressaq lill-Coreper u tiġi adottata mill-Kunsill.

    5. In-numru ta' voti meħtieġa fit-tieni qari tal-Kunsill jiddependi mill-opinjoni tal-Kummissjoni rigward l-emendi tal-Parlament. Emendi li l-Kummissjoni tagħti opinjoni pożittiva dwarhom jistgħu jiġu approvati minn maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill. Emendi li l-Kummissjoni għandha opinjoni negattiva dwarhom jirrikjedu approvazzjoni unanima mill-Kunsill.

    6. Jekk l-emendi tat-tieni qari tal-Parlament jiġu approvati mill-Kunsill, l-att leġiżlattiv ikun ikkunsidrat adottat. It-test leġiżlattiv jiġi ffirmat mill-president u s-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali.

    7. Jekk il-Kunsill ma japprovax l-emendi kollha tal-Parlament, il-President tal-Kunsill, bi qbil mal-President tal-Parlament Ewropew, isejjaħ laqgħa tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fi żmien sitt ġimgħat (b'possibilità ta' estensjoni ta' ġimagħtejn) mid-data tar-rifjut tal-Kunsill.

    Riżultati possibbli:

  6. Konċiljazzjoni

    Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, magħmul minn għadd indaqs ta' MPE u ta' rappreżentanti tal-Kunsill, jipprova jilħaq ftehim dwar test konġunt. Jekk ma jkunx hemm suċċess, l-att leġiżlattiv ma jidħolx fis-seħħ u l-proċedura tintemm. Jekk ikun hemm ftehim dwar test konġunt, dan jitressaq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għat-tielet qari.

    Fid-dettall:

    Skadenzi

    Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni jrid jiltaqa' fi żmien sitt ġimgħat (bil-possibilità ta' estensjoni għal tmien ġimgħat). Għandu sitt ġimgħat (jew tmien ġimgħat jekk iż-żewġ naħat jaqblu hekk) biex jiftiehmu dwar test konġunt.

    Voti

    Id-delegazzjoni tal-Parlament għall-Kumitat ta' Konċiljazzjoni tapprova t-test konġunt b'maġġoranza assoluta (mill-inqas 14-il vot minn 27 bħalissa), filwaqt li r-rappreżentanti tal-Kunsill ġeneralment jivvutaw b'maġġoranza kwalifikata.

    Involviment taċ-ċittadini

    Ma hemm l-ebda possibilità li jiddaħħlu emendi, imma tista' tgħarraf lill-MPE li jieħdu sehem fil-kumitat ta' konċiljazzjoni u lill-gvern tiegħek dwar il-punti li inti temmen li ma għandhomx jiġu inklużi fl-att leġiżlattiv finali.

    Dokument riżultanti

    Jekk jintlaħaq ftehim, il-kumitat joħroġ b'"test konġunt" jew (fil-verżjoni sħiħa) "Test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni".

    Statistika

    Matul il-leġiżlatura 2014–2019, ma kienx hemm proċeduri ta' konċiljazzjoni. Dan ikkonferma tendenza li kienet bdiet tidher matul leġiżlaturi preċedenti: fil-leġiżlatura 2009–2014, marru għall-konċiljazzjoni 2 % tal-fajls (9 fajls), li juri tnaqqis mill-5 % tal-fajls (24 fajl) ta' matul il-leġiżlatura 2004–2009 u mill-20 % ta' matul il-leġiżlatura 1999–2004.

    Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni naqas milli japprova test konġunt dwar:

    • it-Telefonija bil-leħen fl-1994

    • il-Kumitat tat-Titoli fl-1998

    • Id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol fl-2009

    • Ir-Regolament dwar l-Ikel Ġdid fl-2011

    Testi sħaħ

    Fi żmien sitt ġimgħat (b'estensjoni possibbli għal tmienja) mill-konklużjoni tat-tieni qari tal-Kunsill (li fih ma jaċċettax l-emendi kollha fit-tieni qari tal-Parlament), il-President tal-Kunsill u dak tal-Parlament Ewropew ilaqqgħu l-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, b'għadd indaqs ta' MEPs u rappreżentanti tal-Kunsill. Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni għandu sitt ġimgħat (bil-possibilità ta' estensjoni għal tmien ġimgħat) biex jiddeċiedi dwar test konġunt ibbażat fuq il-pożizzjonijiet tal-Parlament u tal-Kunsill fit-tieni qari. Jekk il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ma japprovax test konġunt, l-att leġiżlattiv propost jaqa' u l-proċedura tintemm. Jekk il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni japprova test konġunt, it-test jgħaddi għat-tielet qari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    1. Jekk il-Kunsill ma japprovax l-emendi kollha tal-Parlament fit-tieni qari, jitlaqqa' Kumitat tal-Konċiljazzjoni.

    2. Fil-qafas tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, iż-żewġ koleġiżlaturi – il-Parlament Ewropew u l-Kunsill – jinnegozjaw direttament bl-għan li jilħqu ftehim fil-forma ta' test konġunt.

    3. Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni għandu jiġi konvenut fi żmien sitt ġimgħat (jew tmienja, jekk ikun hemm qbil dwar estensjoni) mill-konklużjonijiet tat-tieni qari tal-Kunsill u n-notifika uffiċjali ta' dan lill-Parlament li mhux se jaċċetta l-emendi tal-Parlament fit-tieni qari.

    4. Kull proposta leġiżlattiva li tirrikjedi konċiljazzjoni tiġi diskussa separatament fi ħdan Kumitat ta' Konċiljazzjoni dedikat apposta.

    5. Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni jiġi konvenut mill-President tal-Kunsill bil-qbil tal-President tal-Parlament. Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni jitqies konvenut meta ssir l-ewwel laqgħa tiegħu.

    6. Mill-ġurnata tal-ewwel laqgħa, għandu sitt ġimgħat (b'estensjoni massima possibbli ta' ġimagħtejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament jew tal-Kunsill u bi qbil komuni bejniethom) biex jinnegozja u japprova test konġunt.

    7. Qabel ma l-kumitat jibda uffiċjalment il-ħidma tiegħu, it-trilogi preparatorji u l-laqgħat tekniċi jsiru hekk kif ikun ċar li l-Kunsill mhux se jkun jista' jaċċetta l-emendi tal-Parlament fit-tieni qari. Il-laqgħat tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni jistgħu jiġu interrotti wkoll bin-negozjati tat-trilogu.

    8. It-trilogi u l-laqgħat tekniċi jiġbru flimkien timijiet żgħar ta' negozjaturi mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, li kull wieħed minnhom jirrapporta lid-Delegazzjoni tiegħu fi ħdan il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni.

    9. Fit-trilogi, il-Parlament huwa rrappreżentat mill-president tad-delegazzjoni tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, mill-president tal-kumitat parlamentari responsabbli u mir-rapporteur, bl-assistenza tal-membri tas-segretarjat ta' konċiljazzjoni tal-Parlament, u jekk ikun neċessarju, bl-assistenza ta' membru tas-servizzi legali.

    10. Il-Kunsill huwa rrapreżentat minn membru tal-Kunsill jew mir-rappreżentant permanenti jew mid-deputat tiegħu (il-president tal-Coreper II jew I rispettivament) tal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza, bl-assistenza ta' membri mis-segretarjat tal-Kunsill, inkluż is-servizz legali tiegħu.

    11. Il-Kummissjoni Ewropea hija rrappreżentata mill-Kummissarju jew mir-rappreżentant tiegħu (id-Direttur Ġenerali tad-dipartiment responsabbli għad-dossier), assistit minn esperti, mis-servizz legali tiegħu u mill-amministrazzjoni.

    12. Normalment, għal-laqgħat tekniċi jattendu esperti u uffiċjali pubbliċi mit-tliet istituzzjonijiet.

    13. In-negozjati waqt it-trilogu huma bbażati fuq "dokument b'erba' kolonni" li jesponi l-pożizzjonijiet tal-Parlament u tal-Kunsill:

      1. il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari

      2. l-emendi tal-Parlament fit-tieni qari

      3. il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-emendi tal-Parlament (aċċettati, rifjutati jew, possibilment, test ta' kompromess)

      4. il-pożizzjoni tad-delegazzjoni tal-Parlament dwar il-proposti tal-Kunsill.

    14. Waqt in-negozjati, iż-żewġ delegazzjonijiet ifittxu li jilħqu kompromessi dwar l-emendi fejn ikun hemm differenzi pendenti. Għal dan il-għan, jista' jintalab xogħol ta' abbozzar dettaljat addizzjonali mill-gruppi ta' ħidma żgħar jew fil-livell politiku jew f'dak tekniku.

    15. Ir-riżultati ta' kull trilogu jiġu ppreżentati min-negozjaturi rispettivi għall-approvazzjoni tad-delegazzjonijiet tal-Parlament u tal-Kunsill: fejn ikun neċessarju, jiġu rranġati trilogi jew laqgħat informali oħrajn.

    16. Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni nnifsu jikkonsisti minn żewġ delegazzjonijiet indaqs: waħda mill-Parlament Ewropew u waħda mill-Kunsill.

      1. Id-delegazzjoni tal-Kunsill tkun tinkludi rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru (il-ministri, jew aktar ta' spiss, ir-rappreżentanti tal-Coreper tal-Istati Membri). Id-delegazzjoni tal-Kunsill tkun preseduta mill-ministru li jippresiedi fuq il-Kunsill responsabbli għad-dossier. Taġixxi b'maġġoranza kwalifikata (ħlief għad-dossiers li fir-rigward tagħhom it-Trattat jirrikjedi l-unanimità).

      2. Id-delegazzjoni tal-Parlament tinkludi għadd indaqs ta' MPE – 27 – flimkien ma' 27 sostitut (li jistgħu jivvotaw biss jekk membru tal-grupp politiku tagħhom ikun assenti). Tliet viċi presidenti tal-Parlament huma membri permanenti tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni u jużaw sistema ta' rotazzjoni għall-kopresidenza tiegħu. L-MPE l-oħra fid-delegazzjoni jinħatru mill-grupp politiċi, bi proporzjon skont id-daqs ta' kull grupp fil-Parlament. Il-maġġoranza normalment jinsiltu mill-kumitat parlamentari responsabbli għad-dossier. Fil-biċċa l-kbira tal-każi, id-delegazzjoni tipprova taħdem b'kunsens. Fil-każ ta' votazzjoni, id-deċiżjonijiet tad-delegazzjoni jittieħdu minn maġġoranza tal-membri li jikkomponuha (i.e. attwalment 14). Hawn taħt tista' ssib aktar informazzjoni dwar id-delegazzjoni tal-Parlament lill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni.

      3. Anke l-Kummissjoni, bi prinċipju rappreżentata mill-Kummissarju responsabbli għad-dossier, tieħu sehem fil-proċedimenti tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni bl-intenzjoni li tirrikonċilja l-pożizzjonijiet tal-Parlament u tal-Kunsill.

    17. L-istess bħalma jiġri waqt it-trilogi, l-istrument ta' ħidma ewlieni jkun id-dokument ta' ħidma b'erba' kolonni (ara l-punt 13), tradott għall-lingwi uffiċjali kollha. Il-kumitat ikollu wkoll il-proposta tal-Kummissjoni u l-opinjoni tagħha dwar l-emendi tal-Parlament fit-tieni qari.

    18. Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni hu ppresedut b'mod konġunt minn viċi president tal-Parlament u ministru tal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza. Jiltaqa' b'mod alternanti fil-bini tal-Parlament u tal-Kunsill, prinċipalment fi Brussell.

    19. Il-biċċa l-kbira tal-laqgħat tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni jibdew bi trilogu fejn iż-żewġ koleġiżlaturi jiċċaraw il-pożizzjonijiet tagħhom, abbażi tal-mandati mill-istituzzjonijiet rispettivi tagħhom. Il-Kummissjoni sservi ta' faċilitatur.

    20. L-istituzzjoni li tospita l-ewwel laqgħa tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni tkun responsabbli għall-editjar tat-test konġunt u l-ittra ta' trażmissjoni u, wara li l-att leġiżlattiv jiġi adottat definittivament mill-Parlament u mill-Kunsill, għall-iffirmar tal-att mill-Presidenti taż-żewġ istituzzjonijiet u għall-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    21. Jekk id-delegazzjonijiet tal-Parlament u tal-Kunsill ma jirnexxilhomx jilħqu qbil fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, il-proposta taqa'. Proċedura ġdida tista' tiġi bbażata biss fuq proposta ġdida tal-Kummissjoni. Sa Jannar 2020, kien hemm erba' każijiet biss fejn il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ma rnexxilux jilħaq qbil fuq test konġunt, jiġifieri fuq "It-Telefonija bil-Vuċi" (1994), "Il-Kumitat tat-Titoli" (1998), "Id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol" (2009) u "Ir-Regolament dwar Ikel Ġdid" (2011).

    22. Jekk id-delegazzjonijiet tal-Parlament u tal-Kunsill jilħqu kompromess, il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni jrid japprova test konġunt. Id-delegazzjoni tal-Kunsill tapprovah b'maġġoranza kwalifikata (jew b'unanimità fil-każi stipulati mit-Trattat), waqt li d-delegazzjoni tal-Parlament tivvota b'maġġoranza sempliċi tal-membri tagħha.

    23. Malli jintlaħaq qbil dwar test konġunt fi ħdan il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni (jew sussegwentement fi skambju ta' ittri bejn il-kopresidenti tal-Kumitat), is-Segretarjat Ġenerali tal-istituzzjoni fejn tkun saret l-ewwel laqgħa jħejji l-abbozz tat-test leġiżlattiv, bi prinċipju bil-lingwa użata waqt in-negozjati. Verżjoni provviżorja tittella' fuq is-sit web tal-Parlament kemm jista' jkun malajr wara tmiem in-negozjati. .

    24. Wara li ssirlu reviżjoni legali/lingwistika, id-dokument isir disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.

    25. Il-kopresidenti tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni jibagħtu t-test konġunt, flimkien ma' ittra ta' trażmissjoni, lill-President tal-Parlament u lill-President fil-kariga tal-Kunsill. Kull dikjarazzjoni mill-istituzzjonijiet tinhemeż ma' din l-ittra. L-ittra tintbagħat ukoll, għall-informazzjoni, lir-rappreżentant tal-Kummissjoni li jkun ħa sehem fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni.

    26. Il-qbil li jintlaħaq fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni jrid jiġi kkonfermat kemm mill-Parlament kif ukoll mill-Kunsill. Iż-żewġ istituzzjonijiet jivvotaw b'mod separat dwar it-test konġunt hekk kif ikun, mingħajr ebda possibilità ta' emendi ulterjuri.

    Id-delegazzjoni tal-Parlament fil-Konċiljazzjoni
    1. Fil-proċedura ta' konċiljazzjoni, il-Parlament Ewropew ikun rappreżentat minn delegazzjoni li tinkludi numru ta' MPE ekwivalenti għan-numru ta' membri tal-Kunsill. Id-delegazzjoni tinħatar separatament għal kull proċedura ta' konċiljazzjoni. Dmirha hu li tirrappreżenta lill-Parlament sħiħ fin-negozjati mal-Kunsill.

    2. Fil-bidu ta' kull leġiżlatura, jew jekk iseħħ tibdil importanti fil-kompożizzjoni politika globali tal-Parlament Ewropew waqt il-leġiżlatura, il-Konferenza tal-Presidenti tistabbilixxi l-kompożizzjoni politika tad-delegazzjonijiet lill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni skont is-saħħa relattiva tal-gruppi politiċi.

    3. It-tliet viċi presidenti b'responsabilità speċjali għall-konċiljazzjoni huma inklużi f'kull delegazzjoni u fil-kwota ta' Membri minn kull grupp politiku. Kull delegazzjoni tkun presduta minn xi ħadd minn dawn it-tlieta: huma jiddeċiedu bejniethom min se jkun responsabbli minn liema proċedura ta' konċiljazzjoni u konsegwentement min se jippresiedi liema delegazzjoni. Anke r-rapporteur(s) u l-president tal-kumitat parlamentari responsabbli huma membri ex officio tad-delegazzjoni, inklużi fil-kwota tal-grupp politiku tagħhom.

    4. Il-membri li jifdal tad-delegazzjoni jinħatru minn kull grupp politiku għal proċedura ta' konċiljazzjoni speċifika. Il-biċċa l-kbira tagħhom tkun mill-kumitat responsabbli jew mill-kumitati li jkunu taw l-opinjoni tagħhom. Meta tkun tapplika l-proċedura b'kumitati assoċjati, id-delegazzjoni tal-Parlament trid tinkludi lir-rapporteur ta' kwalunkwe kumitat assoċjat. Il-gruppi politiċi jridu jaħtru wkoll numru ndaqs ta' membri sostituti, li jistgħu jieħdu sehem attiv fil-proċedimenti tad-delegazzjoni imma li jistgħu jivvotaw biss jekk jissostitwixxu membru sħiħ.

    Organizzazzjoni tad-delegazzjoni
    1. Id-delegazzjoni tal-Parlament torganizza laqgħa kostituttiva biex tagħti mandat lit-tim negozjatur - normalment il-viċi president li jkun qed jippresiedi d-delegazzjoni, il-president tal-kumitat responsabbli u r-rapporteur(s) - sabiex ikunu jistgħu jinbdew il-laqgħat tat-trilogu.

    2. Il-Kummissjoni tkun preżenti għal din il-laqgħa u għal-laqgħat sussegwenti kollha tad-delegazzjoni tal-Parlament. Ir-rappreżentanti tagħha huma mistennija jippreżentaw u jispjegaw l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-emendi tal-Parlament fit-tieni qari u, possibilment, anke jipprovdu informazzjoni dwar żviluppi li jkunu qed iseħħu fil-Kunsill u li jkunu jafu dwarhom.

    3. Il-membri tad-delegazzjoni jissorveljaw il-progress tal-proċedura ta' konċiljazzjoni fuq bażi kontinwa f'laqgħat suċċessivi.

    4. L-għan ewlieni tal-laqgħat tad-delegazzjoni jkun l-aġġornar tal-mandat tat-tim negozjatur u d-diskussjoni dwar kwalunkwe test ta' kompromess. Jintlaħaq ftehim dwar ċerti emendi jew proposti ta' kompromess, suġġett għal ftehim ġenerali. Jekk jibqa' kwistjonijiet pendenti, id-delegazzjoni tagħti istruzzjonijiet lit-tim li jinnegozja dwar kif għandhom jitkomplew in-negozjati mal-Kunsill. Id-delegazzjoni tal-Parlament tikkunsidra l-kwistjonijiet proċedurali, bħal ngħidu aħna, jekk għandhiex issir laqgħa ta' trilogu oħra, jew jekk il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni jistax jitlaqqa' u, jekk inhu hekk, meta jista' jitlaqqa'.

    5. Fi tmiem il-proċedura, id-delegazzjoni tapprova jew tiċħad b'mod formali l-qbil li jintlaħaq fil-konċiljazzjoni. Id-delegazzjoni tfittex li taġixxi b'kunsens. Madankollu, jekk ikun hemm bżonn votazzjoni, l-approvazzjoni tirrikjedi l-appoġġ ta' maġġoranza assoluta mill-membri (tal-inqas 14 mis-27 possibbli).

    6. Id-delegazzjoni hija megħjuna minn servizz apposta tal-amministrazzjoni tal-Parlament, tal-Unità tal-Affarijiet Leġiżlattivi, u minn servizzi speċjalizzati: eż. is-servizzi legali, il-ġuristi lingwisti u s-servizz tal-istampa.

    Riżultati possibbli:

  7. It-tielet qari fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill

    • It-tielet qari fil-Parlament:

      Il-Parlament Ewropew jeżamina t-test konġunt u jivvota fil-plenarja. Ma jistax ibiddel il-kliem tat-test konġunt. Jekk jirrifjutah jew jonqos milli jaġixxi fuqu, l-att ma jiġix adottat u l-proċedura tintemm. Jekk jiġi approvat mill-Parlament u mill-Kunsill, l-att jiġi adottat.

    • It-tielet qari fil-Kunsill:

      Il-Kunsill jeżamina t-test konġunt. Ma jistax ibiddel il-kliem. Jekk jew jirrifjutah jew jonqos milli jaġixxi fuqu, l-att ma jidħolx fis-seħħ u l-proċedura tintemm. Jekk japprova t-test u l-Parlament japprovah ukoll, l-att jiġi adottat.

    Fid-dettall:

    Skadenzi

    Il-Parlament u l-Kunsill għandhom sitt ġimgħat biex japprovaw it-test konġunt, li jista' jiġi estiż għal tmien ġimgħat, jekk iż-żewġ istituzzjonijiet jaqblu. Jekk jew il-Parlament jew il-Kunsill jirrifjutaw it-test, jew ma japprovawhx fil-ħin, il-proċedura tintemm mingħajr l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni.

    Voti

    Il-Parlament japprova l-pożizzjoni konġunta b'maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa. Il-Kunsill japprova t-test konġunt b'maġġoranza kwalifikata.

    Involviment taċ-ċittadini

    It-test konġunt ma jistax jinbidel. Inti tista' titlob biss lill-gvern tiegħek u/jew lill-MPE biex japprova/w jew jirrifjuta/w it-test konġunt.

    Dokument riżultanti

    Il-Parlament Ewropew jadotta riżoluzzjoni leġiżlattiva dwar it-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni li fih jew japprova jew jirrifjuta t-test konġunt.

    Il-Kunsill ma jipproduċi l-ebda dokument uffiċjali.

    Jekk it-test konġunt jiġi approvat, l-att leġiżlattiv jiġi adottat u ppubblikat bħala direttiva (jew regolament jew deċiżjon) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    Statistika

    S'issa, tliet testi konġunti ġew irrifjutati mill-Parlament:

    • Il-protezzjoni tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi fl-1995

    • L-offerti ta' xiri fl-2001

    • Is-servizzi portwarji fl-2003

    Il-Kunsill qatt ma rrifjuta test konġunt.

    Testi sħaħ

    It-test konġunt jintbagħat fl-istess ħin lill-Parlament u lill-Kunsill għall-approvazzjoni. M'hemm l-ebda ordni speċifika li biha l-koleġiżlaturi jridu jiddeċiedu. Għandhom sitt ġimgħat (jew tmien ġimgħat jekk iż-żewġ naħat jaqblu hekk) biex jiddeċiedu u ma jistgħux jimmodifikaw it-test. Fil-Parlament, qabel il-votazzjoni dwar it-test konġunt isir dibattitu fil-plenarja. Jekk il-Parlament u l-Kunsill japprovaw it-test konġunt, il-proposta leġiżlattiva tiġi adottata. Jekk wieħed minnhom jew it-tnejn li huma jirrifjutawh, jew ma jweġbux fil-ħin, il-leġiżlazzjoni taqa' u l-proċedura tintemm. Tista' terġa' tinbeda mill-ġdid biss bi proposta ġdida mill-Kummissjoni.

    1. Jekk il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni japprova t-test konġunt, irid jiġi approva mill-Parlament Ewropew sħiħ u mill-Kunsill fit-tielet qari. Iż-żewġ istituzzjonijiet jivvotaw separatament dwar it-test konġunt imma ma jkun hemm l-ebda possibilità li jerġgħu jemendawh.

    2. Wara li l-proċedura ta' konċiljazzjoni tiġi konkluża b'suċċess, jitħejja abbozz ta' test konġunt abbażi tad-dokument ta' ħidma konġunt u kwalunkwe modifika miftehma waqt il-konċiljazzjoni. L-ewwel jiġi stabbilit b'ilsien wieħed u sussegwentement jiġi tradott għall-ilsna uffiċjali l-oħrajn. Il-verżjoni lingwistika oriġinali tal-abbozz tat-test konġunt tintbagħat lill-membri tad-delegazzjoni.

    3. It-test konġunt finalizzat, li jkun għadda minn verifika legali-lingwistika kemm fil-Parlament kif ukoll fil-Kunsill, jiġi trażmess formalment mill-kopresidenti tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni lill-President tal-Parlament u lill-President fil-kariga tal-Kunsill. Kwalunkwe dikjarazzjoni mill-istituzzjonijiet tiġi mehmuża mal-ittra tagħhom.

    4. It-tielet qari jitwettaq fuq perjodu ta' sitt ġimgħat mid-data ta' din l-ittra. L-iskadenza tista' tiġi estiża għal mhux iktar minn ġimagħtejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament jew tal-Kunsill u bi qbil komuni bejnithom.

    Parlament
    1. Matul il-perjodu ta' sitt ġimgħat (li possibilment jista' jittawwal għal tmien ġimgħat), il-membri tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew jirċievu t-test konġunt finali bil-lingwi rispettivi tagħhom, flimkien ma' rapport li jispjega id-diversi stadji u riżultati tal-proċedura ta' konċiljazzjoni, inkluż ir-rekord tal-votazzjoni mid-delegazzjoni fil-konklużjoni tal-proċedura ta' konċiljazzjoni. It-test konġunt finali, ir-rapport imfassal mir-rapporteur u l-president tad-delegazzjoni, l-ittra ta' trażmissjoni u kwalunkwe dikjarazzjoni istituzzjonali jintbagħtu lis-servizzi tal-plenarja tal-Parlament. F'dan il-punt, il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-qbil jiġu ppubblikati fuq is-sit tal-Parlament.

    2. Qabel il-votazzjoni dwar it-test konġunt, isir dibattitu fil-plenarja dwar l-eżitu tan-negozjati u l-qbil li jkun intlaħaq (jew ma ntlaħaqx) mal-Kunsill. Normalment id-dibattitu jibda bid-dikjarazzjonijiet tal-viċi president li jkun ippresieda d-delegazzjoni u tar-rapporteur. Il-plenarja mbagħad tivvota dwar it-test konġunt. L-approvazzjoni ssir b'maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa; inkella t-test konġunt jiġi miċħud.

    3. Sa Jannar 2020, il-Parlament irrifjuta testi konġunti tliet darbiet:

    Il-Kunsill
    1. It-test konġunt irid jiġi approvat ukoll mill-Kunsill, li ġeneralment jippreferi jivvota wara t-tielet qari tal-Parlament. Il-Kunsill jiddeċiedi permezz ta' maġġoranza kkwalifikata.

    2. Fil-prattika, l-approvazzjoni tat-test konġunt mill-Kunsill ma toħloqx problemi, peress li d-delegazzjoni tal-Kunsill fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni tkun tikkonsisti f'rappreżentant wieħed għal kull Stat Membru. S'issa, il-Kunsill qatt ma ċaħad qbil milħuq waqt il-konċiljazzjoni.

    3. Jekk waħda mill-istituzzjonijiet ma tapprovax it-test konġunt, il-proċedura leġiżlattiva tintemm: tista' tinbeda mill-ġdid biss bi proposta ġdida mill-Kummissjoni.

    4. Jekk it-test jiġi adottat kemm mill-Parlament u kemm mill-Kunsill, jitressaq biex jiġi ffirmat mill-Presidenti u s-Segretarji Ġenerali tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u wara dan jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Riżultati possibbli:

Riżultati possibbli

  • Proposta adottata

    Il-Parlament Ewropew jeżamina t-test konġunt u jivvota fil-plenarja. Ma jistax ibiddel il-kliem tat-test konġunt. Jekk jirrifjutah jew jonqos milli jaġixxi fuqu, l-att ma jiġix adottat u l-proċedura tintemm. Jekk jiġi approvat mill-Parlament u mill-Kunsill, l-att jiġi adottat.

    • Ir-regolamenti huma vinkolanti b'mod dirett fl-UE kollha mid-data stabbilita f'Il-Ġurnal Uffiċjali.

    • Id-Direttivi jistabbilixxu r-riżultati finali li għandhom jintlaħqu f'kull Stat Membru, iżda jħallu f'idejn il-gvernijiet nazzjonali biex jiddeċiedu kif jadattaw il-liġijiet tagħhom biex jilħqu dawk l-għanijiet. Kull direttiva tispeċifika d-data sa meta l-liġijiet nazzjonali għandhom jiġu adottati.

    • Id-Deċiżjonijiet japplikaw f'każijiet speċifiċi, li jinvolvu awtoritajiet jew individwi u huma vinkolanti bis-sħiħ.

  • Proposta mhux adottata

    Jekk proposta leġiżlattiva tiġi rrifjutata fi kwalunkwe stadju tal-proċedura, jew il-Parlament u l-Kunsill ma jistgħux jilħqu kompromess, il-proposta ma tiġix adottata u l-proċedura tingħalaq. Proċedura ġdida tista' terġa' tinbeda mill-ġdid biss bi proposta ġdida mill-Kummissjoni.

Il-proċedura leġiżlattiva ordinarja tagħti l-istess setgħat ta’ tfassil tal-liġijiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f’firxa wiesgħa ta’ oqsma (pereżempju, il-governanza ekonomika, l-immigrazzjoni, l-enerġija, it-trasport, l-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumatur).

Il-proċedura ġiet introdotta bit-terminu kodeċiżjoni bit-Trattat ta' Maastricht (1992), u mbagħad ġiet estiża u saret aktar effettiva bit-Trattat ta' Amsterdam (1999).

Bit-Trattat ta' Liżbona (2009), il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, kif ġiet msemmija mill-ġdid, saret il-proċedura leġiżlattiva ewlenija tas-sistema tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE.

Skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, test leġiżlattiv jista' jgħaddi minn massimu ta' tliet qari fil-Parlament, u jista' jidħol fis-seħħ biss jekk il-Parlament u l-Kunsill jilħqu ftehim dwar il-formulazzjoni finali.

Fil-fatt, din il-proċedura tiżgura li l-Membri tal-Parlament Ewropew bħala r-rappreżentanti eletti direttament tal-Ewropej ikollhom is-setgħa li jsawru r-regoli tal-UE u jidderieġu l-politiki tal-UE f'konformità mal-aspettattivi tal-votanti tagħhom.

Proċeduri leġiżlattivi speċjali

Fil-bidu, it-Trattat ta' Ruma tal-1957 ta rwol konsultattiv lill-Parlament Ewropew fil-proċess leġiżlattiv; il-Kummissjoni kienet tipproponi u l-Kunsill kien jadotta leġiżlazzjoni.

L-introduzzjoni tal-kodeċiżjoni u l-estensjoni gradwali tal-prerogattivi tal-Parlament b'bidliet sussegwenti fit-trattati fissru li wħud mill-proċeduri leġiżlattivi li ntużaw b'mod wiesa' fil-passat issa japplikaw għal għadd limitat ta' każijiet.

Konsultazzjoni

Wara konsultazzjoni, il-Parlament Ewropew jista' japprova jew jirrifjuta proposta leġiżlattiva, jew jipproponi emendi għaliha.

Il-Kunsill mhuwiex legalment obbligat li jqis l-opinjoni tal-Parlament iżda, f'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ma jridx jieħu deċiżjoni mingħajr ma jkun irċeviha.

Din il-proċedura issa tapplika għal oqsma leġiżlattivi bħall-eżenzjonijiet tas-suq intern u l-liġi tal-kompetizzjoni.

Kunsens

F'xi każijiet, it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistipulaw li l-Parlament Ewropew għandu jagħti l-kunsens tiegħu għat-tlestija ta' proċedura.

Dan ifisser li l-Parlament jista' japprova jew jiċħad att propost, iżda ma jistax jemendah. Jekk il-Parlament ma jagħtix l-approvazzjoni tiegħu, l-att ma jistax jiġi adottat mill-Kunsill.

L-approvazzjoni tal-Parlament hija meħtieġa meta tkun qed tiġi adottata leġiżlazzjoni ġdida dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

L-istess japplika meta l-Kunsill jadotta miżuri f'oqsma fejn il-kompetenzi tal-UE ma ngħatawx b'mod espliċitu iżda huma meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fit-trattati Ewropej - din hija magħrufa bħala l-klawżola ta' flessibbiltà skont l-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Il-proċedura ta’ kunsens, li qabel kienet magħrufa bħala kunsens, tapplika wkoll għal xi skopijiet oħra minbarra l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni. Il-Parlament Ewropew qed jintalab jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal ftehimiet internazzjonali nnegozjati mill-Unjoni Ewropea, jew ftehimiet li jikkonċernaw l-adeżjoni jew il-ħruġ ta' pajjiż mill-UE.

Barra minn hekk, il-Parlament irid jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal deċiżjonijiet tal-Kunsill skont l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jistgħu jiddeterminaw li pajjiż tal-UE jinsab f'riskju ta' ksur serju tal-valuri tal-UE jew diġà jinsab fi ksur serju u persistenti tal-valuri tal-UE.

Atti ta' implimentazzjoni u atti delegati

Meta l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw att leġiżlattiv, huma jistgħu jagħtu setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta atti mhux leġiżlattivi relatati ma’ dak l-att leġiżlattiv.
Hemm żewġ tipi ta' atti mhux leġiżlattivi:

  • atti ta' implimentazzjoni - fejn il-Kummissjoni għandha l-għan li toħloq kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni uniformi tal-att leġiżlattiv fil-pajjiżi kollha tal-UE
  • atti delegati - fejn il-Kummissjoni tkun awtorizzata tissupplimenta jew temenda xi elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv

Atti ta' implimentazzjoni

L-atti ta' implimentazzjoni jiġu ppreżentati lill-kumitati ta' esperti mill-pajjiżi tal-UE filwaqt li l-Parlament jinżamm infurmat matul il-proċedura u jżomm id-dritt tiegħu ta' skrutinju.

Abbażi ta' proposta mill-kumitat parlamentari responsabbli, il-Parlament jista' joġġezzjona, billi jiddikjara li l-abbozz ta' miżura ta' implimentazzjoni jeċċedi s-setgħat stabbiliti fl-att leġiżlattiv ikkonċernat jew mhuwiex konsistenti mal-liġi tal-UE f'aspetti oħra.

Il-Parlament jista' jitlob lill-Kummissjoni tirtira jew temenda l-miżuri jew tressaq proposta ġdida skont il-proċedura leġiżlattiva xierqa.

Atti delegati

L-atti delegati tipikament jintużaw meta xi elementi tal-att leġiżlattiv ikollhom jiġu adattati regolarment sabiex iqisu l-progress tekniku jew xjentifiku. Fil-prattika, il-Parlament u l-Kunsill jiddelegaw uħud mis-setgħat tagħhom bħala koleġiżlaturi, sabiex id-deċiżjonijiet jittieħdu malajr u b'mod effiċjenti.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-att leġiżlattiv, il-Parlament jew il-Kunsill jistgħu jiddeċiedu li joġġezzjonaw għal att delegat fi żmien ċertu perjodu (ġeneralment xahrejn) wara li jirċievu n-notifika. Jekk dan iseħħ, l-att delegat ma jistax jidħol fis-seħħ.

Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu jiddeċiedu wkoll li jirrevokaw id-delega tas-setgħa lill-Kummissjoni.

Il-Parlament Ewropew jista' jagħti bidu għal leġiżlazzjoni?

Il-Kummissjoni Ewropea għandha s-setgħa li tagħmel il-biċċa l-kbira tal-proposti leġiżlattivi fil-livell tal-UE.

Madankollu, l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħti lill-Parlament id-dritt li jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar suġġett partikolari.

Skont ftehim milħuq mill-Parlament u l-Kummissjoni, il-Kummissjoni impenjat ruħha li twieġeb talba bħal din fi żmien tliet xhur. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tipproponix leġiżlazzjoni wara t-talba tal-Parlament, hija għandha tiġġustifika l-pożizzjoni tagħha lill-Parlament.

Fi ħdan il-Parlament, l-istedina biex tiġi proposta leġiżlazzjoni ġdida tista' titressaq mill-kumitat responsabbli għas-suġġett jew minn Membru tal-PE wieħed jew aktar. Il-kumitat għall-baġits jista' jagħti opinjoni dwar l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-proposta.

Programmazzjoni annwali u pluriennali

Programmazzjoni annwali u pluriennali (H2)

Skont l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni tagħti bidu għall-programmazzjoni annwali u pluriennali tal-UE. Bil-ħsieb li jintlaħaq dak l-għan, il-Kummissjoni tħejji l-programm ta’ ħidma tagħha.

Il-Parlament Ewropew jikkoopera mal-Kummissjoni fil-proċess tal-abbozzar tal-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni u l-Kummissjoni għandha tqis il-prijoritajiet espressi mill-Parlament f'dak l-istadju.

Wara l-adozzjoni tal-programm mill-Kummissjoni, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jorganizzaw taħditiet u jaqblu dwar dikjarazzjoni konġunta li tistabbilixxi l-objettivi u l-prijoritajiet tal-UE.

L-arranġamenti dettaljati għall-kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kummissjoni fir-rigward tal-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni huma stabbiliti fil-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ istituzzjonijiet.